Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0098

Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru

OJ L 343, 23.12.2011, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 006 P. 303 - 311

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/98/oj

23.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/1


DIRETTIVA 2011/98/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2011

dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 79(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Għall-istabbiliment gradwali ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għal miżuri li għandhom jiġu adottati fl-oqsma tal-ażil, l-immigrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fl-15 u 16 ta’ Ottubru 1999, irrikonoxxa l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, iddikjara b’mod partikolari li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura trattament ġust għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li politika ta’ integrazzjoni aktar qawwija għandu jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi kumparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew għaldaqstant talab lill-Kunsill biex jadotta l-istrumenti legali bbażati fuq il-proposti tal-Kummissjoni. Il-bżonn li jintlaħqu l-finijiet definiti f’Tampere kien affermat mill-ġdid mill-Programm ta’ Stokkolma, li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009.

(3)

Dispożizzjonijiet għal proċedura ta’ applikazzjoni unika li twassal għall-ħruġ ta’ titolu ikkombinat li jgħaqqad il-permessi ta’ residenza u ta’ xogħol f’dokument amministrattiv wieħed jikkontribwixxu biex jiġu ssemplifikati u armonizzati r-regoli applikabbli bħalissa fl-Istati Membri. Din is-simplifikazzjoni proċedurali diġà ġiet introdotta minn diversi Stati Membri u wasslet għal proċedura aktar effiċjenti kemm għall-migranti u kemm għal min iħaddimhom, u ppermettiet kontrolli eħfef tal-legalità tar-residenza u l-impjieg tagħhom.

(4)

Sabiex jippermettu d-dħul inizjali fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu joħorġu permess uniku jew, jekk joħorġu permessi uniċi biss wara d-dħul, joħorġu viża. L-Istati Membri għandhom joħorġu tali permessi uniċi jew visi f’ħin f’waqtu.

(5)

Għandha tiġi stabbilita ġabra ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura għall-eżami tal-applikazzjoni għal permess uniku. Dik il-proċedura għandha tkun effettiva u maneġġabbli, filwaqt li għandu jitqies il-piż normali tax-xogħol tal-amministrazzjonijiet tal-Istat Membru, kif ukoll trasparenti u ġusti, biex tiġi offruta ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.

(6)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw l-ammissjoni, inklużi l-volumi ta’ ammissjoni, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal fini ta’ xogħol.

(7)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu stazzjonati f’pajjiż ieħor m’għandhomx ikunu koperti b’din id-Direttiva. Dan m’għandux jimpedixxi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jirrisjedu u jaħdmu legalment fi Stat Membru u li jiġu stazzjonati fi Stat Membru ieħor milli jibqgħu jgawdu minn trattament ugwali bħal taċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-oriġini matul il-perijodu li fih ikunu stazzjonati, fir-rigward tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg li mhumiex affettwati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiemafil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi (4).

(8)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu akkwistaw status ta’ residenza għat-tul skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (5) m’għandhomx ikunu koperti minn din id-Direttiva minħabba l-istatus aktar privileġġjat tagħhom u t-tip speċifiku ta’ permess ta’ residenza tagħhom “resident għat-tul-UE”.

(9)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ddaħħlu fit-territorju ta’ Stat Membru biex jaħdmu fuq bażi staġjonali m’għandhomx ikunu koperti minn din id-Direttiva minħabba l-istatus temporanju tagħhom.

(10)

L-obbligu fuq l-Istati Membri li jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni għandhiex issir minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn min iħaddmu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament li jeħtieġ li t-tnejn li huma jkunu involuti fil-proċedura. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni għal permess uniku għandhiex issir fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jew minn pajjiż terz. F’każijiet fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jitħalliex japplika minn pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tista’ ssir minn min ser iħaddmu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

(11)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni unika u dwar il-permess uniku ma jikkonċernawx viżi uniformi jew għall-perijodu twil.

(12)

In-nomina tal-awtorità kompetenti skont din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rwol u r-responsabilitajiet ta’ awtoritajiet oħra u, fejn applikabbli, l-imsieħba soċjali, fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni u d-deċiżjoni dwarha.

(13)

L-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni m’għandhiex tinkludi ż-żmien meħtieġ għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali jew iż-żmien meħtieġ għall-ħruġ ta’ viża. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali dwar ir-rikonoxximent ta’ diplomi.

(14)

Il-permess uniku għandu jkun imfassal skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (6), biex dan jippermetti l-Istati Membri jdaħħlu aktar informazzjoni, partikolarment jekk il-persuna jkollhiex il-permess li taħdem. Stat Membru għandhu jindika, inter alia għall-fini ta’ kontroll aħjar tal-migrazzjoni, mhux biss fuq il-permess uniku iżda wkoll fuq kull permessi ta’ residenza maħruġa, l-informazzjoni relatata mal-permess tax-xogħol, irrispettivament mit-tip tal-permess jew mit-titolu ta’ residenza li, fuq il-bażi tagħhom, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ġie ammess fit-territorju u jkun ingħata aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru.

(15)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar permessi ta’ residenza għal finijiet oħrajn għajr xogħol għandhom japplikaw biss għall-format ta’ tali permessi u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ ammissjoni u dwar il-proċeduri għall-ħruġ ta’ tali permessi.

(16)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-permess uniku u dwar il-permess ta’ residenza maħruġ għal finijiet oħra apparti xogħol m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli joħorġu dokument tal-karta addizzjonali biex tkun tista’ tingħata informazzjoni aktar preċiża dwar ir-relazzjoni ta’ impjieg li ma jkunx hemm spazju biżżejjed għaliha fil-format tal-permess ta’ residenza. Tali dokument jistgħu jservu bħala prevenzjoni għall-isfruttament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex jaħdmu kontra l-impjiegi illegali iżda għandhom ikunu fakultattivi għall-Istati Membri u m’għandhomx iservu ta’ sostitut għal permess ta’ xogħol u b’hekk jikkompromettu l-kunċett ta’ permess uniku. Il-possibiltajiet tekniċi offruti mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u l-punt (a) 16 tal-Anness I għalih jistgħu jintużaw ukoll għall-ħżin ta’ tali informazzjoni f’format elettroniku.

(17)

Il-kondizzjonijiet u l-kriterji li fuqhom tista’ applikazzjoni għall-ħruġ, l-emendar jew it-tiġdid ta’ permess uniku tiġi miċħuda, jew li abbażi tagħhom il-permess uniku jista’ jiġi rtirat, għandhom ikunu oġġettivi u għandhom ikunu stabbiliti fil-liġi nazzjonali inkluż l-obbligu li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-preferenza tal-Unjoni kif inhu espress partikolarment fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta’ Adeżjoni tal-2003 u l-2005. Deċiżjonijiet ta’ ċħid u ta’ rtirar għandhom ikunu immotivati kif xieraq.

(18)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom dokument tal-ivjaġġar validu u permess uniku maħruġ minn Stat Membru li japplika bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għandhom ikunu jistgħu jidħlu fi u jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, għal perijodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perjodu ta’ sitt xhur skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (7) u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntierikomuni tagħhom (Konvenzjoni ta’ Schengen) (8).

(19)

Fin-nuqqas ta’ leġislazzjoni orizzontali tal-Unjoni, id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jvarjaw, skont l-Istat Membru li jaħdmu fih u skont in-nazzjonalità tagħhom. Bil-għan li tiġi żviluppata aktar politika tal-immigrazzjoni koerenti u titnaqqas id-differenzi fid-dritt bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu legalment fi Stat Membru u biex jiġi kkumplementat l-acquis eżistenti dwar l-immigrazzjoni, għandha tiġi stabbilita ġabra ta’ drittijiet sabiex, b’mod partikolari, jiġi speċifikat f’ liema oqsma jingħata trattament ugwali bejn iċ-ċittadini propji ta’ Stat Membru u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex residenti għat-tul. Tali dispożizzjonijiet huma maħsubin biex jistabbilixxu kondizzjonijiet ugwali minimi fl-Unjoni, biex jiġi rikonoxxut li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-Unjoni permezz tax-xogħol tagħhom u l-ħlasijiet tat-taxxa u biex iservu bħala salvagwardja biex titnaqqas il-kompetizzjoni inġusta bejn iċ-ċittadini propji ta’ Stati Membri u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tirriżulta mill-isfruttar possibbli ta’ dawn tal-aħħar. “Ħaddiem ta’ pajjiż terz” għandu jkun definit f’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-kunċett tar-relazzjoni ta’ impjieg f’dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru, li jkun legalment jirrisjedi u li jkollu permess, fil-kuntest ta’ relazzjoni bi ħlas. li jaħdem hemmhekk skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

(20)

Iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu u jaħdmu legalment fl-Istati Membri għandhom igawdu mill-inqas ġabra komuni ta’ drittijiet imsejsa fuq it-trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti rispettiv tagħhom, irrispettivament mill-għan inizjali tal-ammissjoni jew il-bażi għaliha. Id-dritt għat-trattament ugwali fl-oqsma speċifikati minn din id-Direttiva għandu jingħata mhux biss lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru biex jaħdmu iżda wkoll lil dawk kollha li ġew ammessi għal finijiet oħra u ngħataw aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru skont dispożizzjonijiet oħra ta’ liġi tal-Unjoni jew nazzjonali inklużi l-membri tal-familja ta’ ħaddiem ta’ pajjiż terz li huma ammessi fl-Istat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (9); iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (10); u r-riċerkaturi ammessi skont id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (11).

(21)

Id-dritt għat-trattament ugwali f’oqsma speċifikati għandhu jkun strettament marbut mar-residenza legali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess mogħti għas-suq tax-xogħol fi Stat Membru, li huma inklużi f’permess uniku li jinkludi l-awtorizzazzjoni għar-residenza u għax-xogħol u f’permessi ta’ residenza maħruġa għal skopijiet oħra li jkunu jinkludu informazzjoni dwar il-permess tax-xogħol.

(22)

Il-kondizzjonijiet tax-xogħol kif imsemmija f’din id-Direttiva għandhom ikopru mill-inqas il-ħlas u t-tkeċċija, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-ħin tax-xogħol u l-lif, filwaqt li jitiqes kwalunkwe ftehim kollettiv fis-seħħ.

(23)

Stat Membru għandu jagħraf il-kwalifiki professjonali akkwistati minn ċittadini ta’ pajjiżi terz fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni u għandhom iqisu l-kwalifiki akkwistati f’pajjiż terz skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (12). Id-dritt għal trattament ugwali mogħti lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifikazzjonijiet professjonali oħra skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri biex idaħħlu dawn il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol tagħhom.

(24)

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi għandhom igawdu trattament ugwali f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali. Il-fergħat tas-sigurtà soċjali huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (13). Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali rigward is-sigurtà soċjali f’din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-ħaddiema li jiġu ammessi fi Stat Membru direttament minn pajjiż terz. Madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi aktar drittijiet minn dawk diġà pprovduti fil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti drittijiet fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li huma barra mill-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ membri tal-familja li jirrisjedu f’pajjiż terz. Din id-Direttiva tagħti drittijiet biss b’rabta ma’ membri tal-familja li jingħaqdu ma’ ħaddiem tal-pajjiż terz biex jirrisjedu fi Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jew membri tal-familja li jkunu diġà residenti legalment f’dak l-Istat Membru.

(25)

L-Istati Membri għandhom mill-inqas jiżguraw trattament ugwali lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom impjieg jew li, wara perijodu minimu ta’ impjieg, ikunu rreġistrati bħala qiegħda. Kwalunkwe restrizzjoni għat-trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali skont din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (14).

(26)

Il-liġi tal-Unjoni ma tillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet li f’konformità magħhom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ tali benefiċċji u l-perijodu li jingħataw għalih, għandu jiddependi minn kull Stat Membru. Madankollu, meta jkunu qed jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

(27)

It-trattament ugwali ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi ma għandux jappplika għal miżuri fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali li huma ffinanzjati minn skemi ta’ għajnuna soċjali.

(28)

Din id-Direttiva għandha tkun applikata mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar favorevoli li jinsabu fil-liġi tal-Unjoni u fl-istrumenti internazzjonali applikabbli.

(29)

L-Istati Membri għandhom jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija f’minoranza nazzjonali, ġid, twelid, diżabbiltajiet, età jew orjentazzjoni sesswali partikolarment f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (15) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (16).

(30)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ applikazzjoni unika għall-ħruġ ta’ permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u ġabra komuni tad-drittijiet għall-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(31)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill- Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropeaf’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-TUE.

(32)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni tat-28 ta’ Settembru 2011, l-Istati Membri ntrabtu sabiex jakkumpanjaw, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(33)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-TUE u t-TFUE u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll dawk l-Istati Membri mhumiex jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għaliha.

(34)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

proċedura ta’ applikazzjoni unika għall-ħruġ ta’ permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex ikunu jistgħu jirrisjedu għal finijiet ta’ xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru, sabiex ikunu semplifikati l-proċeduri tal-ammissjoni tagħhom u jiġi ffaċilitat il-kontroll tal-istatus tagħhom; u

(b)

ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, irrispettivament mill-għanijiet li għalihom kienu ammessi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, abbażi ta’ trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri rigward l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għas-swieq tax-xogħol tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE;

(b)

“ħaddiem ta’ pajjiż terz” tfisser ċittadin minn pajjiż terz li jkun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru, u li jkun jirrisjedi legalment u jkun jista’ jaħdem fil-kuntest ta’ relazzjoni bi ħlas, f’dak l-istat Membru skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali;

(c)

“permess uniku” tfisser permess ta’ residenza maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jippermetti ċittadin ta’ pajjiż terz li jireresjedi legalment fit-territorju tiegħu għal fini ta’ xogħol;

(d)

“proċedura ta’ applikazzjoni unika” tfisser kwalunkwe proċedura li twassal, abbażi ta’ applikazzjoni unika magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz, jew minn min iħaddmu/iħaddimha, għall-awtorizzazzjoni ta’ residenza u ta’ xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru, għal deċiżjoni li tiggverna dik l-applikazzjoni għall-permess uniku.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol,

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru għal finijiet oħra apparti xogħol skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, li jkunu jistgħu jaħdmu u li jħaddnu permess ta’ residenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1030/2002; u

(c)

ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

(a)

li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu eżerċitaw, jew ikunu qed jeżerċitaw, id-dritt tagħhom tal-libertà tal-moviment fl-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (17);

(b)

li, flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, u irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim jew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jew bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(c)

li huma ssekondati sakemm jibqgħu ssekondati;

(d)

li applikaw għal ammissjoni jew li ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru biex jaħdmu bħala ħaddiema bi trasferiment intrakorporattiv;

(e)

li applikaw għall-ammissjoni jew ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiema staġonali jew au pairs;

(f)

li jkunu awtorizzati jirrisjedu fi Stat Membru abbażi ta’ protezzjoni temporanja, jew li jkunu applikaw għall-awtorizzazzjoni biex jirrisjedu hemm fuq dik il-bażi u li jkunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

(g)

li jkunu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li inkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (18), jew li jkunu applikaw għal protezzjoni internazzjonali taħt dik id-Direttiva u li l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx is-suġġett ta’ deċiżjonifinali;

(h)

li jkunu benefiċjarji ta’ protezzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-obbligi internazzjonali jew il-prattika ta’ Stat Membru jew li applikaw għal protezzjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali, obbligi internazzjonali jew il-prattika ta’ Stat Membru u li l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni finali;

(i)

li jkunu residenti għat-tul f’konformità mad-Direttiva 2003/109/KE;

(j)

li t-tneħħija tagħhom tkun ġiet sospiża fuq il-bażi ta’ fatt jew ta’ dritt;

(k)

li jkunu applikaw għal ammissjoni jew li jkunu ġew ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

(l)

li jkunu applikaw għal ammissjoni jew ġew ammessi bħala baħħara biex jiġu impjegati jew jaħdmu fi kwalunkwe kapaċità fuq bastiment reġistrat fi Stat Membru jew li jbaħħar taħt il-bandiera ta’ Stat Membru.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Kapitolu II ma japplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jew ikunu ġew awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu li ma jeċċedix is-sitt xhur jew li jkunu ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ studju.

4.   Il-Kapitolu II m’għandux japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu jaħdmu abbażi ta’ viża.

KAPITOLU II

PROĊEDURA TA’ APPLIKAZZJONI UNIKA U PERMESS UNIKU

Artikolu 4

Proċedura ta’ applikazzjoni unika

1.   Applikazzjoni biex jinħareġ, jiġi emendat jew jiġġedded permess uniku għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ proċedura ta’ applikazzjoni unika. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għal permess uniku għandhomx isiru miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn min iħaddem iċ-ċittadin ta’pajjiż terz. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jippermettu l-applikazzjoni minn kwalunkwe minn dawn it-tnejn. Jekk l-applikazzjoni jkollha tiġi ppreżentata miċ-ċittadin tal-pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-applikazzjoni tiġi introdotta minn pajjiż terz, jew jekk previst mil-liġi nazzjonali, fit-territorju tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun legalment preżenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni magħmula taħt il-paragrafu 1 u għandhom jadottaw deċiżjoni li jinħareġ, jiġi emendat jew jiġġedded il-permess uniku jekk l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati mil-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali. Id-deċiżjoni li jinħareġ, jiġi emendat jew jiġġedded il-permess uniku għandha tikkostitwixxi att amministrattiv uniku li jgħaqqad permess ta’ residenza u permess ta’ xogħol.

3.   Il-proċedura ta’ applikazzjoni unika għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-proċedura tal-viża li tista’ tkun meħtieġa għad-dħul inizjali.

4.   L-Istati Membri għandhom joħorġu permess uniku, f’każ li jiġu milħuqa l-kondizzjonijiet previsti, lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li japplikaw għal ammissjoni u lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz diġà ammessi li japplikaw biex iġeddu jew jimmodifikaw il-permess ta’ residenza tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet implimentattivi nazzjonali.

Artikolu 5

Awtorità kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-awtorità kompetenti biex tirċievi l-applikazzjoni u toħroġ il-permess uniku.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tadotta deċiżjoni dwar l-applikazzjoni sħiħa mill-aktar fis u fi kwalunkwe każ fi żmien erba’ xhur mid-data li fiha tkun saret l-applikazzjoni.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessità tal-eżami tal-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jkun estiż.

Fejn ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien previst f’dan il-paragrafu, kwalunkwe konsegwenza legali għandha tiġi determinata mil-liġi nazzjonali.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika d-deċiżjoni lill-applikant bil-miktub f’konformità mal-proċeduri ta’ notifika mniżżla fil-liġi nazzjonali rilevanti.

4.   Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti li jappoġġaw l-applikazzjoni ma jkunux kompluti skont il-kriterji speċifikati fil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-applikant bil-miktub dwar l-informazzjoni addizzjonali jew dokumenti meħtieġa, tistabbilixxi skadenza raġonevoli biex dawn jiġu provduti. Il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtorità kompetenti jew awtoritajiet oħra relevanti jkunu irċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni addizzjonali jew id-dokumenti ma tkunx ġiet ipprovduta sal-iskadenza mogħtija, l-awtorità kompetenti tista’ tiċħad l-applikazzjoni.

Artikolu 6

Permess uniku

1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu l-permess uniku billi jużaw il-format uniformi kif jinsab fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u għandhom jindikaw l-informazzjoni relatata mal-permess tax-xogħol f’konformità mal-punt (a)7.5-9 tal-Anness għalih.

L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni ta’ impjieg taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (bħall-isem u l-indirizz ta’ min iħaddem, il-post tax-xogħol, it-tip ta’ xogħol, is-sigħat ta’ xogħol, ir-rimunerazzjoni) f’format ta’ karta, jew jaħżnu tali data f’format elettroniku kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u fil-punt (a)16 tal-Anness għalih.

2.   Meta joħorġu l-permess uniku, l-Istati Membri m’għandhomx joħorġu permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol.

Artikolu 7

Permessi ta’ residenza maħruġa għal skopijiet oħra li mhumiex ta’ xogħol

1.   Meta joħorġu l-permessi ta’ residenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 l-Istati Membri għandhom jindikaw l-informazzjoni relatata mal-permess tax-xogħol irrispettivament mit-tip tal-permess.

L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-informazzjoni addizzjonali relatata mar-relazzjoni ta’ impjieg taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz (bħall-isem u l-indirizz ta’ min iħaddem, il-post tax-xogħol, it-tip ta’ xogħol, is-sigħat ta’ xogħol, ir-rimunerazzjoni) f’format ta’ karta, jew jaħżnu tali data f’format elettroniku kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u l-punt (a)16 tal-Anness I għalih.

2.   Meta joħorġu permessi ta’ residenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1030/2002, l-Istati Membri m’ għandhomx joħorġu permessi addizzjonali bħala prova ta’ awtorizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol.

Artikolu 8

Garanziji Proċedurali

1.   Għandhom jingħataw raġunjiiet fin-notifika bil-miktub ta’ deċiżjoni ta’ ċħid ta’ applikazzjoni għall-ħruġ, l-emendar jew it-tiġdid ta’ permess uniku, jew ta’deċiżjoni ta’ rtirar ta’ permess uniku fuq il-bażi ta’ kriterji previsti fil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

2.   Deċiżjoni ta’ cħid tal-applikazzjoni għall-ħruġ, l-emendar jew it-tiġdid, jew ta’ rtirar, ta’ permess uniku għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva fejn il-persuna kkonċernata tista’ tippreżenta appell u l-limitu ta’ żmien għalih.

3.   Applikazzjoni tista’ titqies bħala inammissibbli għal raġunijiet ta’ volum ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġejjin għal impjieg u, fuq dik il-bażi, ma jkunx hemm għalfejn tiġi pproċessata.

Artikolu 9

Aċċess għall-informazzjoni

Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u lil dak li ser iħaddmu fil-futur dwar id-dokumenti meħtieġa biex jikkompletaw l-applikazzjoni.

Artikolu 10

Tariffi

L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-applikanti biex iħallsu tariffi, fejn xieraq, għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet f’konformità ma’ din id-Direttiva. Il-livell ta’ tali tariffi għandu jkun proporzjonat u jista’ jkun ibbażat fuq is-servizzi li tabilħaqq ġew ipprovduti għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-permessi.

Artikolu 11

Drittijiet abbażi tal-permess uniku

F’każ li permess uniku jkun inħareġ f’konformità mal-liġi nazzjonali, dan għandu jawtorizza, matul il-perijodu ta’ validità tiegħu, lid-detentur tiegħu bħala minimuli:

(a)

jidħol u jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-permess uniku, kemm-il darba lid-detentur jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissjoni kollha f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(b)

ikollu aċċess liberu għat-territorju kollu tal-Istat Membru li joħroġ il-permess uniku, fil-limiti previsti fil-liġi nazzjonali;

(c)

jeżerċita l-attività speċifika ta’ impjieg awtorizzata skont il-permess uniku f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

ikun infurmat dwar id-drittijiet tad-detentur marbuta mal-permess, konferiti b’din id-Direttiva u/jew bil-liġi nazzjonali.

KAPITOLU III

DRITT GĦAL TRATTAMENT UGWALI

Artikolu 12

Dritt għal trattament ugwali

1.   Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’:

(a)

kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluż il-ħlas u t-tkeċċija kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

(b)

libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha jkunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn tali organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika;

(c)

edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(d)

rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra f’konformità mal-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(e)

fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(f)

il-benefiċċji tat-taxxa, dment li l-ħaddiem ikun meqjus bħala residenti għal finijiet ta’ taxxa fl-Istat Membru kkonċernat;

(g)

aċċess għal merkanzija u servizzi u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi disponibbli għall-pubbliku inklużi l-proċeduri għall-kisba ta’ akkommodazzjoni kif previst mil-liġi nazzjonali, mingħajr preġudizzju għal-libertà ta’ kuntratt f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali;

(h)

is-servizzi ta’ parir offruti minn uffiċċji tal-impjieg.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali:

(a)

taħt il-punt (c) tal-paragrafu 1 billi:

(i)

jillimitaw l-applikazzjoni għal dawk il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li jkunu ġew impjegati u li jkunu rreġistrati bħala qiegħda,

(ii)

jeskludu lil dawk il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew ammessi fit-territorju tagħhom f’konformità mad-Direttiva 2004/114/KE,

(iii)

jeskludu l-għotjiet u s-self marbutin mal-istudju u l-manteniment jew għotjiet u self oħra,

(iv)

jkunu stipulati prerekwiżiti speċifiċi inkluż l-għarfien sod fil-lingwa u l-ħlas ta’ miżati għat-tagħlim, f’konformità mal-liġi nazzjonali, rigward l-aċċess għall-università u għall-edukazzjoni postsekondarja u għat-taħriġ vokazzjonali, li mhuwiex marbut direttament mal-attività ta’ impjieg speċifiku;

(b)

billi jillimitaw id-drittijiet konferriti fuq ħaddiema ta’ pajjiżi terzi taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1, iżda ma jillimitawx tali drittijiet mogħtija lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li jkunu f’impjeg għal mhux anqas minn sitt xhur u li jkunu reġistrati bħala qiegħda.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punt (e) tal-paragrafu 1 rigward il-benefiċċji għall-familja ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li ġew ammessi għall-fini ta’ studju, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu abbażi ta’ viża.

(c)

skont il-punt (f) tal-paragrafu 1 fir-rigward tal-benefiċċji tat-taxxa billi tiġi limitata l-applikazzjoni għal każijiet fejn il-post ta’ residenza rreġistrat jew tas-soltu tal-membri tal-familja tal-ħaddiem ta’ pajjiżi terzi, li għalihom hu/hi titlob benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

(d)

skont il-punt (g) tal-paragrafu 1 billi:

(i)

tillimta l-applikazzjoni lil dawk il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’impjieg,

(ii)

tirristrinġi l-aċċess għall-akkomodazzjoni;

3.   Id-dritt għal trattament ugwali kif stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza maħruġ skont din id-Direttiva, il-permess tar-residenza maħruġ għal finijiet oħra għajr xogħol, jew kwalunkwe awtorizzazzjoni għal xogħol fi Stat Membru.

4.   Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jmorru joqogħdu f’pajjiż terz, jew is-superstiti tagħhom li jkunu jirresjedu f’pajjiż terz u li jkollhom drittijiet derivanti minn dawk il-ħaddiema, għandhom jirċievu, fir-rigward ta’ xjuħija, invalidità u mewt, il-pensjonijiet statutorji bbażati fuq l-impjieg preċedenti ta’ dawk il-ħaddiema u miksuba f’konformità mal-leġislazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, bl-istess kondizzjonijiet u b’dawk l-istess rati bħal taċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati meta jmorru joqogħdu f’pajjiż terz.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta’:

(a)

Il-liġi tal-Unjoni, inkluż ftehim bilaterali u multilaterali bejn l-Unjoni, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u pajjiż terz wieħed jew aktar, min-naħa l-oħra; u

(b)

il-ftehim bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li tapplika għalihom.

Artikolu 14

Informazzjoni għall-pubbliku ġenerali

Kull Stat Membru għandu jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali ġabra ta’ informazzjoni aġġornata b’mod regolari li jikkonċernawil-kondizzjonijiet tal-ammissjoni u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tiegħu biex jaħdmu fih.

Artikolu 15

Rappurtar

1.   Perjodikament, u għall-ewwel darba sal-25 ta’ Diċembru 2016, il-Kummisjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri u għandha tipproponi emendi li tqis meħtieġa.

2.   Kull sena, u għall-ewwel darba sal-25 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-istatistika dwar il-volumi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li ngħataw il-permess uniku matul is-sena kalendarja preċedenti, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (19).

Artikolu 16

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tiġi mħarsa din id-Direttiva sal-25 ta’ Diċembru 2013. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. SZPUNAR


(1)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 20.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-24 ta’ Novembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(5)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(6)  ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

(7)  ĠU L 105 13.4.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(9)  ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

(10)  ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.

(11)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.

(12)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22

(13)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(14)  ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1.

(15)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(16)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(17)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(18)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(19)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.


Top