Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0501

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 501/2011 tal- 24 ta’ Frar 2011 dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe

    ĠU L 136, 24.5.2011, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/501/oj

    24.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 136/2


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 501/2011

    tal-24 ta’ Frar 2011

    dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta’ Lulju 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 894/2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”). Ma’ dan il-Ftehim, ġie mehmuż Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll preċedenti”. Dan il-Protokoll preċedenti skada fil-31 ta’ Mejju 2010.

    (2)

    Fil-15 ta’ Lulju 2010, ġie inizjalat Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll”). Dan il-Protokoll jipprovdi lill-bastimenti tal-UE opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li fuqhom ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe għandha s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sajd.

    (3)

    Fl-24 ta’ Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/296/UE (3) dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

    (4)

    Il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandu jiġi definit għall-perjodu kollu tal-Protokoll.

    (5)

    Konformement mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (4), jekk jidher li l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Komunità skont il-Protokoll ma ġewx użati total ment, il-Kummissjoni għandha tinforma b’dan lill-Istati Membri kkonċernati. In-nuqqas ta’ tweġiba sal-iskadenzi, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, għandu jiġi kkunsidrat bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perijodu stabbilit. Dawn l-iskadenzi għandhom jiġu stabbiliti.

    (6)

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-opportunitajiet tas-sajd stipulati fil-Protokoll mehmuż mad-Deċiżjoni 2011/296/UE dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu, għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

    (a)

    bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun:

    Spanja

    16-il bastiment

    Franza

    12-il bastiment

    (b)

    bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

    Spanja

    9. bastimenti

    Portugall

    3. bastimenti

    Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim u l-Protokoll, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008. Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmijin fl-ewwel subparagrafu ma jkoprux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stipulati mill-Protokoll, il-Kummissjoni tista’ tqis l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd minn kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008. L-iskadenzi previsti fl-Artikolu 10(1) ta’ dan Regolament huma stabbiliti għal għaxart ijiem ta’ xogħol.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    PINTÉR S.


    (1)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35.

    (2)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 40.

    (3)  Ara paġna 4 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (4)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.


    Top