Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0432

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2011 tal- 4 ta’ Mejju 2011 li ma jagħtix kunsens li jiġu awtorizzati ċerti stqarrijiet li jirrigwardaw l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, ħlief dawk li jirreferu għal tnaqqis ta’ riskju ta’ mard u ta’ riskju għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 115, 5.5.2011, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/432/oj

    5.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 115/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 432/2011

    tal-4 ta’ Mejju 2011

    li ma jagħtix kunsens li jiġu awtorizzati ċerti stqarrijiet li jirrigwardaw l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa, ħlief dawk li jirreferu għal tnaqqis ta’ riskju ta’ mard u ta’ riskju għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-istqarrijiet li jsiru rigward l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa huma ipprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni b’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma jkunux inklużi f’lista ta’ stqarrijiet permessi.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ stqarrijiet dwar is-saħħa jistgħu jiġu sottomessi minn operaturi tan-negozju tal-ikel lill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tressaq l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Awtorità.

    (3)

    Wara li tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità għandha tgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u tagħti opinjoni dwar l-istqarrija kkonċernata li tirrigwarda s-saħħa.

    (4)

    Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni ta’ stqarrijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità.

    (5)

    Wara applikazzjoni mingħand Gencor Pacific Inc, imressqa fl-10 ta’ Novembru 2009, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti ta’ estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®) dwar l-għajnuna biex inaqqas iċ-ċirkonferenza tal-qadd (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-00027) (2). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas iċ-ċirkonferenza tal-qadd”.

    (6)

    Fit-12 ta’ Mejju 2010 u fit-18 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew rispettivament l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità u l-emenda tagħha, li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tas-Slimaluma® u l-effett fiżjoloġiku benefiċjali kif definit mill-Awtorità, jiġifieri, it-tnaqqis taċ-ċirkonferenza tal-qadd li jwassal għal titjib fl-effetti negattivi fuq is-saħħa li huma assoċjati ma’ xaħam żejjed addominali. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (7)

    Wara applikazzjoni mingħand Gencor Pacific Inc, imressqa fl-10 ta’ Novembru 2009, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti ta’ estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®) dwar l-għajnuna biex inaqqas ix-xaħam tal-ġisem (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-00028) (3). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas ix-xaħam tal-ġisem”.

    (8)

    Fit-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tas-Slimaluma® u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (9)

    Wara applikazzjoni mingħand Gencor Pacific Inc, imressqa fl-10 ta’ Novembru 2009, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti ta’ estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®) dwar l-għajnuna biex inaqqas il-piż tal-ġisem (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-00029) (4). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas il-piż tal-ġisem”.

    (10)

    Fit-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tas-Slimaluma® u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (11)

    Wara applikazzjoni mingħand Gencor Pacific Inc, imressqa fl-10 ta’ Novembru 2009, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti ta’ estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®) dwar l-għajnuna biex inaqqas il-konsum ta’ ikel li jagħti l-enerġija (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-00030) (5). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas il-konsum tal-kaloriji”.

    (12)

    Fit-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tas-Slimaluma® u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (13)

    Wara applikazzjoni mingħand Gencor Pacific Inc, imressqa fl-10 ta’ Novembru 2009, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti ta’ estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®) dwar l-għajnuna biex jikkontrolla l-ġuħ/inaqqas l-aptit (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-00031) (6). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Is-Slimaluma® jgħin biex jikkontrolla l-ġuħ/inaqqas l-aptit”.

    (14)

    Fit-12 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tas-Slimaluma® u l-effett fiżjoloġiku benefiċjali kif iddefinit mill-Awtorità, jiġifieri t-tnaqqis tal-aptit li jwassal għal tnaqqis fil-konsum ta’ ikel li jagħti l-enerġija. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (15)

    Wara applikazzjoni mingħand Leiber GmbH, imressqa fit-2 ta’ Ottubru 2009, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti tal-Yestimun® fuq reazzjonijiet ta’ immunità għall-mard (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-667). (7) L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid, fost affarijiet oħra, dan li ġej: “Jekk wieħed jieħu l-Yestimun® kuljum, il-ġisem ikun jiflaħ għall-mard fi żmien il-kesħa”.

    (16)

    Fis-27 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-Yestimun® u l-bidu ta’ reazzjonijiet ta’ immunità naturali u adattivi naturali. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (17)

    Wara applikazzjoni mingħand Laboratoires innéov SNC, imressqa fit-30 ta’ Diċembru 2008, skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni rigward stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti taż-żejt taż-żerriegħa tar-ribes (Ribes nigrum), taż-żejt tal-ħuta, tal-likopene mill-estratt tat-tadam (Lycopersicon esculentum), tal-vitamina Ċ u l-vitamina E dwar it-titjib tal-kundizzjon ta’ ġilda niexfa (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00767) (8). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid, fost affarijiet oħra, dan li ġej: “Jgħin biex itejjeb il-kundizzjoni ta’ ġilda niexfa”.

    (18)

    Fil-25 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità, fejn ikkonkludiet li abbażi tad-dejta mressqa, ma kenitx ġiet stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum ta’ taħlita ta’ żejt taż-żerriegħa tar-ribes (Ribes nigrum) iż-żejt tal-ħuta, il-likopene mill-estratt tat-tadam (Lycopersicon esculentum), il-vitamina Ċ u l-vitamina E u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ma għandhiex tiġi awtorizzata.

    (19)

    Il-kummenti mill-applikanti u l-membri tal-pubbliku li rċeviet il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, ingħataw widen meta ġew previsti l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament.

    (20)

    L-istqarrijiet dwar is-saħħa marbutin mas-Slimaluma® huma stqarrijiet dwar is-saħħa kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għaldaqstant huma soġġetti għall-perjodu ta’ transizzjoni stipulat fl-Artikolu 28(6) ta’ dan ir-Regolament. Minkejja dan, minħabba li l-applikazzjonijiet ma sarux qabel id-19 ta’ Jannar 2008, il-kundizzjoni stipulata fil-punt (b) tal-Artikolu 28(6) ta’ dan ir-Regolament ma ġietx sodisfatta, u għalhekk dawn l-istqarrijiet ma jistgħux jibbenefikaw mill-perjodu ta’ transizzjoni stipulat f'dan l-Artikolu.

    (21)

    L-istqarrijiet dwar is-saħħa marbutin mal-Yestimun®, u maż-żejt taż-żerriegħa tar-ribes (Ribes nigrum), maż-żejt tal-ħuta, mal-likopene mill-estratt tat-tadam (Lycopersicon esculentum), mal-vitamina Ċ u l-vitamina E, huma stqarrijiet dwar is-saħħa kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għaldaqstant huma soġġetti għall-perjodu ta’ transizzjoni stipulat fl-Artikolu 28(5) ta’ dan ir-Regolament. Minħabba li l-Awtorità kkonkludiet li ma ġewx stabbiliti rabtiet ta’ kawża u effett bejn dawn l-oġġetti tal-ikel u l-effetti rispettivi mistqarra tagħhom, dawn iż-żewġ stqarrijiet ma jikkonformawx mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, u għaldaqstant ma jistgħux jibbenefikaw mill-perjodu ta’ transizzjoni stipulat f'dan l-Artikolu.

    (22)

    Biex jiżguraw li dan ir-Regolament jiġi sodisfatt b'mod sħiħ, kemm l-operaturi tan-negozju tal-ikel, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaċċertaw li, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-prodotti li fuqhom hemm l-istqarrijiet elenkati fl-Anness tiegħu ma jkunux għadhom jidhru fis-suq.

    (23)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-istqarrijiet dwar is-saħħa stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ stqarrijiet permessi stipulati fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

    B'danakollu, il-prodotti li fuqhom jidhru dawn l-istqarrijiet dwar is-saħħa li kienu nħarġu fis-suq jew ġew ittikkettati qabel id-data msemmija fl-Artikolu 2 jistgħu jibqgħu fis-suq għal perjodu massimu ta’ sitt xhur wara dik id-data.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1602.

    (3)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1602.

    (4)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1604.

    (5)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1605.

    (6)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1606.

    (7)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1607.

    (8)  The EFSA Journal 2010; 8 (5):1608.


    ANNESS

    Stqarrijiet dwar is-saħħa miċħuda

    Applikazzjoni – Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

    Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija ta’ ikel

    Stqarrija

    Referenza tal-opinjoni tal-EFSA

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®)

    Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas iċ-ċirkonferenza tal-qadd

    Q-2010-00027

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®)

    Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas ix-xaħam tal-ġisem

    Q-2010-00028

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®)

    Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas il-piż tal-ġisem

    Q-2010-00029

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®)

    Is-Slimaluma® jgħin biex inaqqas il-konsum tal-kaloriji

    Q-2010-00030

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Estratt bl-etanol u bl-ilma ta’ Caralluma fimbriata (Slimaluma®)

    Is-Slimaluma® jgħin biex jikkontrolla l-ġuħ/inaqqas l-aptit

    Q-2010-00031

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Yestimun®

    Jekk wieħed jieħu l-Yestimun® kuljum, il-ġisem ikun jiflaħ għall-mard fi żmien il-kesħa

    Q-2008-667

    l-Artikolu 13(5) Stqarrija dwar is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-ħarsien ta’ dejta patentata

    Taħlita ta’ żejt taż-żerriegħa tar-ribes (Ribes nigrum), żejt tal-ħuta, likopene mill-estratt tat-tadam (Lycopersicon esculentum), vitamina Ċ u vitamina E

    Jgħin biex itejjeb il-kundizzjoni ta’ ġilda niexfa.

    Q-2009-00767


    Top