This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011R0065
Commission Regulation (EU) No 65/2011 of 27 January 2011 laying down detailed rules for the implementation of Council Regulation (EC) No 1698/2005, as regards the implementation of control procedures as well as cross-compliance in respect of rural development support measures
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas- 27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas- 27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali
ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014R0640
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32006R1975 | ||||
Implicit repeal | 32009R0484 | 01/01/2011 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32011R0065R(01) | (BG, CS, DA, DE, EL, EN, ES, ET, FI, FR, HU, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, SV) | |||
Corrected by | 32011R0065R(02) | (ES) | |||
Corrected by | 32011R0065R(03) | (ES) | |||
Corrected by | 32011R0065R(04) | (EL) | |||
Corrected by | 32011R0065R(05) | (DE) | |||
Derogated in | 32011R0780 | Deroga | artikolu 8.3 | 01/01/2011 | |
Modified by | 32012R0147 | Sostituzzjoni | artikolu 17.3 L1 | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | abolizzjoni | artikolu 17 .7 L2 sentenza 2 | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | abolizzjoni | artikolu 6.2 punt B) | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Żieda | artikolu 17.3 TR | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Żieda | artikolu 2 punt E) | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Żieda | artikolu 17.3 BI | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | abolizzjoni | artikolu 6.2 punt A) | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | abolizzjoni | artikolu 17 .5 L3 sentenza 2 | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Żieda | artikolu 2 punt D) | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Sostituzzjoni | artikolu 31 punt A)II) | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Sostituzzjoni | artikolu 22 inċiż 6 | 28/02/2012 | |
Modified by | 32012R0147 | Żieda | artikolu 17 .8 | 28/02/2012 | |
Derogated in | 32012R0645 | artikolu 8 P.3 | 01/01/2012 | ||
Modified by | 32012R0937 | Sostituzzjoni | artikolu 5.2 L1 | 16/10/2012 | |
Derogated in | 32013R0649 | artikolu 8 3 | 01/01/2013 | 28/06/2013 | |
Repealed by | 32014R0640 |
28.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 25/8 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 65/2011
tas-27 ta’ Jannar 2011
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51(4), l-Artikolu 74(4) u l-Artikolu 91 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 ta' 30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta' appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta' appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (2), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (3). |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas-7 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta' sostenn għall-iżvilupp rurali (4), fih ħafna referenzi reċiproċi għar-regoli tal-amministrazzjoni u tal-kontroll stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 796/2004 li huwa mħassar. Għandhom jiġu kkunsidrati l-emendi li saru għar-regoli tal-amministrazzjoni u tal-kontroll bir-Regolament (KE) Nru 1122/2009, filwaqt li l-prinċipji stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1975/2006 għandhom jiġu rispettati. Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati l-koerenza, iċ-ċarezza u s-simplifikazzjoni, ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1975/2006 għandhom jiġu emendati sabiex ir-referenzi għar-Regolament (KE) 1122/2009 jiġu llimitati għall-minimu neċessarju. Għalhekk huwa xieraq li r-Regolament (KE) Nru 1975/2006 jiġi mħassar u mibdul. |
(3) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' kontroll li tiżgura li jitwettqu l-kontrolli kollha neċessarji għal verifika effettiva tal-konformità mat-termini li taħthom tingħata l-għajnuna. Il-kriterji kollha ta' eliġibbiltà stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bil-programmi ta' żvilupp rurali għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontrollati skont sett ta' indikaturi verifikabbli. |
(4) |
L-esperjenza turi li s-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll (minn hawn ’il quddiem imsejħa SIAK) stipulata fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (5), wriet li hija mezz effettiv u effiċjenti għall-implimentazzjoni tal-iskemi ta' pagament dirett. Għalhekk, safejn huma kkonċernati l-miżuri relatati maż-żona u l-annimali taħt l-Assi 2 fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, ir-regoli ta' amministrazzjoni u kontroll, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relatati dwar it-tnaqqis u l-esklużjonijiet fil-każijiet ta' dikjarazzjonijiet foloz, għandhom isegwu l-prinċipji stabbiliti fis-SIAK, b’mod partikolari fir-Regolament (KE) Nru 1122/2009. |
(5) |
Madankollu, għal ċerti miżuri ta' appoġġ stabbiliti taħt l-Assi 2 u għall-appoġġ ekwivalenti taħt l-Assi 4 stipulat fit-Taqsimiet 2 u 4, rispettivament, tal-Kapitolu I tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, jeħtieġ li r-regoli ta' amministrazzjoni u kontroll jiġu adattati għall-karatteristiċi partikolari tagħhom. L-istess japplika għall-miżuri ta' appoġġ taħt l-Assi 1 u 3 stipulati fit-Taqsimiet 1 u 3, rispettivament, tal-istess Kapitolu u l-appoġġ ekwivalenti taħt l-Assi 4. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għal dawk il-miżuri ta' appoġġ. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet nazzjonali kollha jkunu kapaċi jorganizzaw kontroll effiċjenti u integrat fl-oqsma kollha li għalihom jintalab pagament taħt l-Assi 2 u taħt l-iskemi ta' għajnuna relatati maż-żona koperti bir-Regolament (KE) Nru 1122/2009, it-talbiet għall-pagament għal miżuri relatati maż-żona taħt l-Assi 2 għandhom jiġu sottomessi sal-istess data tal-għeluq bħall-applikazzjoni singola stipulata fil-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II ta' dak ir-Regolament. |
(7) |
Sabiex jiġi żgurat l-effett deterrenti tal-kontroll, il-pagamenti m’għandhomx, bħala regola ġenerali, isiru qabel ma jitwettqu l-kontrolli tal-eliġibbiltà. Madankollu, huwa xieraq li jkunu jistgħu jsiru pagamenti sa ċertu livell wara t-twettiq tal-kontrolli amministrattivi. Fl-iffissar ta' dawk il-livelli, għandu jiġi kkunsidrat ir-riskju ta' pagament żejjed. |
(8) |
Ir-regoli ta' kontroll stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċjali tal-miżuri kkonċernati taħt l-Assi 2. Għalhekk, għal raġunijiet ta' ċarezza, għandhom jiġu stabbiliti regoli partikolari. |
(9) |
L-Istati Membri jistgħu jużaw l-evidenza li jirċievu minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħra biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji ta' eliġibbiltà. Madankollu, għandu jkollhom iċ-ċertezza li s-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni qed joperaw fuq livell li hu suffiċjenti għall-kontroll tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà. |
(10) |
L-esperjenza wriet li huwa neċessarju li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet, speċjalment fir-rigward tad-determinazzjoni tal-għadd ta' ettari u annimali kif ukoll tat-tnaqqis, l-esklużjonijiet u l-irkupri. |
(11) |
Skont l-Artikolu 50a tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-pagamenti li jsiru taħt uħud mill-miżuri stipulati f’dak ir-Regolament ġew soġġettati għall-osservanza tar-rekwiżiti ta' kundizzjonalità kif stipulat fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Għalhekk huwa xieraq li r-regoli li jikkontrollaw il-kundizzjonalità jinġiebu konformi ma' dawk li hemm fir-Regolamenti (KE) Nru 73/2009 u (KE) Nru 1122/2009. |
(12) |
L-esperjenza wriet li dispożizzjonijiet ta' kontroll speċifiċi huma meħtieġa għal ċerti miżuri ta' appoġġ speċifiċi. |
(13) |
Kontrolli ex-post ta' operazzjonijiet ta' investiment għandhom jitwettqu għall-verifika tal-konformità mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Il-bażi u l-kontenut ta' dawk il-kontrolli għandhom jiġu speċifikati. |
(14) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha għall-ġestjoni tal-miżuri, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar in-numru ta' kontrolli li jitwettqu u r-riżultati tagħhom. |
(15) |
Għandhom jiġu stabbiliti ċerti prinċipji ta' kontroll ġenerali, li jkopru d-dritt tal-Kummissjoni li twettaq kontrolli. |
(16) |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aġenziji tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (6) jkollhom biżżejjed informazzjoni dwar il-kontrolli mwettqa minn servizzi jew korpi oħra sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt dak ir-Regolament. |
(17) |
Sabiex ikunu evitati problemi ta' kontabbiltà li jistgħu jokkorru jekk għas-sena kalendarja 2011 għandhom ikunu applikati proċeduri ta' kontroll differenti, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011. |
(18) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
PARTI I
AMBITU U DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Ambitu
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-proċeduri ta' kontroll kif ukoll tal-kundizzjonalità fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:
(a) |
“Applikazzjoni għal appoġġ” tfisser applikazzjoni għal appoġġ jew għad-dħul fi skema taħt ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005; |
(b) |
“Talba għal pagament” tfisser applikazzjoni minn benefiċjarju għal pagament mill-awtoritajiet nazzjonali; |
(c) |
“Dikjarazzjoni oħra” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument, minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), li ġiet sottomessa jew miżmuma mill-benefiċjarju jew parti terza sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta' ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali. |
Artikolu 3
Applikazzjonijiet għal appoġġ, talbiet għal pagament u dikjarazzjonijiet oħra
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għal appoġġ.
2. Għal miżuri b’impenji multiannwali, il-benefiċjarju għandu jissottometti talba għal pagament annwali.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu minn talbiet għal pagamenti annwali fiżiċi jekk jintroduċu proċeduri alternattivi effikaċi biex iwettqu l-kontrolli amministrattivi stipulati fl-Artikolu 11 jew 24 kif xieraq.
3. Applikazzjoni għal appoġġ, talba għal pagament jew dikjarazzjoni oħra tista’ tiġi rtirata totalment jew parzjalment fi kwalunkwe ħin. L-evidenza ta’ tali rtirar għandha tiġi rreġistrata mill-awtorità kompetenti.
Jekk l-awtorità kompetenti tkun diġà infurmat lill-benefiċjarju dwar irregolaritajiet fid-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu jew jekk l-awtorità kompetenti tkun diġà tat notifika lill-benefiċjarju dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq verifika fuq il-post, li sussegwentement tiżvela irregolaritajiet, l-irtirar m’għandux jiġi awtorizzat fir-rigward tal-partijiet affettwati mill-irregolaritajiet.
L-irtirar imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jpoġġi lill-benefiċjarji fil-pożizzjoni li kienu fiha qabel is-sottomissjoni tad-dokumenti kkonċernati jew parti minnhom.
4. Applikazzjonijiet għal appoġġ, talbiet għal pagamenti u dikjarazzjonijiet oħra jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin wara s-sottomissjoni tagħhom fil-każ ta' żbalji ovvji li jiġu rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 4
Prinċipji ġenerali ta' kontroll
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' kontroll li tiżgura li l-kontrolli kollha neċessarji jitwettqu għal verifika effikaċi tal-konformità mat-termini li taħthom jingħata l-appoġġ.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji kollha ta' eliġibbiltà stabbiliti mill-Unjoni jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-programmi ta' żvilupp rurali jistgħu jiġu kkontrollati skont sett ta' indikaturi verifikabbli li jrid jiġi stabbilit mill-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistema ta' identifikazzjoni unika tapplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal appoġġ, it-talbiet għal pagamenti u d-dikjarazzjonijiet l-oħra kollha sottomessi mill-istess benefiċjarju. Din l-identifikazzjoni għandha tkun kompatibbli mas-sistema msemmija fl-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għar-reġistrazzjoni tal-identità ta' kull bidwi.
4. Fejn xieraq, għandhom jitwettqu fl-istess ħin kontrolli fuq il-post kif stipulat fl-Artikoli 12, 20 u 25 ta' dan ir-Regolament u kontrolli oħra stipulati fir-regoli tal-Unjoni dwar sussidji agrikoli.
5. Ir-riżultati tal-kontrolli skont l-Artikoli 11, 12, 24 u 25 għandhom jiġu vvalutati sabiex jiġi stabbilit jekk kwalunkwe problemi li jfeġġu jistgħux f’mod ġenerali jkunu ta' riskju għal operazzjonijiet oħra, il-benefiċjari jew korpi oħra simili. Il-valutazzjoni għandha tidentifika wkoll il-kawżi ta' tali sitwazzjonijiet, kwalunkwe eżaminazzjoni ulterjuri li tista' tkun meħtieġa u l-azzjoni korrettiva u preventiva meħtieġa.
6. L-applikazzjonijiet għal appoġġ, it-talbiet għal pagamenti u dikjarazzjonijiet oħra għandhom jiġu miċħuda jekk il-benefiċjarji u r-rappreżentanti tagħhom jipprevjenu li jsiru l-kontrolli. Kwalunkwe ammonti diġà mħallsa għal dik l-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati b'kunsiderazzjoni għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 18(2) ta' dan ir-Regolament.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20(4) ta' dan ir-Regolament, u sakemm l-għan tal-kontroll ma jitpoġġix f’periklu, il-kontrolli fuq il-post jistgħu jiġu avżati. L-avviż għandu jkun limitat strettament għaż-żmien minimu neċessarju u m’għandux jaqbeż 14-il ġurnata. Madankollu, għall-kontrolli fuq il-post li jikkonċernaw miżuri relatati mal-annimali, it-tħabbira m’għandhiex, minbarra f’każijiet ġustifikati kif dovut, taqbeż it-48 siegħa.
8. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, l-ebda pagament m’għandu jsir lill-benefiċjarji li għalihom jiġi stabbilit li ħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta' tali pagamenti bil-għan li jiksbu vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-iskema ta' appoġġ.
9. It-tnaqqis jew l-esklużjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-penali addizzjonali skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali.
Artikolu 5
Irkupru ta' pagamenti mhux dovuti
1. Jekk isir pagament mhux dovut, il-benefiċjarju għandu jħallas lura l-ammont konċernat flimkien mal-imgħax ikkalkulat skont il-paragrafu 2.
2. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat għall-perjodu li jgħaddi bejn in-notifika lill-benefiċjarju tal-obbligu tal-ħlas lura u l-ħlas lura effettiv jew it-tnaqqis tal-ammont li jrid jerġa' jitħallas.
Ir-rata tal-imgħax applikabbli għandha tiġi kkalkulata skont il-liġi nazzjonali iżda għandha tkun inqas mir-rata tal-imgħax applikabbli għall-irkupru tal-ammonti taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali.
3. L-obbligu ta' ħlas lura msemmi fil-paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pagament ikun sar bi żball mill-awtorità kompetenti jew minn awtorità oħra u jekk l-iżball ma setax ikun raġonevolment skopert mill-benefiċjarju.
Madankollu, meta l-iżball ikun relatat ma' elementi fattwali rilevanti għall-kalkolu tal-pagament ikkonċernat, l-ewwel subparagrafu m’għandux japplika jekk id-deċiżjoni ta' rkupru ma tkunx ġiet ikkomunikata fi żmien 12-il xahar mill-pagament.
PARTI II
REGOLI TA' AMMINISTRAZZJONI U TA' KONTROLL
TITOLU I
APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP RURALI GĦAL ĊERTU MIŻURI TAĦT L-ASSI 2 U L-ASSI 4
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 6
Ambitu u definizzjonijiet
1. Dan it-Titolu għandu japplika għal:
(a) |
appoġġ mogħti skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005; |
(b) |
appoġġ mogħti skont l-Artikolu 63(a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta' operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-miżuri definiti taħt l-Assi 2. |
Madankollu, dan it-Titolu m’għandux japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 36(a)(vi) u (b)(vi) u (vii) u fl-Artikolu 39(5) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 kif ukoll għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 36(b)(i), (ii) u (iii) ta' dak ir-Regolament safejn huma konċernati l-ispejjeż ta' stabbiliment.
2. Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“miżura relatata maż-żona” tfisser miżuri jew sottomiżuri li l-appoġġ għalihom huwa bbażat fuq id-daqs taż-żona ddikjarata; |
(b) |
“miżura relatata mal-annimali” tfisser miżuri jew sottomiżuri li l-appoġġ għalihom huwa bbażat fuq in-numru tal-annimali ddikjarati. |
(c) |
“żona stabbilita” tfisser iż-żona tal-qatgħat jew tal-biċċiet ta' art li għalihom qed tintalab għajnuna, kif identifikata skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 15(2), (3) u (4) ta' dan ir-Regolament. |
(d) |
“annimali stabbiliti” tfisser l-għadd ta' annimali identifikati skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 15(5) ta' dan ir-Regolament. |
Artikolu 7
Regoli applikabbli
1. L-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, punti (1), (10) u (20), l-Artikolu 6(1), l-Artikolu 10(2), l-Artikoli 12, 14, 16, 20, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1), l-Artikoli 73, 74 u 82 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-finijiet ta' dan it-Titolu. Madankollu, għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 36(b)(iii), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa biex jidentifikaw unikament l-art suġġetta għall-appoġġ.
2. Għall-finijiet ta' dan it-Titolu, ir-referenzi fir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għall-“bdiewa” għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għall-“benefiċjarji”.
Artikolu 8
Talbiet għal pagamenti
1. Għall-impenji kollha li jibdew jew il-kuntratti li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta' Jannar 2007, it-talbiet għal pagamenti taħt il-miżuri relatati maż-żona għandhom jiġu sottomessi skont id-dati tal-għeluq stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw din id-dispożizzjoni biss mis-sena tat-talba 2008.
2. Jekk Stat Membru japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, it-talba għal pagament għandha titqies li ġiet sottomessa skont id-dati tal-għeluq stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
3. L-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal pagamenti taħt dan it-Titolu. Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1)(d) ta' dak ir-Regolament, it-talba għal pagament għandu jkun fiha wkoll l-informazzjoni stabbilita f’dik id-dispożizzjoni fir-rigward ta' art mhux agrikola li għaliha qed jintalab appoġġ.
Artikolu 9
Pagamenti
1. L-ebda pagament għal kwalunkwe miżura jew sett ta' operazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta' dan it-Titolu m’għandu jsir qabel ma jiġu ffinalizzati l-kontrolli ta' dik il-miżura jew sett ta' operazzjonijiet fir-rigward tal-kriterji ta' eliġibbiltà, kif imsemmi fit-Taqsima I tal-Kapitolu II.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, waqt li jikkunsidraw ir-riskju ta' ħlas żejjed, li jħallsu sa 75 % tal-għajnuna wara li jitwettqu l-kontrolli amministrattivi stipulati fl-Artikolu 11. Il-perċentwal tal-pagament għandu jkun l-istess għall-benefiċjarji kollha tal-miżura jew sett ta' operazzjonijiet.
2. Fir-rigward tal-kontrolli tal-kundizzjonalità stipulati fit-Taqsima II tal-Kapitolu II, fejn it-tali kontrolli ma jistgħux jitwettqu qabel il-pagament, kwalunkwe pagamenti mhux dovuti għandhom jiġu rkuprati skont l-Artikolu 5.
KAPITOLU II
Kontroll, tnaqqis u esklużjonijiet
Artikolu 10
Prinċipji ġenerali
1. L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll stipulata fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 (minn hawn ’il quddiem imsejħa SIAK).
2. Il-verifika tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà għandha tikkonsisti minn kontrolli amministrattivi u fuq il-post.
3. L-osservanza tar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità għandha tiġi vverifikata permezz ta' kontrolli fuq il-post u, fejn xieraq, permezz ta' kontrolli amministrattivi.
4. Matul il-perjodu kopert minn impenn, il-biċċiet tal-art li għalihom qed jingħata appoġġ ma jistgħux jiġu skambjati minbarra f’każijiet fejn isir provvediment speċifiku għalihom fil-programm għall-iżvilupp rurali.
Artikolu 11
Kontrolli amministrattivi
1. Il-kontrolli amministrattivi għandhom isiru għall-applikazzjonijiet għal appoġġ, it-talbiet għal pagamenti u d-dikjarazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa li jiġu sottomessi minn benefiċjarju jew parti terza, u għandhom ikopru l-elementi kollha li huma possibbli u xieraq li jiġu kkontrollati permezz ta' mezzi amministrattivi. Il-proċeduri għandhom jiżguraw ir-reġistrazzjoni tax-xogħol tal-kontroll imwettaq, ir-riżultati tal-verifika u l-miżuri meħuda fir-rigward tad-diskrepanzi.
2. Il-kontrolli amministrattivi għandhom jinkludu kontrolli reċiproċi fejn possibbli u xieraqq, inter alia mad-dejta mis-SIAK. Dawn il-kontrolli reċiproċi għandhom japplikaw mill-anqas għall-biċċiet ta' art u l-bhejjem koperti minn miżura ta' appoġġ sabiex jiġi evitat kwalunkwe pagament mhux dovut tal-għajnuna.
3. Il-konformità mal-impenji fit-tul għandha tiġi kkontrollata.
4. L-indikazzjonijiet ta' irregolaritajiet li jirriżultaw mill-kkontrolli reċiproċi għandhom jiġu segwiti minn kwalunkwe proċedura oħra amministrattiva xierqa, u, fejn neċessarju, minn kontroll fuq il-post.
5. Meta applikabbli, il-kontrolli amministrattivi fuq l-eliġibbiltà għandhom jikkunsidraw ir-riżultati tal-verifiki mwettqa minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħra involuti fil-kontroll tas-sussidji agrikoli.
Artikolu 12
Kontrolli fuq il-post
1. In-numru totali ta' kontrolli fuq il-post dwar talbiet għal pagamenti ppreżentati matul kull sena kalendarja għandhom ikopru mill-anqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li jaqgħu fl-ambitu ta' dan it-Titolu. Madankollu, għall-miżura stabbilita fl-Artikolu 36(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 ir-rata ta' 5 % għandha tinkiseb fil-livell tal-miżura.
L-applikanti li jinsabu li mhumiex eliġibbli wara l-kontrolli amministrattivi m’għandhomx jifformaw parti min-numru minimu ta' benefiċjarji vverifikati skont l-ewwel subparagrafu.
2. Meta l-kontrolli fuq il-post jiżvelaw irregolaritajiet sinifikanti għal miżura mogħtija jew f’reġjun jew parti minn reġjun, l-awtorità kompetenti għandha żżid kif xieraq l-għadd ta' kontrolli fuq il-post matul is-sena kurrenti u għandha żżid kif xieraq il-perċentwal ta' benefiċjarji li għandhom jiġu kkontrollati fuq il-post fis-sena ta' wara.
3. Il-kampjuni ta' kontroll tal-verifiki fuq il-post li għandhom jitwettqu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom jintgħażlu skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. B'riżultat tal-analiżi tar-riskju msemmi f'dak l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu miżuri speċifiċi tal-benefiċjarji għall-kontroll fuq il-post.
4. Għall-benefiċjarji ta' kwalunkwe miżuri multiannwali li jinvolvu pagamenti li jaqbżu l-ħames snin, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, wara l-ħames sena ta' ħlas, li jwettqu kontroll ta' mill-anqas 2.5 % ta' dawk il-benefiċjarji.
Il-benefiċjarji li jsirilhom kontroll skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, m’għandhomx ikunu kkunsidrati għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
Artikolu 13
Rapport ta' kontroll
Il-kontrolli fuq il-post taħt din is-Sottotaqsima għandhom ikunu s-suġġett ta' rapport ta' kontroll li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
Artikolu 14
Prinċipji ġenerali dwar il-kontrolli fuq il-post
1. Il-kontrolli fuq il-post għandhom ikunu mifruxin matul is-sena abbażi ta' analiżi tar-riskji ppreżentati mill-impenji differenti taħt kull miżura għall-iżvilupp rurali.
2. Il-kontrolli fuq il-post tal-miżuri magħżula għall-kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 12(3) ta' dan ir-Regolament għandhom ikopru l-obbligi kollha ta' benefiċjarju li jistgħu jiġu kkontrollati matul iż-żjara.
Artikolu 15
Elementi tal-kontrolli fuq il-post u determinazzjoni taż-żoni
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji u l-metodi ta' kontroll li jippermettu l-kontroll tal-impenji u l-obbligi differenti tal-benefiċjarju għas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti tal-Artikolu 48(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 (7).
2. Meta l-Istati membri jipprovdu li elementi partikolari tal-verifika fuq il-post jistgħu jitwettqu abbażi ta' kampjun, dak il-kampjun għandu jiggarantixx livell ta' kontroll affidabbli u rappreżentattiv. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji għall-għażla tal-kampjun. Jekk il-verifiki fuq dak il-kampjun jiżvelaw irregolaritajiet, l-ambitu u l-iskop ta' dak il-kampjun għandhom jiġu estiżi kif xieraq.
3. Fir-rigward tal-kontroll ta' miżuri relatati maż-żona, il-kontrolli fuq il-post għandhom ikopru l-biċċiet ta' art agrikoli kollha u l-art mhux agrikola li għalihom qed jintalab appoġġ.
4. Madankollu, id-determinazzjoni attwali tad-daqs taż-żoni għal kontroll fuq il-post tista' tkun limitata għal kampjun ta' mill-anqas 50 % taż-żoni, sakemm il-kampjun jiggarantixxi livell affidabbli u rappreżentattiv ta' kontroll fir-rigward taż-żona kkontrollata u l-appoġġ mitlub. Jekk il-kontrolli fuq dak il-kampjun jiżvelaw xi irregolaritajiet, il-limitu u l-għan tal-kampjun għandhom jiġu estiżi kif xieraq.
5. L-istabbiliment taż-żoni u t-telerilevament għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 34(1) sa (5) u l-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
Madankollu, għall-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 36(b)(iii), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu tolleranzi xierqa, li fi kwalunkwe każ m’għandhomx ikunu akbar mid-doppju tat-tolleranzi stabbiliti fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
6. Fir-rigward tal-kontroll ta' miżuri relatati mal-annimali, il-kontrolli fuq il-post għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
Artikolu 16
Tnaqqis u esklużjonijiet relatati mad-daqs taż-żona
1. Jekk, għal sena partikolari, benefiċjarju ma jiddikjarax iż-żoni agrikoli kollha, u d-differenza bejn iż-żona agrikola totali ddikjarata fit-talba għal pagament min-naħa u ż-żona ddikjarata flimkien maż-żona totali tal-biċċiet tal-art agrikoli mhux iddikjarati min-naħa l-oħra, tkun iżjed minn 3 % taż-żona ddikjarata, l-ammont totali tal-għajnuna skont il-miżuri relatati maż-żona pagabbli lil dak il-benefiċjarju għal dik is-sena, għandu jiġi mnaqqas b’sa 3 % skont il-gravità tal-ommissjoni.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta ż-żoni agrikoli kollha kkonċernati ikunu ddikjarati lill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta':
(a) |
is-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, jew |
(b) |
sistemi oħra ta' amministrazzjoni u kontroll li jiggarantixxu kompatibbiltà mas-sistema integrata f’konformità mal-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament. |
2. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, iż-żoni ddikjarati minn benefiċjarju li jirċievu l-istess rata ta' għajnuna skont miżura relatata maż-żona għandhom jitqiesu bħala li jifformaw grupp wieħed ta' għelejjel. Fejn jintużaw ammonti ta' għajnuna digressivi, għandha tkun ikkunsidrata l-medja ta' dawk l-ammonti relatata maż-żoni rispettivi ddikjarati.
3. Jekk iż-żona stabbilita għal grupp ta' għelejjel tinstab li hija ikbar minn dik iddikjarata fit-talba għal pagament, iż-żona ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-għajnuna.
Jekk iż-żona ddikjarata fit-talba għal pagament taqbeż iż-żona stabbilita għal dak il-grupp ta' għelejjel, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi taż-żona stabbilita għal dak il-grupp ta' għelejjel.
Madankollu, meta d-differenza bejn iż-żona totali stabbilita u ż-żona totali ddikjarata fit-talba għal pagament għal miżura hija anqas minn jew ugwali għal 0,1 ettaru, iż-żona stabbilita għandha titqies ugwali għaż-żona ddikjarata. Għal dan il-kalkolu, għandhom jiġu kkunsidrati biss dikjarazzjonijiet żejda taż-żoni fil-livell tal-grupp tal-għelejjel.
It-tielet subparagrafu m’għandux japplika fejn id-differenza tirrapreżenta iżjed minn 20 % taż-żona totali ddikjarata għall-pagamenti.
Jekk ikun ġie stabbilit limitu massimu għaż-żona eliġibbli għall-appoġġ, l-għadd ta' ettari ddikjarati fit-talba għal pagament għandu jiġi mnaqqas għal-limitu massimu.
4. l-istess żona sservi bħala l-bażi għal talba għal pagament taħt iżjed minn miżura waħda relatata maż-żona, dik iż-żona għandha tiġi kkunsidrata separatament għal kull waħda mill-miżuri.
5. Fil-każ imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi taż-żona stabbilita mnaqqsa b’darbtejn id-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun iżjed jew minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda mhux iżjed minn 20 % taż-żona stabbilita.
Jekk id-differenza tkun iżjed minn 20 % taż-żona stabbilita, l-ebda għajnuna m’għandha tingħata għall-grupp ta' għelejjel inkwistjoni.
Jekk id-differenza tkun iżjed minn 50 %, il-benefiċjarju għandu jkun eskluż għal darb’oħra milli jirċievi għajnuna sad-differenza bejn iż-żona ddikjarata fit-talba għal pagament u ż-żona stabbilita.
6. Jekk id-differenza bejn iż-żona ddikjarata fit-talba għal pagament u ż-żona stabbilita, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, tirriżulta minn dikjarazzjonijiet żejda mwettqa intenzjonalment, l-għajnuna li l-benefiċjarju kieku kien ikun intitolat għaliha skont dak is-subparagrafu m’għandhiex tingħata għas-sena kalendarja kkonċernata skont il-miżura relatata maż-żona kkonċernata meta dik id-differenza tkun iżjed minn 0.5 % taż-żona stabbilita jew iżjed minn ettaru wieħed.
Jekk id-differenza tkun iżjed minn 20 % taż-żona stabbilita, il-benefiċjarju għandu jkun eskluż għal darb’oħra milli jirċievi l-għajnuna, sa ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn iż-żona ddikjarata u ż-żona stabbilita.
7. L-ammont li jirriżulta mill-esklużjonijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 5 u fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 5b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 (8). Jekk l-ammont ma jistax jiġi kumpensat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji li jsegwu s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ dovut għandu jiġi mħassar.
Artikolu 17
Tnaqqis u esklużjonijiet relatati mal-għadd ta' annimali
1. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-annimali bovini u l-annimali ovini u kaprini għandhom jiġu ttrattati separatament.
Fir-rigward ta' annimali minbarra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi sistema xierqa ta' tnaqqis u esklużjonijiet.
2. Jekk limitu individwali jew limitu massimu individwali jkun applikabbli, l-għadd ta' annimali ddikjarati fit-talba għal pagament għandu jiġi mnaqqas għal-limitu jew limitu massimu stabbilit għall-benefiċjarju kkonċernat.
Fl-ebda każ ma tista' tingħata għajnuna għal għadd ta' annimali akbar minn dak iddikjarat fit-talba għal pagament.
Jekk l-għadd ta' annimali ddikjarat fit-talba għal pagament jaqbeż in-numru ta' annimali stabbilit bħala riżultat ta' kontrolli amministrattivi jew fuq il-post, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-għadd ta' annimali stabbiliti.
3. Annimal bovin li jkun tilef tikketta tal-widna waħda jew tnejn għandu jitqies li huwa parti mill-annimali stabbiliti sakemm jiġi identifikat b’mod ċar u individwalment mill-elementi l-oħra tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini.
Fil-każ ta' irregolaritajiet li jinvolvu entrati mhux korretti fir-reġistru tal-annimali bovini jew fil-passaporti tal-annimali, l-annimal bovin ikkonċernat għandu jitqies li mhuwiex parti mill-annimali stabbiliti biss jekk l-iżbalji jinstabu f’mill-anqas żewġ kontrolli fi żmien 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha l-annimal ikkonċernat għandu jitqies li mhuwiex parti mill-annimali stabbiliti wara l-ewwel sejba.
L-Artikolu 3(4) ta' dan ir-Regolament għandu japplika għall-entrati, in-notifiki u r-reġistrazzjoni fis-sistema għall-identifikazzjoni tal-annimali bovini.
4. Fil-każ imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, l-ammont totali tal-għajnuna li l-benefiċjarju huwa intitolat għaliha taħt il-miżura għandu jitnaqqas bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 6, jekk mhux iżjed minn tliet annimali jinstabu li għandhom xi irregolaritajiet.
5. Jekk iżjed minn tliet annimali jinstabu li għandhom xi irregolaritajiet, l-ammont totali tal-għajnuna li l-benefiċjarju hu intitolat għalih skont il-miżura għandu jitnaqqas skont kif ġej:
(a) |
bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 6, jekk dak il-perċentwal ma jkunx iżjed minn 10 %; |
(b) |
bid-doppju tal-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 6, jekk dak il-perċentwal ikun iżjed minn 10 % iżda mhux iżjed minn 20 %. |
Jekk dak il-perċentwal ikun iżjed minn 20 %, l-ebda għajnuna m’għandha tingħata għall-miżura kkonċernata.
Jekk dak il-perċentwal ikun iżjed minn 50 %, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż għal darb’oħra milli jirċievi għajnuna sal-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta' annimali ddikjarati u l-għadd ta' annimali stabbiliti skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2. L-ammont li jirriżulta mill-esklużjoni għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 5b tar-Regolament (KE) Nru 885/2006. Jekk l-ammont ma jistax jiġi kkumpensat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji li jsegwu s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ dovut għandu jiġi mħassar.
6. Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 4 u 5, in-numru ta' annimali misjuba li għandhom xi irregolaritajiet għandhom jiġu diviżi bl-għadd ta' annimali stabbiliti.
Fil-każ ta' applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, annimali li huma potenzjalment eliġibbli li jinstabu li mhumiex identifikati jew irreġistrati korrettament fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini għandhom jgħoddu bħala annimali misjuba li għandhom xi irregolaritajiet.
7. Jekk id-differenza bejn l-għadd tal-annimali ddikjarati u dawk stabbiliti skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tirriżulta minn irregolaritajiet li saru intenzjonalment, l-ebda għajnuna m’għandha tingħata għall-miżura kkonċernata.
Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 6 ikun iżjed minn 20 %, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż għal darb’oħra milli jirċievi għajnuna sal-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta' annimali ddikjarati u l-għadd ta' annimali stabbiliti skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2. L-ammont li jirriżulta mill-esklużjoni għandu jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 5b tar-Regolament (KE) Nru 885/2006. Jekk l-ammont ma jistax jiġi kkumpensat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji li jsegwu s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ dovut għandu jiġi mħassar.
Artikolu 18
Tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kriterji ta' eliġibbiltà, impenji u obbligi relatati oħra
1. L-għajnuna mitluba għandha tiġi mnaqqsa jew miċħuda meta l-obbligi u l-kriterji li ġejjin ma jiġux sodisfatti:
(a) |
għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 36(a)(iv) u (v) kif ukoll f’(b)(v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-istandards obbligatorji rilevanti kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta' fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, rekwiżiti oħra obbligatorji rilevanti kif imsemmi fl-Artikoli 39(3), 40(2) u 47(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, u impenji li jmorru lil hinn minn dawk l-istandards u rekwiżiti; jew |
(b) |
il-kriterji ta' eliġibbiltà minbarra dawk relatati mad-daqs taż-żona jew l-għadd tal-annimali ddikjarati. |
Fil-każ ta' impenji multiannwali, it-tnaqqis, l-esklużjonijiet u l-irkupri tal-għajnuna għandhom japplikaw ukoll għall-ammonti diġà mħallsa fis-snin preċedenti għal dak l-impenn.
2. L-Istat Membru għandu jirkupra u/jew jiċħad l-appoġġ jew jistabbilixxi l-ammont tat-tnaqqis tal-għajnuna, b’mod partikolari abbażi tas-severità, il-grad u n-natura permanenti tan-nuqqas ta' konformità misjub.
Is-severità tan-nuqqas ta' konformità għandha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta' konformtià, waqt li jitqiesu l-għanijiet tal-kriterji li ma ġewx sodisfatti.
Il-grad tan-nuqqas ta' konformità għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tal-operazzjoni kollha.
Jekk in-nuqqas ta' konformità huwiex ta' natura permanenti jew le għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq id-dewmien tal-effett jew il-possibbiltà ta' terminazzjoni ta' dan l-effett permezz ta' mezzi raġonevoli.
3. Jekk in-nuqqas ta' konformità jirriżulta minn irregolaritajiet li twettqu intenzjonalment, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-miżura kkonċernata kemm għas-sena kalendarja tas-sejba kif ukoll għas-sena kalendarja ta' wara.
Artikolu 19
Regoli ġenerali
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 51(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, “kundizzjonalità” għandha tfisser konformità mar-rekwiżiti statutorji ta' tmexxija u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 50a(1) ta' dak ir-Regolament u r-rekwiżiti minimi għall-użu ta' fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1) ta' dak ir-Regolament.
2. L-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu, punti (2) u minn (32) sa (37), l-Artikoli 8, 47, 48, 49, l-Artikolu 50 minbarra l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Artikolu 51(1), (2) u (3), l-Artikoli 52, 53, 54, l-Artikolu 70(3), (4), (6) u (7), u l-Artikoli 71 u 72 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tal-kundizzjonalità.
3. Sabiex jiġi kkalkulat it-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti minimi għall-użu ta' fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif imsemmija fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 se jiġu kkunsidrati li jirrigwardaw il-qasam tal-ambjent u l-qasam tas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti, rispettivament, kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Iż-żewġ rekwiżiti minimi għandhom jiġu kkunsidrati bħala “att” skont it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, punt (33), tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009.
Artikolu 20
Verifiki fuq il-post
1. F’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti u l-istandards li hija responsabbli għalihom, l-awtorità ta' kontroll kompetenti għandha twettaq verifiki fuq il-post fuq mill-inqas 1 % tal-benefiċjarji kollha li jissottmettu talbiet għal pagamenti skont l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
2. Il-kampjuni tal-benefiċjarji li għandhom jiġu vverifikati skont il-paragrafu 1 jistgħu jintgħażlu jew mill-kampjun tal-benefiċjarji li diġà kienu magħżula skont l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, u li japplikaw għalihom ir-rekwiżiti jew standards rilevanti, jew mill-popolazzjoni kollha ta' benefiċjarji li jissottomettu talbiet għal pagament skont l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u li huma obbligati li jissodisfaw ir-rekwiżiti jew l-istandards rispettivi.
3. Tista' tintuża taħlita tal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 2 jekk din it-taħlita żżid l-effikaċja tas-sistema ta' kontroll.
4. Meta l-atti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità jeħtieġu li l-verifiki fuq il-post ma jiġux avżati, l-istess rekwiżit għandu japplika wkoll għall-verifiki fuq il-post tal-kundizzjonalità.
Artikolu 21
Tnaqqis u esklużjonijiet
Minġħajr prejudizzju għall-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, f’każ li jiġi stabbilit nuqqas ta' konformita, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19(2) ta' dan ir-Regolament jiġu applikati għall-ammonti globali ta' assistenza taħt l-Artikolu 36(a)(i) sa (v) u (b)(i), (iv) u (v) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 li diġà ngħata, jew sejjer jingħata, lill-benefiċjarji kkonċernati wara li l-benefiċjaru jissotometti talbiet għall-pagament matul is-sena kalendarja li fiha ssir is-sejba.
Artikolu 22
Ordni ta' tnaqqis
Fejn japplika diversi tnaqqis, dawn għandhom jiġu applikati f’din l-ordni:
— |
l-ewwel skont l-Artikolu 16(5) u (6) flimkien mal-Artikolu 17(4) u (5) ta' dan ir-Regolament, |
— |
imbagħad skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, |
— |
imbagħad għall-sottomissjonijiet li jidħlu tard skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, |
— |
imbagħad skont l-Artikolu 16(1) ta' dan ir-Regolament, |
— |
imbagħad skont l-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament, |
— |
fl-aħħar, skont l-Artikolu 16(7) u 17(7) ta' dan ir-Regolament. |
TITOLU II
APPOĠĠ GĦAL ŻVILUPP RURALI SKONT L-ASSI 1 U L-ASSI 3 U ĊERTI MIŻURI SKONT L-ASSI 2 U L-ASSI 4
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet introduttorji
Artikolu 23
Ambitu
Dan it-Titolu għandu japplika għal nefqa skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mhux kopert mit-Titolu I ta' dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
Kontroll, tnaqqis u esklużjonijiet
Artikolu 24
Kontrolli amministrattivi
1. Għandhom isiru kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għal appoġġ, it-talbiet għal pagament jew id-dikjarazzjonijiet l-oħra kollha li għandhom jiġu sottomessi minn benefiċjarju jew parti terza, u għandhom ikopru l-elementi kollha li huwa possibbli u xieraq li jiġu kkontrollati permezz ta' mezzi amministrattivi. Il-proċeduri għandhom jeħtieġu reġistrazzjoni tal-ħidma ta' kontroll imwettqa, ir-riżultati tal-verifika u l-miżuri meħuda f’każ ta' diskrepanzi.
2. Il-kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għal appoġġ għandhom jinkludu b’mod partikolari l-verifika ta':
(a) |
l-eliġibbiltà tal-operazzjoni li għaliha qed jintalab appoġġ; |
(b) |
il-konformità mal-kriterji tal-għażla stabbiliti fil-programm għall-iżvilupp rurali; |
(c) |
il-konformità tal-operazzjoni li għaliha qed jintalab appoġġ mar-regoli nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli dwar, b’mod partikolari, u fejn rilevanti, l-akkwisti pubbliċi, l-għajnuna mill-Istat u standards oħrajn obbligatorji xierqa stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew stabbiliti fil-programm għall-iżvilupp rurali; |
(d) |
ir-raġonevolezza tal-ispejjeż sottomessi, li għandhom jiġu evalwati bl-użu ta' sistema ta' evalwazzjoni xierqa, bħal spejjeż ta' referenza, tqabbil ta' offerti differenti jew kumitat tal-evalwazzjoni; |
(e) |
l-affidabbiltà tal-applikant, b’referenza għal kwalunkwe operazzjonijiet kofinanzjati preċedenti mwettqa mis-sena 2000. |
3. Il-kontrolli amministrattivi fuq it-talbiet għal pagament għandhom jinkludu b’mod partikolari, u fejn xieraq għat-talba kkonċernata, verifika:
(a) |
tal-konsenja tal-prodotti u s-servizzi kofinanzjati; |
(b) |
tar-realtà tan-nefqa mitluba; |
(c) |
tal-operazzjoni kompluta meta mqabbla mal-operazzjoni li għaliha ġiet sottomessa u approvata applikazzjoni għal appoġġ. |
4. Il-kontrolli amministrattivi fuq l-operazzjonijiet ta' investiment għandhom jinkludu mill-anqas żjara waħda lill-operazzjoni appoġġata jew lis-sit tal-investiment sabiex jiġi vverifikat li l-investiment sar.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux dik iż-żjara għal raġunijiet ġustifikati kif dovut, bħal jekk:
(a) |
l-operazzjoni tkun inkluża fil-kampjun għal kontroll fuq il-post skont l-Artikolu 25; |
(b) |
l-operazzjoni konċernata tkun investiment żgħir; |
(c) |
l-Istat Membru jqis li r-riskju li ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet biex jirċievigħajnuna huwa baxx, jew li r-riskju li l-investiment ma jkunx sar huwa baxx. |
Id-deċiżjoni msemmija fit-tieni subparagrafu u l-ġustifikazzjoni tagħha għandhom jiġu rreġistrati.
5. Il-kontrolli amministrattivi għandhom jinkludu proċeduri biex jiġi evitat finanzjament doppju ma' skemi oħra tal-Unjoni jew nazzjonali u ma' perjodi oħra ta' programmi. Meta jkun hemm finanzjament minn sorsi oħra, dawk il-kontrolli għandhom jiżguraw li l-għajnuna totali li tkun ingħatat ma taqbiżx il-limiti massimi permissibbli tal-għajnuna.
6. Il-pagamenti mill-benefiċjarji għandhom jiġu appoġġati minn fatturi u dokumenti li jagħtu prova tal-pagament. Meta dan ma jkunx jista' jsir, il-pagamenti għandhom jiġu appoġġati b’dokument ta' valur probatorju ekwivalenti.
Artikolu 25
Kontrolli fuq il-post
1. L-Istati Membri għandhom jorganizzaw kontrolli fuq il-post fuq operazzjonijiet approvati bl-użu ta' bażi xierqa ta' teħid ta' kampjuni. Dawn il-kontrolli għandhom, safejn ikun possibbli, jitwettqu qabel isir l-aħħar pagament għal operazzjoni.
2. In-nefqa koperta mill-kontrolli fuq il-post għandha tirrapreżenta mill-anqas 4 % tan-nefqa msemmija fl-Artikolu 23 li hija ffinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li għandha titħallas mill-aġenzija tal-pagamenti kull sena kalendarja. Għandhom jiġu kkunsidrati biss il-kontrolli li jitwettqu sal-aħħar tas-sena kkonċernata.
Matul il-perjodu sħiħ tal-programm, in-nefqa koperta għandha tirrapreżenta mill-anqas 5 % tan-nefqa ffinanzjata mill-FAEŻR.
3. Il-kampjun tal-operazzjonijiet approvati li għandhom jiġu vverifikati skont il-paragrafu 1 għandu jikkunsidra b’mod partikolari:
(a) |
il-bżonn li tiġi kkontrollata taħlita xierqa tat-tipi u d-daqsijiet tal-operazzjonijiet; |
(b) |
kwalunkwe fatturi ta' riskju identifikati wara l-kontrolli nazzjonali jew tal-Unjoni; |
(c) |
il-bżonn li jinżamm bilanċ bejn l-assi u l-miżuri; |
(d) |
il-ħtieġa li ssir għażla aleatorja ta' bejn 20 % u 25 % tan-nefqa. |
4. L-ispetturi li jwettqu kontroll fuq il-post m’għandhomx ikunu ġew involuti fil-kontrolli amministrattivi tal-istess operazzjoni.
Artikolu 26
Kontenut tal-kontrolli fuq il-post
1. Permezz tal-kontrolli fuq il-post, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw:
(a) |
li t-talbiet għal pagamenti sottomessi mill-benefiċjarju huma appoġġjati b’dokumenti tal-kontabbiltà jew oħrajn, inklużi, fejn neċessarju, verifika tal-preċiżjoni tad-dejta fit-talba għal pagament abbażi tad-dejta jew dokumenti kummerċjali miżmuma minn partijiet terzi; |
(b) |
għal għadd xieraq ta' elementi ta' nfiq, li n-natura u ż-żmien tan-nefqa rilevanti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet approvati tal-operazzjoni u x-xogħlijiet li twettqu attwalment jew is-servizzi li ngħataw attwalment; |
(c) |
li l-użu jew l-użu intenzjonat tal-operazzjoni huwa konsistenti mal-użu deskritt fl-applikazzjoni għall-appoġġ; |
(d) |
li l-operazzjonijiet iffinanzjati pubblikament ġew implimentati skont ir-regoli u l-politiki tal-Unjoni, speċjalment ir-regoli dwar is-sejħiet għall-offerti pubbliċi u l-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew stabbiliti fil-programm għall-iżvilupp rurali. |
2. Kontrolli fuq il-post ta' talba għal pagamenti magħżula għall-verifika kif imsemmi fl-Artikolu 25(3) ta' dan ir-Regolament, għandhom ikopri l-impenji u l-obbligi kollha ta' benefiċjarju li jistgħu jiġu kontrollati matul iż-żjara.
3. Minbarra f’każijiet eċċezzjonali, irreġistrati kif suppost u spjegati mill-awtoritajiet nazzjonali, il-kontrolli fuq il-post għandhom jinkludu żjara lill-operazzjoni jew, jekk l-operazzjoni mhijiex tanġibbli, lill-promotur tal-operazzjoni.
4. Il-kontrolli li jissodisfaw ir-rekwiżiti sħaħ ta' dan l-Artikolu biss jistgħu jingħaddu għall-kisba tar-rata tal-kontroll stabbilita fl-Artikolu 25(2).
Artikolu 27
Rapport ta' kontroll
1. Kull kontroll fuq il-post u kontroll ex-post taħt din it-Taqsima għandu jkun is-suġġett ta' rapport ta' kontroll li jagħmilha possibbli li jiġu riveduti d-dettalji tal-kontrolli mwettqa. Ir-rapport għandu jindika b’mod partikolari:
(a) |
il-miżuri u l-applikazzjonijiet ikkontrollati; |
(b) |
il-persuni preżenti; |
(c) |
jekk ingħatatx notifika lill-benefiċjarju taż-żjara u, jekk iva, il-perjodu tan-notifika bil-quddiem; |
(d) |
ir-riżultati tal-kontrolli u, fejn applikabbli, kwalunkwe osservazzjoni partikolari; |
(e) |
kwalunkwe miżura ta' kontroll oħra li għandha titwettaq. |
2. Il-benefiċjarju għandu jingħata l-opportunità li jiffirma r-rapport biex jiċċertifika l-preżenza tal-benefiċjarju matul il-kontroll u jżid l-osservazzjonijiet tiegħu. Meta jinstabu xi irregolaritajiet, il-benefiċjarju għandu jirċievi kopja tar-rapport ta' kontroll.
Artikolu 28
Bdiewa ta' età żgħira
Għall-miżura stipulata fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità mal-pjan tan-negozju skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 permezz ta' kontrolli amministrattivi u, fuq bażi ta' teħid ta' kampjuni, permezz ta' kontrolli fuq il-post.
Artikolu 28a
Irtirar bikri
Għall-miżura msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 23(2)(b) u fl-Artikolu 23(3) ta' dak ir-Regolament wara t-trasferiment tar-razzett. L-Istati Membri jistgħu jiddisponu mill-kontrolli fuq il-post wara l-ewwel pagament ta' appoġġ, sakemm il-kontrolli amministrattivi, inklużi l-kontrolli reċiproċi xierqa, b’mod partikolari bl-informazzjoni li hemm fil-bażi ta' dejta elettroniku msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, jipprovdu l-assigurazzjoni neċessarja tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti.
Artikolu 28b
Appoġġ għal skemi tal-kwalità tal-ikel rikonoxxuti mill-Istati Membri
Għall-miżura stipulata fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-aġenziji tal-pagamenti jistgħu, fejn xieraq, jagħmlu użu minn evidenza li jirċievu minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet oħra biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji ta' eliġibbiltà. Madankollu, dawn għandhom jiżguraw li jkollhom l-assigurazzjoni li s-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni qed joperaw sa standard suffiċjenti għall-kontroll tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà.
Artikolu 28c
Biedja ta' semi-sussistenza
Għall-miżura stipulata fl-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-progress fir-rigward tal-pjan tan-negozju skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu permezz ta' kontrolli amministrattivi u, fuq bażi ta' teħid ta' kampjuni, permezz ta' kontrolli fuq il-post.
Artikolu 28d
Gruppi ta' produtturi
Għall-miżura stipulata fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-grupp ta' produtturi wara l-verifika tal-konformità tal-grupp mal-kriterji stabbiliti fil-paragarafu 1 ta' dak l-Artikolu u mar-regoli nazzjonali. Wara r-rikonoxximent, il-konformità kontinwa mal-kriterji ta' rikonoxximent għandha tiġi verifikata mill-anqas darba matul il-perjodu ta' ħames snin permezz ta' kontroll fuq il-post.
Artikolu 28e
Impriżi agrikoli li jkunu għaddejjin minn ristrutturar
Għall-miżura stipulata fl-Artikolu 35a tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-progress fir-rigward tal-pjan ta' negozju skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu permezz ta' kontrolli amministrattivi u, fuq bażi ta' teħid ta' kampjuni, permezz ta' kontrolli fuq il-post.
Artikolu 28f
Il-programm Leader
1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistema xierqa għas-superviżjoni ta' gruppi ta' azzjoni lokali.
2. Fil-każ ta' nefqa taħt l-Artikolu 63(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw it-twettiq tal-kontrolli amministrattivi msemmija fl-Artikolu 24 ta' dan ir-Regolament lil gruppi ta' azzjoni lokali permezz ta' att formali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għall-verifika tal-kapaċità amministrattiva u ta' kontroll ta' dawk il-gruppi ta' azzjoni lokali biex iwettqu dak ix-xogħol.
Fil-każ tad-delegazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli regolari tal-operazzjonijiet tal-gruppi ta' azzjoni lokali, inklużi kontrolli taż-żamma tal-kotba u ripetizzjoni tal-kontrolli amministrattivi fuq bażi ta' teħid ta' kampjuni.
L-Istati Membri għandhom iwettqu wkoll kontrolli fuq il-post kif imsemmi fl-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament. Fil-kampjun tal-operazzjonijiet approvati li għandhom jiġu kkontrollati fuq il-post skont l-Artikolu 25(1) ta' dan ir-Regolament, in-nefqa li tikkonċerna l-programm Leader għandha mill-anqas ikollha l-istess perċentwal li għandha fin-nefqa msemmija fl-Artikolu 23 ta' dan ir-Regolament.
3. Fil-każ ta' nefqa mġarrba taħt l-Artikolu 63(c) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-kontrolli għandhom jitwettqu minn persuni indipendenti mill-grupp ta' azzjoni lokali kkonċernat.
Artikolu 28 g
Sussidji fuq ir-rati tal-imgħax
Fil-każ ta' nefqa mġarrba taħt l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, il-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post għandhom jitwettqu b’referenza għall-benefiċjarju u skont it-twettiq tal-operazzjoni kkonċernata. L-analiżi tar-riskju skont l-Artikolu 25(3)(b) ta' dan ir-Regolament għandha tkopri, mill-anqas darba, l-operazzjoni konċernata abbażi tal-valur skontat tas-sussidju.
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz ta' kontrolli amministrattivi u, jekk neċessarju, permezz ta' żjarat “in situ” lil istituzzjonijiet finanzjarji intermedji u għand il-benefiċjarju, li l-pagamenti lill-istituzzjonijiet finanzjarji intermedji huma konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-ftehim konkluż bejn l-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru u l-istituzzjoni finanzjarja intermedja kif stabbilit fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006.
Artikolu 28h
Azzjonijiet oħra ta' inġinerija finanzjarja
Fil-każ ta' nefqa taħt l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, permezz ta' kontrolli amministrattivi u, jekk neċessarju, permezz ta' żjarat “in situ” lill-fondi jew l-isponsors tagħhom, li hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 51 u 52 ta' dak ir-Regolament. Dawn għandhom jivverifikaw speċjalment l-użu korrett tal-fondi u l-għeluq fl-aħħar tal-perjodu tal-programm.
Artikolu 29
Kontrolli ex-post
1. Il-kontrolli ex-post għandhom jitwettqu fuq operazzjonijiet ta' investiment għall-verifika tal-impenji skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jew dettaljati fil-programm għall-iżvilupp rurali.
2. Il-kontrolli ex-post għandhom ikopru f’kull sena kalendarja mill-anqas 1 % tan-nefqa tal-FAEŻR għall-operazzjonijiet ta' investiment li huma xorta suġġetti għal impenn kif imsemmi fil-paragrafu 1 u li għalihom l-aħħar pagament sar mill-FAEŻR. Huma biss il-kontrolli li jitwettqu sal-aħħar tas-sena kkonċernata li għandhom jiġu kkunsidrati.
3. Il-kampjun għall-operazzjonijiet li għandhom ikunu kkontrollati f’konformità mal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju u l-impatt finanzjarju tal-operazzjonijiet, il-gruppi ta' operazzjonijiet jew il-miżuri differenti. Parti mill-kampjun għandha tkun magħżula b’mod aleatorju.
Artikolu 30
Tnaqqis u esklużjonijiet
1. Il-pagamenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta' dak li jinstab li huwa eliġibbli matul il-kontrolli amministrattivi.
L-Istat Membru għandu jeżamina t-talba għal pagament mibgħuta mill-benefiċjarju, u jistabbilixxi l-ammonti li huma eliġibbli għall-appoġġ. Dan għandu jistabbilixxi:
(a) |
l-ammont pagabbli lill-benefiċjarju abbażi biss tat-talba għal pagament; |
(b) |
l-ammont pagabbli lill-benefiċjarju wara eżaminazzjoni tal-eliġibbiltà tat-talba għal pagament. |
Jekk l-ammont stabbilit skont il-punt (a) jaqbeż l-ammont stabbilit skont il-punt (b) b’iżjed minn 3 %, għandu jiġi applikat tnaqqis mill-ammont stabbilit skont il-punt (b). L-ammont tat-tnaqqis għandu jkun id-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti.
Madankollu, l-ebda tnaqqis m’għandu jiġi applikat jekk il-benefiċjarju jista' juri li huwa m’għandux tort għall-inklużjoni tal-ammont mhux eliġibbli.
2. Meta jinstab li benefiċjarju għamel dikjarazzjoni falza intenzjonalment, l-operazzjoni kkonċernata għandha tiġi eskluża mill-appoġġ mill-FAEŻR u kwalunkwe ammonti mħallsa diġà għal dik l-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż milli jirċievi appoġġ taħt l-istess miżura għas-sena kalendari tas-sejba u għas-sena kalendarja ta' wara.
3. It-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati mutatis mutandis għall-infiq mhux eliġibbli identifikat matul il-kontroll skont l-Artikoli 25 u 29.
PARTI III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 31
Rappurtaġġ
L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni sal-15 ta' Lulju ta' kull sena li:
(a) |
ikopri r-riżultati tal-kontrolli fuq it-talbiet għal pagament sottomessi taħt it-Titolu I matul is-sena kalendarja preċedenti u li jkunu relatati, b’mod partikolari, mal-punti li ġejjin:
|
(b) |
ikopri l-kontrolli u r-riżultati tal-kontrolli fuq it-talbiet għal pagamenti skont l-Artikoli 24 u 25 għal pagamenti li saru matul is-sena kalendarja preċedenti; |
(c) |
ikopri l-kontrolli u r-riżultati tal-kontrolli mwettqa skont l-Artikoli 28 u 29 matul is-sena kalendarja preċedenti. |
Artikolu 32
Kontroll mill-Kummissjoni
L-Artikolu 27(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu japplika għall-appoġġ imħallas skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
Artikolu 33
Rappurtaġġ tal-kontrolli lill-aġenziji tal-pagamenti
1. Meta l-kontrolli ma jsirux mill-aġenzija tal-pagamenti responsabbli, l-Istat Membru għandu jiżgura li tasal biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-kontrolli mill-aġenzija tal-pagamenti responsabbli. Hija r-responsabbiltà tal-aġenzija tal-pagamenti li tiddefinixxi l-bżonnijiet tagħha għall-informazzjoni. L-informazzjoni tista' tkun rapport fuq kwalunkwe kontroll imwettaq jew, jekk xieraq, tkun fil-forma ta' rapport sommarju.
2. Għandu jinżamm rekord għall-verifika suffiċjenti. Deskrizzjoni indikattiva tar-rekwiżiti ta' rekord għall-verifika suffiċjenti hija mogħtija fl-Anness I.
3. L-aġenzija tal-pagamenti għandu jkollha d-dritt li tivverfika l-kwalità tal-kontrolli mwettqa minn korpi oħra, u li tirċievi l-informazzjoni l-oħra kollha li jkollha bżonn biex twettaq il-funzjonijiet tagħha.
Artikolu 34
Revoka
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1975/2006 huwa rrevokat b’effett mill-1 ta' Jannar 2011.
Madankollu, dan għandu jkompli japplika fir-rigward tat-talbiet għal pagamenti sottomessi qabel l-1 ta' Jannar 2011.
2. Referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1975/2006 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
Artikolu 35
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 277, 21.10.2005, p.1.
(2) ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.
(3) ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18.
(4) ĠU L 368, 23.12.2006, p. 74.
(6) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.
(7) ĠU L 368, 23.12.2006, p.15.
(8) ĠU L 171, 23.6.2006, p. 90.
ANNESS I
Deskrizzjoni indikattiva tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal rekord għall-verifika suffiċjenti
Rekord għall-verifika suffiċjenti kif imsemmija fl-Artikolu 33(2), jkun preżenti meta, għal assistenza partikolari:
(a) |
jippermetti r-rikonċiljazzjoni bejn l-ammonti totali ddikjarati lill-Kummissjoni u l-fatturi, id-dokumenti tal-kontabbiltà u d-dokumenti l-oħra ta’ appoġġ miżmuma mill-aġenzija tal-pagamenti jew servizz ieħor għall-operazzjonijiet kollha appoġġjati mill-FAEŻR; |
(b) |
jippermetti l-verifika tal-pagament tan-nefqa pubblika lill-benefiċjarju; |
(c) |
jippermetti l-verifika tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-għażla lill-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEŻR; |
(d) |
ikun jinkludi, safejn hu xieraq, il-pjan finanzjarju, ir-rapporti tal-attivitajiet, id-dokumenti relatati mal-għoti tal-appoġġ, id-dokumenti relatati mal-proċeduri tas-sejħiet pubbliċi għall-offerti u rapporti relatati ma' kwalunkwe kontroll li jkun twettaq. |
ANNESS II
Tabella ta’ korrelazzjoni
Regolament (KE) Nru 1975/2006 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 4(3), (6), (7) u (9), Artikolu 5, Artikolu 7(1) |
Artikolu 3 |
Artikolu 2 |
Artikolu 4 |
Artikolu 3 |
Artikolu 5 |
Artikolu 4(2), (4) u (8) |
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
Artikolu 7(1), Artikolu 8(3), Artikolu 16(1) |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 7(1), Artikolu 8(3) |
Artikolu 9 |
Artikolu 9 |
Artikolu 10(1) u (2) |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 10(3) sa (6) |
Artikolu 10(1) sa (4) |
Artikolu 11 |
Artikolu 11 |
Artikolu 12(1), (3) u (4) |
Artikolu 12(1), (3) u (4) |
Artikolu 12(2) |
Artikolu 12(2) u Artikolu 15(3) |
Artikolu 13 |
Artikolu 13 |
Article 14 |
Artikolu 14 |
Artikolu 15 |
Artikolu 15 |
Artikolu 16(1) |
Artikolu 16(2) u (3) |
Artikolu 16(2) |
Artikolu 16(5) |
Artikolu 16(4) |
— |
Artikolu 16(5) u (6) |
Artikolu 16(6) u (7), rispettivament |
Artikolu 17(1) |
Artikolu 17(2) u (3) |
Artikolu 17(2) |
Artikolu 17(4), (5) u (6) |
Artikolu 17(3) |
Artikolu 17(5) u (7) |
Artikolu 17(4) |
Artikolu 17(1) |
Artikolu 18 |
Artikolu 18 |
Artikolu 19(1) |
Artikolu 19(1) |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 20(1) |
Artikolu 20(1) |
Artikolu 20(2) |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 21(1) |
Artikolu 19(2) |
Article 21(2) u (3) |
Artikolu 20(2) |
Artikolu 21(4) |
Artikolu 20(3) |
Artikolu 22 |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 23(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 21 |
Artikolu 23(1), it-tieni u t-tielet subparagrafi |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 23(2) |
Artikolu 19(3) |
Artikolu 24 |
Artikolu 22 |
Artikolu 25 |
Artikolu 23 |
Artikolu 26(1), (2), (3) u (4) |
Artikolu 24(1),(2),(3) u (4), rispettivament |
Artikolu 26(5) |
Artikolu 24(6) |
Artikolu 26(6) |
Artikolu 24(5) |
Artikolu 26(7) |
Artikolu 28b |
Artikolue 27(1), (2) u (3) |
Artikolu 25 |
Artikolu 27(4) |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 28 |
Artikolu 26 |
Artikolu 28a |
Artikolu 27 |
Artikolu 29 |
Artikolu 28a u 28c |
Artikolu 30(1) u (2) |
Artikolu 29(1) |
Artikolu 30(3) |
Artikolu 29(2) |
Artikolu 30(4), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 29(3) |
Artikolu 30(4), it-tieni subparagrafu |
— |
Artikolu 31(1), l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi |
Artikolu 30(1), l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi, rispettivament |
Artikolu 31(1), ir-raba’ subparagrafu |
Artikolu 30(3) |
Artikolu 31(2) |
Artikolu 30(2) |
Artikolu 32 |
Artikolu 28f(3) |
Artikolu 33 |
Artikolu 28f(2) |
Artikolu 34(a) |
Artikolu 31(a) |
Artikolu 34(b) u (c) |
Artikolu 31(b) |
Artikolu 34(d) |
Artikolu 31(c) |
Artikolu 35 |
Artikolu 32 |
Artikolu 36(1) |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 36(2), (3) u (4) |
Artikolu 33(1), (2) u (3) |
Artikolu 37 |
Artikolu 35 |