Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0084

    2012/84/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Frar 2012 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata 356043 (DP-356Ø43-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2012) 702) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 40, 14.2.2012, p. 22–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/02/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/84/oj

    14.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 40/22


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-10 ta’ Frar 2012

    li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata 356043 (DP-356Ø43-5) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 702)

    (It-testi bil-Franċiż, bl-Ingliż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/84/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u partikolarment l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-28 ta’ Frar 2007, Pioneer Overseas Corporation, ressqet applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja 356043 (“l-applikazzjoni”).

    (2)

    L-applikazzjoni tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li mhumiex ikel u għalf li fihom jew jikkonsistu mis-sojja 356043 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni. Għalhekk, skont l-Artikoli 5(5) u 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, din tinkludi d-dejta u t-tagħrif mitluba mill-Annessi III u IV tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (2) u tagħrif u konklużjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-prinċipji stipulati fl-Anness II mad-Direttiva 2001/18/KE. Din tinkludi wkoll pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali konformi mal-Anness VII mad-Direttiva 2001/18/KE.

    (3)

    Fis-26 ta’ Lulju 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) tat opinjoni favorevoli f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Din qieset li s-sojja 356043, kif deskritta fl-applikazzjoni, hija bla periklu daqs il-kontroparti tagħha li mhijiex ġenetikament modifikata fir-rigward tal-effetti potenzjali fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jew fuq l-ambjent (3).

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA qieset il-mistoqsijiet u t-tħassib speċifiċi kollha li tqajmu mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-Regolament.

    (5)

    Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ tal-ambjent, li jinkludi pjan ta’ sorveljanza ġenerali, ippreżentat mill-applikant huwa f’konformità mal-użu previst tal-prodotti.

    (6)

    Meta wieħed iqis dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata awtorizzazzjoni għall-prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja 356043 kif deskritta fl-applikazzjoni (“il-prodotti”).

    (7)

    Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għal kull organiżmu ġenetikament modifikat (“OĠM”) kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (4).

    (8)

    Abbażi tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA, l-ebda rekwiżiti speċifiċi tal-ittikkettjar għajr dawk stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma jidhru meħtieġa għall-ikel, l-ingredjenti tal-ikel u l-għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja 356043. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti jintużaw fil-limiti tal-awtorizzazzjoni prevista b’din id-Deċiżjoni, l-ittikkettjar tal-għalf li għandu fih jew li jikkonsisti mill-OĠM u prodotti oħra li mhumiex ikel u għalf li fihom jew li jikkonsistu mill-OĠM li għalih tkun intalbet awtorizzazzjoni, għandu jkun ikkumplementat minn indikazzjoni ċara li l-prodotti inkwistjoni ma jistgħux jintużaw għall-kultivazzjoni.

    (9)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (5), jistipula rekwiżiti għall-ittikkettjar fl-Artikolu 4(6) għall-prodotti li jikkonsistu minn, jew li fihom l-OĠM. Ir-rekwiżiti dwar ir-traċċabilità fil-każ ta’ prodotti li fihom jew li jikkonsistu minn OĠM huma stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 5 tal-Artikolu 4 u fil-każ ta’ ikel u għalf prodotti minn OĠM dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

    (10)

    Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jippreżenta rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stipulati fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Dawn ir-riżultati għandhom jiġu ppreżentati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għal għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). L-opinjoni tal-EFSA ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għat-tqegħid fis-suq u/jew kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi għall-użu u l-ġarr, inklużi r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel jew l-għalf, jew kundizzjonijiet speċifiċi għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjent u/jew żoni ġeografiċi partikolari, kif stipulat fil-punt (e) tal-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    (11)

    It-tagħrif rilevanti kollu dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandu jiddaħħal fir-reġistru tal-UE tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    (12)

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata permezz tal-Clearing-House tal-Bijosikurezza, lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (7).

    (13)

    L-applikant ġie kkonsultat dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni.

    (14)

    Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu; Tqies li jinħtieġ att ta’ implimentazzjoni u l-president ressaq l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-Kumitat tal-Appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-organiżmu ġenetikament modifikat u l-identifikatur uniku

    Is-sojja modifikata ġenetikament 356043, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ma’ din id-Deċiżjoni, hija assenjata l-identifikatur uniku DP-356Ø43-5, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.

    Artikolu 2

    L-awtorizzazzjoni

    Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni:

    (a)

    ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja DP-356Ø43-5;

    (b)

    ikel li fih, jikkonsisti minn, jew huwa prodott mis-sojja DP-356Ø43-5;

    (c)

    prodotti li mhumiex ikel u għalf li fihom jew li jikkonsistu mis-sojja DP-356Ø43-5 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

    Artikolu 3

    L-ittikkettjar

    1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “sojja”.

    2.   Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw, il-prodotti li fihom jew li jikkonsistu mis-sojja DP-356Ø43-5 msemmija fl-Artikolu 2(b) u (c).

    Artikolu 4

    Il-monitoraġġ tal-effetti ambjentali

    1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ tal-effetti ambjentali, kif inhu stipulat fil-punt (h) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

    2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jissottometti lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet imfassla fil-pjan ta’ monitoraġġ b’konformità mad-Deċiżjoni 2009/770/KE.

    Artikolu 5

    Ir-reġistru tal-UE

    It-tagħrif stipulat fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni għandu jiddaħħal fir-reġistru tal-UE tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    Artikolu 6

    Id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    Id-dententur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Pioneer Overseas Corporation, il-Belġju, li jirrappreżenta lil Pioneer Hi-Bred International, Inc., l-Istati Uniti tal-Amerika.

    Artikolu 7

    Il-validità

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

    Artikolu 8

    Id-destinatarju

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Pioneer Overseas Corporation, Avenue des Arts 44, 1040 Bruxelles/Brussel — il-Belġju.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

    (3)  http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2011-00856

    (4)  ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5.

    (5)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.

    (6)  ĠU L 275, 21.10.2009, p. 9.

    (7)  ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1.


    ANNESS

    (a)   L-applikant u d-Detentur tal-Awtorizzazzjoni

    Isem

    :

    Pioneer Overseas Corporation

    Indirizz

    :

    Avenue des Arts 44, 1040 Bruxelles/Brussel — il-Belġju

    F’isem Pioneer Hi-Bred International, Inc. — 7100 NW 62nd Avenue, P.O. Box 1014, Johnston, IA 50131-1014 — l-Istati Uniti tal-Amerika.

    (b)   L-indikazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti

    (1)

    ikel u ingredjenti tal-ikel li fihom, jikkonsistu minn, jew huma prodotti mis-sojja DP-356Ø43-5;

    (2)

    ikel li fih, jikkonsisti minn, jew huwa prodott mis-sojja DP-356Ø43-5;

    (3)

    prodotti li mhumiex ikel u għalf li fihom jew li jikkonsistu mis-sojja DP-356Ø43-5 għall-istess użi bħal kwalunkwe sojja oħra bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

    Is-sojja ġenetikament modifikata DP-356Ø43-5, kif deskritta fl-applikazzjoni, tesprimi l-proteina GAT li tagħti tolleranza lill-erbiċidi tal-glufosinat u l-proteina GM-HRA li tagħti tolleranza lill-erbiċidi ta’ inibizzjoni għall-ALS.

    (c)   L-ittikkettjar

    (1)

    Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ittikkettjar stipulati fl-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “sojja”;

    (2)

    Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta, u fid-dokumenti li jakkumpanjaw, il-prodotti li fihom jew li jikkonsistu mis-sojja DP-356Ø43-5 msemmija fl-Artikolu 2(b) u (c) ta’ din id-Deċiżjoni.

    (d)   Il-metodu tal-investigazzjoni

    Metodu fil-ħin reali speċifiku għall-avveniment ibbażat fuq il-PCR għall-kwantifikazzjoni tas-sojja DP-356Ø43-5;

    Ivvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE stabbilit skont ir-Regolament (KE)Nru 1829/2003, ippubblikat fuq http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/statusofdoss.htm;

    Materjal ta’ referenza: ERM®-AD425 aċċessibbli permezz taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza (IRMM) fuq https://irmm.jrc.ec.europa.eu/rmcatalogue.

    (e)   L-identifikatur uniku

    DP-356Ø43-5.

    (f)   Tagħrif meħtieġ skont l-Anness II mal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika

    Clearing-House tal-Bijosikurezza, Numru tar-Reġistru: ara [għandha timtela meta ssir in-notifika].

    (g)   Il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq, l-użu jew it-trattament tal-prodotti

    Mhux meħtieġa.

    (h)   Il-pjan ta’ monitoraġġ

    Il-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali konformi mal-Anness VII mad-Direttiva 2001/18/KE.

    [Link: il-pjan ippubblikat fuq l-Internet]

    (i)   Rekwiżiti ta’ monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem

    Mhux meħtieġa.

    Nota: il-links għal dokumenti rilevanti jista’ jkollhom bżonn jiġu emendati minn żmien għall-ieħor. Dawk il-modifiki se jsiru disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru tal-UE tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati.


    Top