This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0019
2012/19/EU: Council Decision of 16 December 2011 on the approval, on behalf of the European Union, of the Declaration on the granting of fishing opportunities in EU waters to fishing vessels flying the flag of the Bolivarian Republic of Venezuela in the exclusive economic zone off the coast of French Guiana
2012/19/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża
2012/19/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2011 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża
ĠU L 6, 10.1.2012, p. 8–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
10.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 6/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Diċembru 2011
dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża
(2012/19/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Soġġett għall-konformità tagħhom mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela (minn hawn ’il quddiem “il-Venezwela”) operaw fl-ilmijiet tal-UE fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana għal ħafna għexieren ta’ snin. |
(2) |
L-industrija tal-ipproċessar ibbażata fil-Gujana Franċiża tiddependi mill-iżbark minn dawk il-bastimenti tas-sajd u għalhekk il-kontinwità ta’ dawk l-operazzjonijiet għandha tiġi żgurata. |
(3) |
Sabiex tiġi żgurata tali kontinwità hu meħtieġ li l-Unjoni tagħmel dikjarazzjoni indirizzata lill-Venezwela li tikkonferma r-rieda tagħha li toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd għal għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela bil-kondizzjoni li jkunu konformi mal-atti applikabbli tal-Unjoni legalment vinkolanti, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (minn hawn ’il quddiem “id-Dikjarazzjoni”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tad-Dikjarazzjoni jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna(i) bis-setgħa li tinnotifika/jinnotifikaw din id-Dikjarazzjoni lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
M. SAWICKI
Dikjarazzjoni indirizzata lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża
1. |
L-Unjoni Ewropea għandha toħroġ awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil għadd limitat ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela biex jistadu fil-parti taż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża li tinsab aktar minn 12-il mil nawtiku mil-linji ta’ bażi, soġġett ġħall-kondizzjonijiet imniżżla f’din id-Dikjarazzjoni. |
2. |
F’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (1), il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtaru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom, meta jistadu fiż-żona msemmija fil-paragrafu 1, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni Ewropea dwar il-konservazzjoni u l-miżuri ta’ kontroll u dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona. |
3. |
B’mod akar partikolari, il-bastimenti tas-sajd awtorizzati li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandhom jikkonformaw ma’ kwalunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea li jispeċifikaw inter alia l-istokkijiet tal-ħut li jistgħu jkunu fil-mira, l-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd awtorizzati u l-proporzjon ta’ qabdiet li għandhom jiżbarkaw fil-portijiet fil-Gujana Franċiża. |
4. |
Mingħajr preġudizzju għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil bastimenti tas-sajd individwali li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela minħabba nuqqas tagħhom li jikkonformaw ma’ kawlunkwe regola jew regolament rilevanti tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea tista’ fi kwalunkwe ħin tirtira, permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali, l-impenn speċifiku espress f’din id-Dikjarazzjoni li tagħti opportunitajiet tas-sajd. |