This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011R0619
Commission Regulation (EU) No 619/2011 of 24 June 2011 laying down the methods of sampling and analysis for the official control of feed as regards presence of genetically modified material for which an authorisation procedure is pending or the authorisation of which has expired Text with EEA relevance
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011 tal- 24 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf fir-rigward tal-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 619/2011 tal- 24 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf fir-rigward tal-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 166, 25.6.2011, pp. 9–15
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
|
25.6.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 166/9 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 619/2011
tal-24 ta’ Ġunju 2011
li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf fir-rigward tal-preżenza ta’ materjal ġenetikament modifikat li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni jew li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa u l-benesseri tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 tas-27 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi l-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-għalf (2) ma jistipulax regoli speċjali għall-kontroll ta’ materjal li fih, jikkonsisti jew huwa prodott mill-MĠM (Materjal Ġenetikament Modifikat) li għalih hija pendenti proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-UE jew materjal ĠM li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet. L-esperjenza wriet li fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, il-laboratorji uffiċjali u l-awtoritajiet kompetenti japplikaw metodi differenti ta’ teħid ta’ kampjuni u regoli differenti għall-interpretazzjoni tar-riżultati tat-testijiet analitiċi. Dan jista’ jwassal għal konklużjonijiet differenti fir-rigward tal-konformità ta’ prodott mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-ikel u l-għalf ġenetikament modifikat (3). Bħala riżultat tan-nuqqas ta’ regoli armonizzati, l-operaturi ekonomiċi jinsabu quddiem inċertezza legali u hemm riskju li jiġi affettwat il-funzjonament tas-suq intern. |
|
(2) |
Hemm mekkaniżmi internazzjonali differenti ta’ skambju ta’ informazzjoni li jipprovdu informazzjoni dwar valutazzjonijiet ta’ sigurtà mwettqa minn pajjiżi li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-OĠM. Skont il-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li tagħha l-Istati Membri kollha huma Partijiet, il-Partijiet għall-Protokoll iridu jinfurmaw lill-Partijiet l-oħra permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju tal-Informazzjoni (Biosafety Clearing House – BCH) dwar kull deċiżjoni finali għal dak li għandu x’jaqsam mal-użu domestiku, inkluż it-tqegħid fis-suq, ta’ OĠM li jista’ jkun soġġett għal ċaqliq minn fruntiera għal oħra għall-użu dirett bħala ikel jew għalf jew għall-ipproċessar. Din l-informazzjoni għandu jkollha, fost l-oħrajn, rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju. Il-pajjiżi li mhumiex Partijiet mill-Protokoll jistgħu wkoll jipprovdu din l-informazzjoni fuq bażi volontarja. Il-mekkaniżi internazzjonali ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠMs u l-valutazzjonijiet dwar is-sigurtà tagħhom huma pprovduti wkoll mill-FAO u l-OECD. |
|
(3) |
L-UE timporta kwantitajiet sinifikanti ta’ prodotti bażiċi magħmula f’pajjiżi terzi fejn il-koltivazzjoni OĠM hija komuni ħafna. Filwaqt li dawn il-prodotti bażiċi impurtati jintużaw kemm fil-produzzjoni tal-ikel kif ukoll tal-għalf, il-biċċa l-kbira tal-prodotti bażiċi li x’aktarx ikun fihom OĠMs jispiċċaw fis-settur tal-għalf u b’hekk jinġieb riskju ogħla ta’ tgħawwiġ ta’ kummerċ għal dan is-settur f’każijiet fejn l-Istati Membri japplikaw regoli differenti għall-kontrolli uffiċjali. Jidher li għalhekk huwa xieraq li l-ambitu ta’ dan ir-Regolament jiġi limitat għas-settur tal-għalf li mqabbel ma’ setturi oħra marbuta mal-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel għandu probabbiltà ogħla ta’ preżenza ta’ MĠ. |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jistipula li t-tqegħid fis-suq ta’ għalf ġenetikament modifikat huwa soġġett għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tinkludi l-pubblikazzjoni ta’ opinjoni tal-EFSA li l-parti ewlenija tagħha hija valutazzjoni tas-sigurtà. Biex tagħti l-opinjoni tagħha l-EFSA tikkonsulta lill-Istati Membri mal-wasla ta’ applikazzjoni valida u l-Istati Membri għandhom tliet xhur biex jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom. L-opinjoni tal-EFSA trid tinkludi wkoll metodu ta’ konferma vvaliditat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea (UE-LR). |
|
(5) |
Fil-prattika, il-validazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea (UE-LR) issir b’mod indipendenti mill-elementi l-oħra stipulati fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Ġeneralment il-metodu huwa vvalidat u ppubblikat qabel it-twettiq sħiħ tal-elementi l-oħra kollha biex l-opinjoni tal-EFSA tkun kompluta. Dawn il-metodi huma ppubblikati fuq il-websajt tal-UE-LR u huma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll għal kull parti oħra interessata. |
|
(6) |
Metodu jista’ jiġi vvalidat biss jekk ikun konformi mar-regoli ddettaljati dwar il-validità tal-metodu stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 641/2004 tas-6 ta’ April 2004 dwar regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf ġdid ġenetikament modifikat, in-notifika ta’ prodotti eżistenti u preżenża aċċidentali jew teknikament inevitabbli ta’ materjal ġenetikament modifikat li bbenefika minn valutazzjoni tar-riskju favorevoli (4). Barra minn hekk, kif meħtieġ skont dan ir-Regolament, ġew stabbiliti kriterji komuni għal rekwiżiti ta’ prestazzjoni minima għal metodi analitiċi għall-ittestjar tal-OĠM (5). |
|
(7) |
Il-metodi ta’ analiżi vvalidati mill-UE-LR fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u għat-tqegħid fis-suq, l-użu u l-ipproċessar ta’ prodotti eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 huma metodi kwantitattivi speċifiċi għall-avveniment. Huma jiġu vvalidati permezz ta’ prova kollaborattiva skont il-prinċipji tal-istandard Internazzjonali ISO 5725 u/jew il-protokoll tal-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata (UIKPA). Fil-fatt, l-UE-LR bħalissa huwa l-uniku laboratorju fid-dinja li jivvalida metodi kwantitattivi speċifiċi għall-avveniment skont l-istandards imsemmija hawn fuq fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ qabel it-tqegħid fis-suq. Dawn il-metodi kwantitattivi jitqiesu aktar xierqa minn metodi kwalitattivi li għandhom l-għan li jiżguraw l-armonizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali. Tabilħaqq il-proċeduri ta’ ttestjar bl-użu ta’ metodi kwalitattivi jeħtieġu skemi oħra ta’ teħid ta’ kampjuni billi kieku jiġu assoċjati ma’ riskji ogħla li jipprovdu riżultati li ma jaqblux ma’ xulxin dwar il-preżenza jew l-asssenza ta’ materjal ġenetikament modifikat. Huwa għalhekk xieraq li jintużaw il-metodi ta’ analiżi vvalidati mill-UE-LR fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni biex ma jkunx hemm riżultati ta’ analiżi li ma jaqblux ma’ xulxin fost l-Istati Membri. |
|
(8) |
Għandu jkun hemm ukoll materjal ta’ referenza ċċertifikat biex il-laboratorji ta’ kontroll iwettqu l-analiżi tagħhom. |
|
(9) |
Skont dan, l-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri s-senjalazzjoni ta’ konferma fl-għalf ta’ materjal ĠM awtorizzat għall-kummerċjalizzazzjoni f’pajjiż terz u li għalih tkun pendenti għal aktar minn tliet xhur proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fejn il-metodi kwantitattivi ta’ analiżi speċifiċi għall-avveniment sottomessi mill-applikant ġew ivvalidati mill-UE-LR u kemm-il darba l-materjal ta’ referenza ċċertifikat ikun disponibbli. |
|
(10) |
L-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri wkoll il-materjal ĠM li l-awtorizzazzjoni tiegħu tkun skadiet. Għandu għalhekk japplika għall-għalf li fih, jikkonsisti, jew jiġi prodott minn qamħirrum SYN-EV176-9 u MON-ØØØ21-9xMON-ØØ81Ø-6 u rapa taż-żrieragħ taż-żejt ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4, ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 u ACS-BNØØ7-1 li għalihom metodu kwantitattiv ġie vvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea, kemm-il darba l-materjal ta’ referenza ċċertifikat ikun disponibbli. Dawn il-materjali ĠM tqiegħdu fis-suq qabel l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament. Billi ż-żrieragħ ma baqgħux aktar kummerċjalizzati fuq skala globali, in-notifikanti rispettivi infurmaw il-Kummissjoni li ma kellhom ebda intenzjoni jibagħtu applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjonijiet 2007/304/KE (6), 2007/305/KE (7), 2007/306/KE (8), 2007/307/KE (9) u 2007/308/KE (10) dwar l-irtirar mis-suq tal-prodotti kkonċernati (prodotti mhux aktar fl-użu). Dawn id-Deċiżjonijiet jipprovdu tolleranza għall-preżenza f’prodotti ta’ materjal li fihom, jikkonsistu jew jiġu prodotti minn qamħirrum SYN-EV176-9 u MON-ØØØ21-9xMON-ØØ81Ø-6 u rapa taż-żrieragħ taż-żejt ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4, ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 u ACS-BNØØ7-1 kemm-il darba din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli u fi proporzjon li mhuwiex ogħla minn 0,9 % għall-perjodu limitat li jiskadi fil-25 ta’ April 2012. Huwa xieraq li jiġi żgurat li dakinhar tal-iskadenza tal-perjodu ta’ tolleranza stabbilit fid-Deċiżjonijiet 2007/304/KE, 2007/305/KE, 2007/306/KE, 2007/307/KE u 2007/308/KE dan ir-Regolament japplika wkoll għas-senjalazzjoni ta’ konferma fl-għalf ta’ dawn il-prodotti mhux aktar fl-użu. Għandu wkoll japplika għal kull materjal ĠM ieħor li l-awtorizzazzjoni tiegħu ma tkunx imġedda mal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni minħabba li l-prodott ikun ħiereġ mill-użu bil-mod il-mod. |
|
(11) |
L-armonizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali tal-għalf għas-senjalazzjoni ta’ konferma ta’ materjal ĠM taħt l-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandha wkoll tiġi żgurata permezz tal-adozzjoni ta’ metodi komuni ta’ teħid ta’ kampjuni. |
|
(12) |
Dawn il-metodi għandhom ikunu bbażati fuq protokolli xjentifiċi u statistiċi magħrufa u, meta jkunu disponibbli, fuq standards internazzjonali u għandhom ikopru l-istadji differenti ta’ teħid ta’ kampjuni, inklużi r-regoli applikabbli għat-teħid ta’ kampjuni tal-materjal, il-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu waqt it-teħid ta’ kampjuni u t-tħejjija tal-kampjuni, il-kondizzjonijiet li jridu jiġi applikati għat-teħid ta’ kampjuni inkrementali u kampjuni ta’ replika tal-laboratorju, it-trattament tal-kampjuni tal-laboratorju u l-issiġillar u l-ittikkettjar tal-kampjuni. Biex ikun hemm rappreżentanza xierqa tal-kampjuni meħuda għal għanijiet ta’ kontroll uffiċjali, għandhom jiġu adottati kondizzjonijiet speċifiċi adattati għall-fatt li l-lott ta’ għalf huwa ppreżentat fi prodotti agrikoli bażiċi bl-ingrossa, ta’ pre-imballaġġ jew bl-imnut. |
|
(13) |
Huwa xieraq ukoll li jiġu armonizzati r-regoli għall-interpretazzjoni tar-riżultati tal-analiżi, biex jiġi żgurat li mal-Unjoni Ewropea kollha tinġibed l-istess konklużjoni mill-istess riżultati analitiċi. F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li jitqiesu l-limitazzjonijiet tekniċi marbuta ma’ kwalunkwe metodu ta’ analiżi, b’mod partikolari fil-livelli tat-traċċi billi l-inċertezza analitika tiżdied meta l-livelli ta’ materjal ĠM jonqsu. |
|
(14) |
Biex dawn il-limitazzjonijiet jitqiesu, kif ukoll titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kontrolli huma fattibbli, sodi u proporzjonati, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipula l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi tal-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistipula proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà fl-ikel (11), huwa xieraq li jiġi stabbilit bħala Limitu ta’ Rendiment Minimu Meħtieġ (LRMM) l-iktar livell baxx ta’ materjal ĠM li jitqies mill-UE-LR għall-validazzjoni tal-metodi kwantitattivi. Dan il-livell jikkorrispondi għal 0,1 % għal dak li huwa frazzjoni ta’ massa ta’ materjal ĠM u huwa l-inqas livell fejn ir-riżultati huma riproduċibbli b’mod sodisfaċenti fost il-laboratorji uffiċjali meta jiġu applikati protokolli xierqa ta’ teħid ta’ kampjuni u metodi ta’ analiżi għall-kejl ta’ kampjuni tal-għalf. |
|
(15) |
Il-metodi vvalidati mill-UE RL huma speċifiċi għal kull avveniment ta’ trasformazzjoni irrispettivament mill-fatt li l-avveniment ta’ trasformazzjoni huwa preżenti f’OĠM wieħed jew aktar li fih/fihom avveniment wieħed jew aktar ta’ trasformazzjoni. L-LRMM għandu għalhekk japplika għall-materjal ĠM kollu li fih l-avveniment ta’ trasformazzjoni mkejjel. |
|
(16) |
L-inċertezza tal-kejl għandha tiġi ddeterminata minn kull laboratorju uffiċjali u kkonfermata kif deskritt fid-dokument ta’ gwida dwar l-Inċertezza tal-Kejl għal-laboratorji ta’ ttestjar għall-OĠM (12) żviluppat miċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni (Joint Research Centre - JRC). |
|
(17) |
Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità tal-għalf għandha għalhekk titqies biss meta l-materjal ĠM li jaqa’ taħt l-ambitu ta’ dan ir-Regolament huwa preżenti f’livelli ugwali jew ogħla mil-LRMM, meqjusa l-inċertezza tal-kejl. |
|
(18) |
Ir-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament ma għandhomx jaffettwaw il-possibbiltà li l-Kummissjoni, jew fejn ikun applikabbli, Stat Membru, tadotta miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
|
(19) |
Dawn ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adattati jekk ikun meħtieġ li jitqiesu żviluppi ġodda b’mod partikolari dwar l-impatt tagħhom fuq is-suq intern u fuq l-operaturi tal-ikel u l-għalf. |
|
(20) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponiehom. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “Preċiżjoni – Devjazzjoni Standard ta’ Ripetibilità Relattiva (RSDr)”: Id-devjazzjoni standard relattiva tar-riżultati tat-test miksuba taħt kondizzjonijiet ta’ ripetibilità. Il-kondizzjonijiet ta’ ripetibilità huma kondizzjonijiet fejn ir-riżultati tat-test jinkisbu bl-istess metodu, fuq oġġetti ta’ test identiċi, fl-istess laboratorju, mill-istess operatur, bl-użu tal-istess tagħmir f’intervalli qosra ta’ żmien;
(2) “Limitu ta’ Rendiment Minimu Meħtieġ (LRMM)”: l-iktar ammont jew konċentrazzjoni baxxa ta’ analit f’kampjun li jrid jiġi senjalat u kkonfermat b’mod affidabbli mil-laboratorji uffiċjali;
(3) “Materjal ĠM”: materjal li fih, jikkonsisti jew huwa prodott mill-OĠMs.
2. Id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 152/2009 japplikaw.
Artikolu 2
L-ambitu
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kontroll uffiċjali tal-għalf għal dak li għandu x’jaqsam mal-preżenza tal-materjal li ġej:
|
(a) |
Il-materjal ĠM awtorizzat għall-kummerċjalizzazzjoni f’pajjiż terz u li dwaru ntbagħtet applikazzjoni valida skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u li dwaru kienet pendenti għal iktar minn tliet xhur proċedura ta’ awtorizzazzjoni kemm-il darba:
|
|
(b) |
wara l-25 ta’ April 2012, il-materjal ĠM nnotifikat skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li l-awtorizzazzjoni tiegħu skadiet u li dwaru ġie vvalidat u ppubblikat metodu kwantitattiv mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea kemm-il darba dak il-materjal iċċertifikat ta’ referenza jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3; kif ukoll |
|
(c) |
materjal ĠM li l-applikazzjoni tiegħu skadiet minħabba l-fatt li ebda applikazzjoni għal tiġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma ntbagħtet kemm-il darba l-materjal iċċertifikat ta’ referenza jissodisfa l-kondizzjonijet stabbiliti fl-Artikolu 3. |
Artikolu 3
Materjal iċċertifikat ta’ referenza
1. Il-materjal iċċertifikat ta’ referenza jrid ikun disponibbli lill-Istati Membri u kull parti terza.
2. Il-materjal iċċertifikat ta’ referenza għandu jiġi prodott u ċċertifikat skont il-gwidi 30 sa 35 tal-ISO.
3. L-informazzjoni li takkompanja l-materjal iċċertifikat ta’ referenza għandha tinkludi informazzjoni dwar it-trobbija tal-pjanta li ntużat għall-produzzjoni tal-materjal iċċertifikat ta’ referenza u dwar iż-żigożità tal-insert(i). Il-valur iċċertifikat tal-kontenut ta’ OĠM għandu jingħata fi frazzjoni ta’ massa u, fejn disponibbli, fin-numru ta’ kopja ekwivalenti għal kull ġenoma aplojda.
Artikolu 4
Metodi ta’ teħid ta’ kampjuni
Kampjuni għall-kontroll uffiċjali tal-għalf għal dik li hija preżenza ta’ materjal ĠM imsemmija fl-Artikolu 2, għandhom ikunu konformi mal-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni, kif stabbilit fl-Anness I.
Artikolu 5
Tħejjija tal-kampjun, metodi ta’ analiżi u interpretazzjoni ta’ riżultati
It-tħejjija ta’ kampjuni tal-laboratorju, il-metodi ta’ analiżi u l-interpretazzjoni ta’ riżultati għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 6
Miżuri f’każ ta’ senjalazzjoni ta’ materjal ĠM kif imsemmi fl-Artikolu 2
1. Fejn ir-riżultati ta’ testijiet analitiċi jindikaw il-preżenza ta’ materjal ĠM kif imsemmi fl-Artikolu 2 daqs jew ogħla mil-LRMM kif definit skont ir-regoli ta’ interpretazzjoni stabbiliti fl-Anness II parti B, l-għalf għandu jitqies bħala mhux konformi mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih din l-informazzjoni permezz tal-RASFF skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
2. Fejn ir-riżultati tat-testijiet analitiċi juru li l-preżenza ta’ materjal ĠM kif imsemmi fl-Artikolu 2 hija taħt l-LRMM, kif definit skont ir-regoli ta’ interpretazzjoni stabbiliti fl-Anness II parti B, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw din l-informazzjoni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Sejbiet rikorrenti fuq perjodu ta’ żmien ta’ tliet xhur għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta, jew Stat Membru jista’ jadotta’, fejn ikun xieraq, miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.
Artikolu 7
Lista ta’ materjal ĠM imsemmi fl-Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ materjal ĠM b’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 fuq il-websajt tagħha. Il-lista għandha tinkludi informazzjoni dwar il-post fejn jista’ jiġi aċċessat il-materjal iċċertifikat ta’ referenza kif meħtieġ bl-Artikolu 17(3)(j) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u, fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-miżuri adottati skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatt tiegħu fuq is-suq intern kif ukoll fuq l-għalf, il-bhejjem u operaturi oħra, u, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposti ta’ reviżjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 9
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(3) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(4) ĠU L 102, 7.4.2004, p. 14.
(5) http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/doc/Min_Perf_Requirements_Analytical_methods.pdf
(6) ĠU L 117, 5.5.2007, p. 14.
(7) ĠU L 117, 5.5.2007, p. 17.
(8) ĠU L 117, 5.5.2007, p. 20.
(9) ĠU L 117, 5.5.2007, p. 23.
(10) ĠU L 117, 5.5.2007, p. 25.
(12) http://www.irmm.jrc.be/html/reference_materials_catalogue/user_support/EUR 22756EN.pdf
ANNESS I
METODI TA’ TEĦID TA’ KAMPJUNI
|
1. |
Għall-għan tal-applikazzjoni tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 152/2009, il-materjal ĠM għandu jitqies bħala sustanza li x’aktarx tiġi ddistribwita b’mod mhux uniformi mal-għalf kollu. |
|
2. |
B’deroga mill-punti 5.B.3., 5.B.4 u 6.4 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 152/2009, id-daqs tal-kampjuni aggregati għall-materjali tal-għalf ma għandux ikun anqas mill-piż li jikkorrispondi għal 35 000 qamħa/żerriegħa u l-kampjun finali ma għandux ikun inqas mill-piż li jikkorrispondi għal 10 000 qamħa/żerriegħa.
L-ekwivalenti ta’ massa ta’ 10 000 qamħa/żerriegħa tinstab fit-Tabella 1 hawn taħt. Tabella 1 Massa ekwivalenti ta’ 10 000 qamħa/żerriegħa għal pjanti differenti
|
ANNESS II
KRITERJI GĦALL-PREPARAZZJONI TAL-KAMPJUNI U L-METODI TA’ ANALIŻI
Biex tinstab il-preżenza tal-materjal ĠM fl-għalf kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-laboratorji uffiċjali għandhom jużaw il-metodi ta’ analiżi u r-rekwiżiti ta’ kontroll deskritti f’dan l-Anness.
A. PREPARAZZJONI TAL-KAMPJUNI GĦALL-ANALIŻI
Flimkien mar-rekwiżiti tal-Anness II parti A tar-Regolament (KE) Nru 152/2009, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
1. Trattament tal-kampjuni finali
Il-laboratorji uffiċjali għandhom jużaw l-istandard EN ISO 24276, ISO 21570, ISO 21569 u ISO 21571 li jindika l-istrateġiji għall-omoġenizzazzjoni tal-kampjun finali (magħruf ukoll bħala “il-kampjun tal-laboratorju” fl-istandards tal-ISO), it-trasformazzjoni tal-kampjun finali fil-kampjun għall-analiżi, it-tħejjija tal-kampjun tat-test u l-estrazzjoni u l-analiżi tal-analit ta’ mira.
2. Daqs tal-kampjun għall-analiżi
Il-kampjun għall-analiżi għandu jkun ta’ daqs li jiżgura l-kwantifikazzjoni ta’ materjal ĠM bi preżenza li tikkorrispondi għal-LRMM bi grad statistiku ta’ fiduċja ta’ 95 %.
B. APPLIKAZZJONI TAL-METODI TA’ ANALIŻI U ESPRESSJONI TAR-RIŻULTATI
B’deroga mill-parti C tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 152/2009, ir-regoli li ġejjin għall-applikazzjoni ta’ metodi ta’ analiżi u espressjoni ta’ riżultati għandhom japplikaw.
1. Kondizzjonijiet ġenerali
Il-laboratorji uffiċjali għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-ISO 17025 u jużaw metodi kwantitattivi ta’ analiżi li ġew ivvalidati mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea f’kollaborazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Laboratorji OĠM. Għandhom jiżguraw li, meqjus il-metodu analitiku sħiħ li jibda bit-trattament tal-kampjun ta’ għalf tal-laboratorju, jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-analiżi fil-livell ta’ 0,1 % bi proporzjon mal-frazzjoni ta’ massa ta’ materjal ĠM fl-għalf bi preċiżjoni xierqa (devjazzjoni standard ta’ ripetibilità relattiva anqas minn jew daqs 25 %).
2. Regoli għall-interpretazzjoni ta’ riżultati
Biex jiġi żgurat livell ta’ fiduċja ta’ madwar 95 %, ir-riżultat tal-analiżi għandu jiġi rrappurtat bħala x +/– U fejn x huwa r-riżultat analitiku għal avveniment wieħed imkejjel ta’ trasformazzjoni u U hija l-inċertezza tal-kejl imwessa’ xieraq.
U għandu jiġi speċifikat mil-laboratorju uffiċjali għall-metodu analitiku sħiħ u kkonfermat kif deskritt fid-dokument ta’ gwida dwar l-Inċertezza tal-Kejl għal-laboratorji għall-ittestjar tal-OĠM (1) żviluppat mill-JRC.
Materjal tal-għalf, addittiv tal-għalf jew, fil-każ ta’ għalf kompost kull wieħed mill-materjali ta’ għalf u addittivi ta’ għalf li minnhom huwa magħmul għandu jitqies bħala mhux konformi mar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 meta r-riżultat analitiku (x) għal avveniment wieħed imkejjel ta’ trasformazzjoni bl-inċertezza tal-kejl imwessa’ (U) imnaqqsa jkun daqs jew jisboq il-livell ta’ 0,1 % bi proporzjon mal-frazzjoni ta’ massa ta’ materjal ĠM. Meta r-riżultati jkunu primarjament espressi bħala numri ta’ kopja ĠM-DNA b’rabta man-numri ta’ kopja DNA speċifiċi għat-takson ta’ mira kkalkulati f’termini ta’ ġenomi aplojdi, għandhom jinqalbu fi frazzjoni ta’ massa skont l-informazzjoni pprovduta f’kull rapport ta’ validazzjoni tal-UE-LR.
(1) http://www.irmm.jrc.be/html/reference_materials_catalogue/user_support/EUR 22756EN.pdf