Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1201

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1201/2011 tat- 18 ta’ Novembru 2011 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 305, 23.11.2011, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1201/oj

    23.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/8


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1201/2011

    tat-18 ta’ Novembru 2011

    dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni li l-informazzjoni li torbot dwar it-tariffa li tkun inħarġet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni tal-prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li ma tkunx skont dan ir-Regolament tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tkompli tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tiġi invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fit-totalitá tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-prodotti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi TARIC)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Pannell bi skrin ta’ kristalli likwidi (LCD) (imsejjaħ "modulu LCD"), ta' daqs dijagonali ta' madwar 66 cm (26 pulzieri), magħmul minn saff attiv ta’ matriċi ta’ kristalli likwidi maqbuda bejn żewġ saffi ta’ ħġieġ, mgħammar b’konnekters.

    Bejn l-ewwel saff ta’ ħġieġ u s-saff tal-kristalli likwidi hemm matriċi ta’ transister tat-tip thin film (TFT) li tipprovdi l-vultaġġ xieraq lill-pixels.

    Bejn is-saff tal-kristalli likwidi u t-tieni saff ta' ħġieġ hemm filter RGB li jikkontrolla l-kuluri tal-istampa li tkun qed tidher.

    Hemm għadd ta’ konnekters f’forma ta’ ċineg imqabbda mal-pannell. Kull konnekter jikkonsisti minn ċirkuwiti integrati f’minjatura (l-hekk imsejħa “source drivers IC”) fuq ċirkuwiti stampati. L-unitajiet taċ-ċirkuwiti stampati (PCBs) huma konnessi mas-source drivers IC. Is-“source drivers IC” jippermettu li s-sinjali tal-kurrent u ta' kontroll jgħaddu minnhom, kif ukoll li d-dejta tiġi trażmessa mill-PCBs għall-pixels individwali tal-matriċi attiva ta' kristalli likwidi.

    Il-modulu jintuża fil-manifattura ta’ moniters jew ta’ apparat ta’ riċezzjoni għat-televiżjonijiet taħt l-intestatura 8528 .

    8529909244

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(b) tat-Taqsima XVI u tal-kliem użat fil-kodiċi tan-NM 8529 , 8529 90 u 8529 90 92 u tal-kodiċi TARIC 8529909244 .

    Peress li l-modulu LCD huwa mgħammar b’source drivers IC li huma iktar minn konnekters elettriċi (jiġifieri għall-provvista tal-elettriku), il-klassifika fl-intestatura 9013 bħala tagħmir b’matriċi attiva ta’ kristalli likwidi hija eskluża (ara wkoll in-Noti Spjegattivi HS fl-intestatura 9013 (1)).

    Peress li l-modulu jikkonsisti minn saff TFT ta’ kristalli likwidi maqbud bejn żewġ saffi ta’ ħġieġ u huwa mgħammar b’kontroll elettroniku għall-indirizzar tal-pixels użata fil-manifattura ta' skrins jew ta' apparat għar-riċezzjoni għat-televiżjonijiet fl-intestatura 8528 , huwa meqjus li huwa parti użata unikament jew prinċipalment ma' apparat fl-intestatura 8528 skont il-kodiċi tan-NM 8529 90 92 .

    Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat fil-kodiċi tat-TARIC 8529909244 bħala modulu LCD li jikkonsisti unikament f’ċellula jew ċelluli TFT tal-ħġieġ jew tal-plastik, mhux ikkombinati ma’ faċilitajiet ta’ touch screen, b’unità tad-dawl minn wara l-iskrin (backlight) jew mingħajrha, b’inverters jew mingħajrhom u b’unità waħda ta’ ċirkuwiti stampati jew aktar esklussivament għall-kontroll elettroniku tal-indirizzar tal-pixel.


    Top