Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0281

    Deċiżjoni Nru 281/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ Marzu 2012 li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”

    ĠU L 92, 30.3.2012, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0516

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/281(1)/oj

    30.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 92/1


    DEĊIŻJONI Nru 281/2012/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-29 ta’ Marzu 2012

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-Programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 78(2)(g) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Fid-dawl tat-twaqqif ta’ Programm konġunt tal-UE dwar ir-risistemazzjoni mmirat biex iżid l-impatt tal-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni fil-provvediment ta’ protezzjoni għal refuġjati, u fil-massimizzar tal-impatt strateġiku ta’ risistemazzjoni permezz ta’ indirizzar iktar iffokat ta’ dawk il-persuni li għandhom ħtieġa ikbar għal risistemazzjoni, għandhom jiġu fformulati prijoritajiet komuni fir-rigward tar-risistemazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

    (2)

    L-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, li l-linji ta’ politika tal-Unjoni mniżżlin fil-Kapitolu dwar il-verifiki fuq il-fruntieri, l-asil u l-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom iridu jkunu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri, u li, meta hu meħtieġ, l-atti tal-Unjoni skont dan il-Kapitolu iridu jinkludu l-miżuri xierqa biex jagħtu effett lil dan il-prinċipju.

    (3)

    Għal dan il-għan, il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall- 2013 kif elenkati fl-Anness miżjuda mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) b’din id-Deċiżjoni huma stabbiliti abbażi ta’ żewġ kategoriji: l-ewwel waħda għandha tinkludi persuni li jappartjenu għal kategorija speċifika li taqa’ fil-kriterji ta’ risistemazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), u t-tieni waħda għandha tinkludi persuni minn pajjiż jew reġjun li jkun ġie identifikat mit-tbassir ta’ risistemazzjoni annwali tal-UNHCR u fejn azzjoni komuni tal-Unjoni jkollha impatt sinifikanti fl-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni.

    (4)

    Filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni stabbiliti fl-Anness miżjud mad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE minn din id-Deċiżjoni li jelenkaw il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni, huwa wkoll meħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni fir-rigward tar-reġjuni ġeografiċi speċifiċi u nazzjonalitajiet, kif ukoll għal kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati li għandhom jiġu risistemati, fejn ir-risistemazzjoni hija determinata li tkun is-soluzzjoni l-iktar xierqa għall-bżonnijiet speċjali tagħhom.

    (5)

    Minħabba l-importanza tal-użu strateġiku tar-risistemazzjoni minn pajjiżi jew reġjuni magħżula għall-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali, jeħtieġ li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni mit-Tanzanija, l-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina), il-Qarn tal-Afrika (iġ-Ġibuti, il-Kenja u l-Jemen) u l-Afrika ta’ Fuq (l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija), u minn kwalunkwe pajjiż jew reġjun ieħor li jintgħażel fil-futur.

    (6)

    Sabiex jiġu inkoraġġiti aktar Stati Membri sabiex jimpenjaw ruħhom f’azzjonijiet ta’ risistemazzjoni, huwa ugwalment neċessarju li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali lil dawk l-Istati membri li jiddeċiedu li jirrisistemaw persuni għall-ewwel darba.

    (7)

    Huwa wkoll neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ nefqa għall-appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (9)

    F’konformità mal-Artikoli 1, u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (10)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, annessa għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE hija b’din emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 3 inbidel b’dan li ġej:

    “3.   L-Istati Membri għandhom jirċievu ammont stabbilit skont il-paragrafu 3a għal kull persuna risistemata abbażi ta’ waħda jew aktar mill-prijoritajiet li ġejjin:

    (a)

    persuni minn pajjiż jew reġjun magħżul għall-implimentazzjoni ta’ Programm ta’ Protezzjoni Reġjonali;

    (b)

    persuni minn wieħed jew aktar mill-gruppi vulnerabbli li ġejjin:

    tfal u nisa f’riskju,

    minorenni mhux akkumpanjati,

    superstiti ta’ vjolenza u/jew tortura,

    persuni bi ħtiġijiet mediċi serji li jistgħu jiġu indirizzati biss jekk jiġu risistemati,

    persuni li għandhom bżonn ta’ risistemazzjoni ta’ emerġenza jew risistemazzjoni urġenti għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni legali u/jew fiżika.

    (c)

    il-prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall-2013 elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.”;

    (b)

    iddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   L-Istati Membri għandhom jirċievu ammont stabbilit ta’ EUR 4 000 għal kull persuna risistemata abbażi tail-prijoritajiet elenkati fil-paragrafu 3.

    Fil-każijiet indikati hawn taħt l-ammont stabbilit għandu jiżdied kif ġej:

    EUR 6 000 għal kull persuna risistemata għal dawk l-Istati Membri li ser jirċievu mill-Fond l-ammont stabbilit dwar ir-risistemazzjoni għall-ewwel darba,

    EUR 5 000 għal kull persuna risistemata għal dawk l-Istati Membri li diġà rċevew l-ammont stabbilit għar-risistemazzjoni mill-Fond darba matul is-snin preċedenti tal-operat tal-Fond.”;

    (c)

    il-paragrafu 4 inbidel b’dan li ġej:

    “4.   Fejn Stat Membru jirrisistema persuna skont aktar minn waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni elenkati fil-paragrafu 3, huwa għandu jirċievi ammont stabbilit għal din il-persuna darba biss.”;

    (d)

    il-paragrafu 6 inbidel b’dan li ġej:

    “6.   Sal-1 ta’ Mejju 2012, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni stima tan-numru ta’ persuni li ser jirrisistemaw, abbażi tal-prijoritajiet elenkati fil-paragrafu 3, matul is-sena kalendarja sussegwenti, li tinkludi t-tqassim skont il-kategoriji differenti li jsir riferiment għalihom f’dak il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 52.”;

    (e)

    żdied il-paragrafu li ġej:

    “7.   Ir-riżultati u l-impatt tal-inċentiv finanzjarju għall-azzjonijiet ta’ risistemazzjoni abbażi tal-prijoritajiet elenkati fil-paragrafu 3 għandhom jiġu rrappurtati mill-Istati Membri fir-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 50(2) u mill-Kummissjoni fir-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 50(3).”.

    (2)

    Fl-Artikolu 35, iddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5.   L-ammont stabbilit għal kull persuna risistemata allokat għall-Istati Membri għandu jingħata bħala somma sħiħa għal kull persuna effettivament risistemata.”.

    (3)

    It-test imniżżel fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala Anness għad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2012.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    N. WAMMEN


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 161) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat-8 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1.


    ANNESS

    “ANNESS

    Lista ta’ prijoritajiet speċifiċi komuni tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni għall-2013

    (1)

    Refuġjati Kongoliżi fir-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar (Burundi, Malawi, Rwanda, Żambja);

    (2)

    Refuġjati mill-Iraq fit-Turkija, is-Sirja, il-Libanu u l-Ġordan;

    (3)

    Refuġjati Afgani fit-Turkija, il-Pakistan u l-Iran;

    (4)

    Refuġjati Somali fl-Etjopja;

    (5)

    Refuġjati minn Burma fil-Bangladexx, il-Malażja u t-Tajlandja;

    (6)

    Refuġjati Eritrej fil-Lvant tas-Sudan.”.


    Top