Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0769

    2012/769/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 4 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ĠU L 338, 12.12.2012, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/769/oj

    12.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 338/27


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-4 ta’ Diċembru 2012

    li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja li tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    (2012/769/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 291(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    F’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2012, il-Polonja talbet awtorizzazzjoni biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-punt 14 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali għal EUR 30 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni. Permezz ta’ dik il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jiġu eżentati minn ċerti obbligazzjonijiet jew mill-obbligazzjonijiet kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (2)

    F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittri li jġibu d-data tas-17 u t-18 ta’ Lulju 2012 bit-talba magħmula mill-Polonja. Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-19 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

    (3)

    Skont il-punt 14 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja tista’ tagħti eżenzjoni mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali għal EUR 10 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

    (4)

    Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/790/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), il-Polonja kienet awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2012 u bħala miżura ta’ deroga, li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali għal EUR 30 000 bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Peress li dan il-limitu ogħla rriżulta f’obbligazzjonijiet tal-VAT imnaqqsa għall-iżgħar negozji, filwaqt li dawn tal-aħħar għadhom jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Polonja għandha tiġi awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perijodu limitat ieħor.

    (5)

    Fil-proposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2004 għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa Direttiva 2006/112/KE, bil-għan li tissimplifika l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jippermettu lill-Istati Membri li jiffissaw limitu annwali ta’ dħul għall-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT sa EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont jiġi aġġornat kull sena. It-talba għal estensjoni ppreżentata mill-Polonja hija f’konformità ma’ dik il-proposta.

    (6)

    Mill-informazzjoni pprovduta mill-Polonja, il-miżura wasslet għal tnaqqis stmat fuq l-ammont globali fid-dħul baġitarju mill-VAT ta’ madwar 0,14 %.

    (7)

    Il-miżura ta’ deroga m’hu ser ikollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

    (8)

    Id-Deċiżjoni 2009/790/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/790/KE, id-data “31 ta’ Diċembru 2012” tinbidel b’dik tal-“31 ta’ Diċembru 2015”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. SHIARLY


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 283, 30.10.2009, p. 53.


    Top