This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0627
2012/627/EU: Commission Implementing Decision of 5 October 2012 on the recognition of the legal and supervisory framework of Australia as equivalent to the requirements of Regulation (EC) No 1060/2009 of the European Parliament and of the Council on credit rating agencies Text with EEA relevance
2012/627/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE
2012/627/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 274, 9.10.2012, p. 30–31
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 18/08/2019; Imħassar b' 32019D1276
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32012D0627R(01) | (ES) | |||
Repealed by | 32019D1276 | 19/08/2019 |
9.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 274/30 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-5 ta’ Ottubru 2012
dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2012/627/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni tat mandat lill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (KRET) li l-kompiti tiegħu ġew assunti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2011 skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (2) (AETS), fejn talbet il-parir tagħhom fir-rigward tal-valutazzjoni teknika tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. |
(2) |
Fil-parir mogħti fit-18 ta’ April 2012, l-AETS issuġġeriet li l-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jista’ jitqies bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. |
(3) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, jeħtieġ li jkun ivvalutat jekk ġewx issodisfati tliet kundizzjonijiet. |
(4) |
Skont l-ewwel kundizzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni jew għar-reġistrazzjoni u jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u regolatorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu kien introdott fl-1 ta’ Jannar 2010. Il-liġijiet u regolamenti rilevanti kollha, partikolarment l-Att dwar il-Korporazzjonijiet (2001) u l-Att dwar il-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investimenti (Australian Securities and Investments Commission – ASIC) (2001), daħlu fis-seħħ. Skont dan il-qafas regolatorju, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu għandhom ikunu rreġistrati u taħt superviżjoni fuq bażi kontinwa mill-Kummissjoni Awstraljana tat-Titoli u l-Investimenti (ASIC). Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jagħti biżżejjed setgħat lill-ASIC li jippermettu s-superviżjoni u l-infurzar effettivi tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, inkluża s-setgħa li tissanzjona s-CRAs (Credit Rating Agencies) li jiksru r-regoli applikabbli: L-ASIC tista’ tingħata l-mandat li tissekwestra kotba mhux prodotti mis-CRAs. Abbażi ta’ mandat ta’ tfittxija mogħti mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, l-ASIC għandha s-setgħa li tfittex fil-bini tas-CRAs. Minbarra dan, l-ASIC hija mogħtija s-setgħa mill-Att dwar il-Korporazzjonijiet li tapplika għand qorti federali għal ordnijiet biex tiġi kkanċellata l-liċenzja ta’ aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Wara tali kanċellazzjoni ta’ liċenzja, l-ASIC tista’ tapplika għand qorti għal ordnijiet li jipprojbixxu b’mod permanenti li CRA toħroġ klassifikazzjonijiet tal-krediti fl-Awstralja. Taħt l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista’ tapplika għal ordnijiet biex titwaqqaf imġiba illegali minn CRA jew biex jiġu imposti multi fuqha meta tikser waħda mill-obbligi tagħha skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-servizzi finanzjarji. Fil-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn l-AETS u l-ASIC huwa previst skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ infurzar u dawk superviżorji meħuda fil-konfront ta’ CRAs transfruntieri. |
(5) |
Skont it-tieni kundizzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fil-pajjiż terz għandhom ikunu soġġetti għar-regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stipulati mill-Artikoli 6 sa 12 u l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jissodisfa l-għanijiet tal-qafas regolatorju tal-UE għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess. Il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess hija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Awstraljana (Att dwar l-ASIC) inkluż l-obbligu ta’ ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u rekwiżiti organizzazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-esternalizzazzjoni, iż-żamma tar-rekords u l-kunfidenzjalità. Fir-rigward tal-governanza korporattiva, il-kundizzjonijiet ta’ liċenzja tal-ASIC jesiġu li CRA tkun organizzata b’tali mod li tiżgura li l-interess kummerċjali tagħha ma jfixkilx l-indipendenza u l-preċiżjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-qafas Awstraljan jesiġi wkoll li s-CRAs jistabbilixxu funzjoni rigoruża ta’ evalwazzjoni għal metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni u jinkludi firxa wiesgħa ta’ rekwiżiti ta’ divulgazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet tal-krediti u l-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jilħaq l-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, il-kwalità tal-klassifikazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Għalhekk dan jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f’termini ta’ integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. |
(6) |
Skont it-tielet kundizzjoni, is-sistema regolatorja fil-pajjiż terz għandha tevita l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji. Kwalunkwe ndħil bħal dan fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu u l-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni jmorru kontra l-għanijiet tal-Kapitolu 7 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tal-Awstralja tal-2001 u l-għanijiet tal-ASIC. La l-ASIC u lanqas xi awtorità pubbika oħra ma tista’ tingħatalhom is-setgħa li jindaħlu fil-kontenut tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu jew il-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, |
(7) |
Fl-isfond tal-fatturi eżaminati, il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistgħu jitqiesu li huma ssodisfati mill-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu. Għaldaqstant, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazjoni tal-kreditu għandu jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-AETS, se tkompli timmonitorja l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-deċiżjoni. |
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.