Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0096

    2012/96/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta' Frar 2012 adattament u estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti għall-ewwel darba mid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ACP-KE

    ĠU L 47, 18.2.2012, p. 47–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/11/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/96(1)/oj

    18.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 47/47


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta' Frar 2012

    adattament u estensjoni tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri xierqa stabbiliti għall-ewwel darba mid-Deċiżjoni 2002/148/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet maż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija l-ACP-KE

    (2012/96/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), u kif emendat l-ewwel f'Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2) u emendat għat-tieni darba f'Ouagadougou fit-23 ta’ Ġunju 2010 (3), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Sħubija ACP-UE”, u b’mod partikulari l-Artikolu 96 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE (5), il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika taż-Żimbabwe taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-ACP-UE ġew mitmuma u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness ma’ dik id-Deċiżjoni. Dawk il-miżuri ġew estiżi kull sena minn dak inhar.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/106/UE (6), il- perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri ġie estiż għal perjodu ulterjuri ta' 12-il xahar sal-20 ta' Frar 2012.

    (3)

    Sadanittant, il-ħolqien ta’ Gvern ta' Għaqda Nazzjonali (GNU) ġie rikonoxxut bħala opportunità biex tiġi stabbilita mill-ġdid relazzjoni kostruttiva bejn l-Unjoni Ewropea u ż-Żimbabwe u biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tal-programm ta’ riformi tagħha.

    (4)

    Filwaqt li l-qagħda ġenerali tjiebet, l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi għadha batuta, u ċerti elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-UE, li għalih ikkommetta ruħu l-GNU fil-Ftehim Politiku Globali, għad iridu jiġu implimentati.

    (5)

    L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u l-Afrika t'Isfel, bħala animaturi tal-Ftehim Politiku Globali, biex jistabbilixxu ambjent li jwassal għal elezzjonijiet kredibbli. Il-konklużjoni ta' referendum paċifiku dwar il-Kostituzzjoni għandha tirrapreżenta parti importanti tal-proċess,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżuri msemmijin fl-ittra annessa ma’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ritenuti bħala miżuri xierqa skont it-tifsira tal-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-UE.

    Dawk il-miżuri għandhom japplikaw għal perjodu ta’ sitt xhur mill-20 ta’ Frar 2012 sal-20 ta’ Awwissu 2012. Dawn għandhom jinżammu taħt reviżjoni kostanti u jiġu vvalutati mill-ġdid fid-dawl ta' progress konkret fl-implimentazzjoni tal- Ftehim Politiku Globali u t-tħejjija ta' preparazzjoni għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli.

    L-ittra annessa ma’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lill-President taż-Żimbabwe, is-Sur Mugabe, u kopji tagħha għandhom jintbagħtu lill-Prim Ministru Tsvangirai u lis- Sur Welshman Ncube.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SAREEN


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

    (3)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

    (4)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    (5)  ĠU L 50, 21.2.2002, p. 64.

    (6)  ĠU L 43, 17.2.2011, p. 31.


    ANNESS

    ITTRA LILL-PRESIDENT TAŻ-ŻIMBABWE

    L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-UE. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-Istat tad-Dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija u għalhekk jiffurmaw il-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

    Bl-ittra tad-19 ta’ Frar 2002, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjoni tagħha li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet li saru skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-UE u li tieħu miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 96(2)(c) ta’ dak il-Ftehim. Permezz ta' ittri annwali, bl-aħħar waħda ddatata t-23 ta' Frar 2011, l-Unjoni Ewropea infurmatek bid-deċiżjonijiet tagħha li ma tirrevokax il-miżuri xierqa u testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tagħhom.

    Sa mill bidu tiegħu fl-2009, il-progress miksub mill-Gvern ta' Għaqda Nazzjonali ibbażat fuq il-Ftehim Politiku Globali (FPG) kien milqugħ mill-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ttenni l-importanza kbira li tagħti lid-djalogu politiku kif previst fl-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija ACP-UE, li nbeda uffiċjalment wara talba tal-Gvern taż-Żimbabwe waqt it-Trojka Ministerjali UE-Żimbabwe fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 fi Brussell. Kif maqbul miż-żewġ partijiet, l-għan ta' dan id-djalogu politiku huwa li progressivament ir-relazzjonijiet UE-Żimbabwe jiġu normalizzati tul l-implimentazzjoni tar-riformi previsti fl-FDG, biex b'hekk titwitta t-triq lejn elezzjonijiet kredibbli u paċifiċi.

    Bħala parti mill-proċess ġenerali ta' involviment mill-ġdid, l-Unjoni Ewropea ħadet passi biex ittaffi l-miżuri li japplikaw għaż-Żimbabwe. Ġew immodifikati miżuri xierqa biex jippermettu appoġġ għall-istituzzjonijiet u l-proċessi relatati mal-implimentazzjoni tal-FPG. L-Unjoni Ewropea provdit provviżorjament assistenza finanzjarja transitorja fil-forma ta' pakketti għal żmien qasir.

    Minn dakinhar l-Unjoni Ewropea kompliet tappoġġa l-isforzi li qed jagħmel il-Gvern ta' Għaqda Nazzjonali biex jimplimenta l-FPG, u laqgħet il-kisbiet li saru biex l-ekonomija ssir stabbli u biex jiġu restawrati servizzi soċjali bażiċi. Madanakollu, l-Unjoni Ewropea għadha qed tistenna li jsir progress rigward diversi riformi politiċi tal-FPG, inklużi l-proċess kostituzzjonali u r-riformi meħtieġa biex jinħoloq ambjent għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli, kif ukoll progress fil-qasam tar-rispett lejn id-drittijiet umani u l-istat tad-dritt. F'dan il-kuntest l-Unjoni Ewropea tilqa' l-isforzi ta' faċilizzazjoni mmexxijin mir-Repubblika tal-Afrika t'Isfel u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, u t-twaqqif ta' pjan ta' direzzjoni miftihem mill-partijiet kollha.

    L-Unjoni Ewropea tilqa' dikjarazzjonijiet reċenti li saru mill-paritjiet Żimbabweni kollha kontra l-vjolenza politika, u tibqa' tittama li l-progress soċjali u ekonomiku reċenti jiġi kkumplimentat minn riformi politiċi li jwasslu għal elezzjonijiet paċifiċi u kredibbli.

    Biex tkompli takkumpanja l-proċess ta' transizzjoni, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li:

    testendi l-miżuri xierqa tagħha stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2002/148/KE u 2010/97/PESK għar-riduzzjoni tal-perjodu ta' sitt xhur, b'dan ittenni r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fi kwalunkwe ħin wara li jittieħdu passi konkreti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Globali u fi tħejjija għall-elezzjonijiet.

    tipprepara Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp li jiġi iffirmat u implimentat hekk kif il-kundizzjonijiet jippermettu.

    Sadanittant, l-Unjoni Ewropea se tkompli tipprovdi assitenza ta' transizzjoni għall-irkupru ekonomiku, għas-setturi soċjali u għall-implimentazzjoni tal-FPG.

    Il-miżuri l-oħrajn kollha elenkati fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/148/KE jibqgħu japplikaw mingħajr bidliet. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tista’, jekk iċ-ċirkustanzi jinbidlu, tiġi riveduta fi kwalunkwe ħin qabel l-20 ta’ Awwissu 2012.

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Unjoni Ewropea tixtieq tistieden lill-Gvern taż-Żimbabwe għal djalogu politiku intensifikat skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-UE sabiex tiddefinixxi passi ulterjuri lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet UE-Żimbabwe. F'dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea tistenna bil-ħerqa ż-żjara tal-Kumitat tal-Involviment mill-ġdid taż-Żimbabwe fi Brussell, li tittama jista' jiġi organizzat għall-futur qrib.

    Għoddni dejjem tiegħek,

    Għall-Kummissjoni

    Għall-Kunsill


    Top