Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0637

    2011/637/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 26 ta’ Settembru 2011 li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

    ĠU L 252, 28.9.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/637/oj

    28.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 252/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-26 ta’ Settembru 2011

    li temenda u testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/641/KE dwar il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp

    (2011/637/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u kif fl-aħħar emendat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (2) (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u b’mod partikulari l-Artikolu 96 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE (3), u b’mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (“l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp”) (4), u b’mod partikulari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE (5) ġiet adottata biex tieħu miżuri xierqa wara l-ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u dwar il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp.

    (2)

    Dawk il-miżuri ġew estiżi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/735/KE (6) u sussegwentement bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/208/UE (7), 2010/589/UE (8) u 2011/219/UE (9) peress li, mhux talli ir-Repubblika ta’ Fiġi għadha trid timplimenta impenji importanti li hi għamlet f’konsultazzjonijiet li saru f’April 2007 dwar elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp, iżda kien hemm ukoll żviluppi ta’ rigressjoni importanti li jikkonċernaw numru minn dawn l-impenji,

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2007/641/KE tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2011. Huwa xieraq li tiġi estiża l-validità tagħha, u li jiġi aġġornat il-kontenut tal-miżuri adattati skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “Hija se tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2012. Hija għandha tiġi riveduta regolarment tal-anqas darba kull sitt xhur.”.

    (2)

    L-Anness huwa sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-ittra fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandha tiġi indirizzata lir-Repubblika ta’ Fiġi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KOROLEC


    (1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

    (2)  ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.

    (3)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

    (4)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

    (5)  ĠU L 260, 5.10.2007, p. 15.

    (6)  ĠU L 262, 6.10.2009, p. 43.

    (7)  ĠU L 89, 9.4.2010, p. 7.

    (8)  ĠU L 260, 2.10.2010, p. 10.

    (9)  ĠU L 93, 7.4.2011, p. 2.


    ANNESS

    L-Eċċellenza Tiegħu Ratu Epeli NAILATIKAU

    President tar-Repubblika ta’ Fiġi

    Suva

    Ir-Repubblika ta’ Fiġi

    Eċċellenza,

    L-Unjoni Ewropea (UE) tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-Artikolu 3 tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-UE hija bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li jagħtu forma lill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP/UE, u lill-bażi tar-relazzjonijiet tagħna.

    Fil-11 ta’ Diċembru 2006 l-Kunsill tal-UE kkundannat il-kolp ta’ stat militari li seħħ fir-Repubblika ta’ Fiġi (Fiġi).

    Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 jikkostitwixxi ksur tal-elementi essenzjali elenkati fl-Artikolu 9 tiegħu, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonjiet, kif previst fil-Ftehim Sħubija AKP-UE, sabiex is-sitwazzjoni tiġi eżaminata bir-reqqa u, fejn neċessarju, jittieħdu passi biex tiġi rimedjata.

    Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdew fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE laqgħet b'sodisfazzjon il-fatt li f'dak iż-żmien il-Gvern Interim ikkonferma għadd ta’ impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, rispett għal prinċipji demokratiċi u għall-istat tad-dritt, kif imsemmi hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom.

    Sfortunatament, minn dak iż-żmien 'il hawn kien hemm sensiela ta’ żviluppi rigressivi, b'mod partikolari f'April 2009, u dan ifisser li issa Fiġi tinsab fi stat ta’ ksur ta’ diversi impenji li daħlet għalihom. Dan jirrigwarda partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna fiż-żamma ta’ elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ddewmet b'mod sostanzjali, il-maġġoranza ta’ dawk l-impenji għadhom rilevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti tal-Fiġi, u huma għalhekk mehmuża ma’ din l-ittra. Peress li l-Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta’ impenji ewlenin, dan wassal għal telf għall-Fiġi f'termini ta’ fondi għall-iżvilupp.

    Madanakollu, fl-ispirtu ta’ sħubija li tifforma l-bażi tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-UE tesprimi d-disponibbiltà tagħha li tieħu sehem f'konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġjonevoli għal konklużjoni pożittiva għal tali konsultazzjonijiet. Fl-1 ta’ Lulju 2009 il-Prim Ministru Interim ippreżenta pjan ta’ direzzjoni biex issir riforma u biex terġa' tiġi stabbilita l-ordni demokratiku. L-UE hija lesta li tieħu sehem fi djalogu dwar dan il-pjan ta’ direzzjoni, u li tikkunsidra jekk dan jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti għall-Fiġi sabiex toħloq spazju ta’ opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li xi wħud mill-miżuri xierqa mhumiex aġġornati, ġie konkluż li minflok ma dawn għandhom jiġu aġġornati unilateralment, l-UE tippreferi tesplora aktar il-possibilitajiet għal konsultazzjonijiet ġodda mal-Fiġi. Konsegwentement, huwa importanti b'mod partikulari li l-Gvern Interim jikkommetti ruħu għal djalogu politiku domestiku inklużiv u għal flessibilità fir-rigward ta’ perjodu ta'żmien li fih titwettaq il-pjan ta’ direzzjoni. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija u se tibqa' dejjem iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif ukoll mill-prinċipji fundamentali tiegħu, b'mod notevoli fir-rigward tar-rwol ċentrali ta’ djalogu u t-twettiq ta’ obbligi reċiproki, huwa enfasizzat li l-UE ma waslet għal ebda konklużjoni ppremeditata fir-rigward tar-riżultati ta’ konsultazzjonijiet futuri.

    Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f'impenji sostanzjali mill-Fiġi, l-UE hija impenjata favur rivalutazzjoni bikrija u pożittiva ta’ dawn il-miżuri xierqa. Min-naħa l-oħra, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, il-Fiġi se tkompli titlef aktar fondi għall-iżvilupp. B'mod partikulari, il-valutazzjoni tal-progress li sar għar-ritorn għal tmexxija kostituzzjonali se tiggwida lill-UE fid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dalwaqt dwar miżuri akkumpanjanti fir-rigward tal-pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor u l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fiġi taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).

    Sakemm ikunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu politiku msaħħaħ.

    Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

    l-għajnuna umanitarja u s-sostenn dirett għas-soċjetà ċivili u l-populazzjonijiet vulnerabbli jistgħu jitkomplew,

    l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni li għaddejjin, b'mod partikulari taħt it-8 u d-9 FEŻ, jistgħu jibqgħu għaddejjin,

    attivitajiet ta’ kooperazzjoni li jistgħu jgħinu biex tirritorna d-demokrazija u biex tittejjeb it-tmexxija jistgħu jitkomplew, għajr taħt ċirkustastanzi verament eċċezzjonali,

    l-implimentazzjoni tal-miżuri mehmuża għall-2006, fir-rigward tar-riforma taz-zokkor, tista' tipproċedi. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hu nnotat li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi klawżola ta’ sospensjoni,

    it-tħejjija u l-potenzjal li jiġi iffirmat il-programm indikattiv multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti għar-riforma taz-zokkor għall-2011-2013 jistgħu jipproċedu,

    It-tlestija, l-iffirmar fuq livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument ta’ Strateġija għall-Pajjiż u l-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-10 FEŻ b'pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta’ porzjon ta’ inċentivi li jasal sa 25 % ta’ din is-somma, se jkunu soġġetti għall-ħarsien tal-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, b'mod partikulari: li l-Gvern Interim jiddefendi l-Kostituzzjoni, li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li r-Regolamenti Pubbliċi dwar l-Emerġenzi, li ġew introdotti mill-ġdid fis-6 ta’ Settembru 2007, jitneħħew mill-iżjed fis possibbli, li l-allegazzjonijiet kollha marbutin ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu investigati jew trattati b'konformità mad-diversi proċeduri u fora skont il-liġijiet tal-Fiġi, u li l-Gvern Interim se jagħmel mill-aħjar biex ma jħallix aġenziji tas-sigurtà joħorġu dikjarazzjonijiet maħsuba biex jintimidaw,

    l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 hija żero,

    id-disponibilità tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 kienet soġġetta għal prova ta’ tħejjija kredibbli u opportuna ta’ elezzjonijiet skont l-impenji miftiehma, b'mod partikulari dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, u miżuri li ttieħdu biex jiżguraw il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, li jinkludi l-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni. Din l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 ntilfet fil-31 ta’ Diċembru 2009,

    l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ġiet imħassra f'Mejju 2009 minħabba li l-Gvern Interim iddeċieda li jittardja l-elezzjonijiet ġenerali sa Settembru 2014,

    l-allokazzjoni għall-2010 ġiet imħassra qabel l-1 ta’ Mejju 2010 peress li ma sar l-ebda progress fit-tkomplija tal-proċess demokratiku; madankollu, minħabba s-sitwazzjoni kritika tas-settur taz-zokkor, parti mill-allokazzjoni twarrbet għal għajnuna diretta lill-popolazzjoni dipendenti direttament fuq il-produzzjoni taz-zokkor sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi soċjali ħżiena. Dawn il-fondi huma ġestiti b'mod ċentrali mid-Delegazzjoni tal-UE f'Suva u ma jiġux mgħoddija mill-Gvern,

    id-disponibilità tal-allokazzjoni indikattiva taħt il-programm multiannwali għall-miżuri akkumpanjanti fir-rigward ta’ eks pajjiżi tal-Protokoll taz-Zokkor 2011-2013 se tkun tiddependi fuq ftehim fil-proċess ta’ konsultazzjoni; fin-nuqqas ta’ tali ftehim ikunu biss intervenzjonijiet ta’ mitigazzjoni soċjali li jiġu meqjusa għall-iffinanzjar permezz ta’ din l-allokazzjoni,

    appoġġ speċifiku għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ impenji ewlenin, b'mod partikulari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta’ elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu,

    il-kooperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni tal-Fiġi fiha, m'humiex se jiġu affettwati,

    Is-sorveljanza tal-impenji ser issir b'konformità mat-termini fl-Anness għal din l-ittra li tikkonċerna d-djalogu regolari, u l-kooperazzjoni effettiva ma’ valutazzjonijiet u missjonijiet ta’ sorveljanza u rappurtaġġ.

    Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkoopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta’ Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f'Vanuatu fis-16 ta’ Marzu 2007.

    L-UE se tkompli ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Fiġi. Skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, djalogu politiku msaħħaħ se jitwettaq mal-Fiġi biex jiġi assigurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-restawr mill-ġdid tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu serviet l-għan taghħa.

    Jekk ikun hemm tnaqqis tal-pass, falliment jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji mittieħda mill-Gvern Interim, l-UE tirriżerva d-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.

    L-UE tenfasizza li l-privileġġi tal-Fiġi fil-kooperazzjoni tagħha mal-UE jiddipendu fuq ir-rispett lejn l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u l-prinċipji stabbiliti fl-Istrument ta’ Kooperazzjoni fl-Iżvilupp. Sabiex tikkonvinċi lill-UE li l-Gvern Interim huwa lest b'mod sħiħ li jsegwi l-impenji meħuda, huwa importanti li progress bikri u sostanzjali jseħħ fit-twettiq tal-impenji miftiehma.

    Dejjem tiegħek,

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Għall-Kummissjoni Ewropea

    ANNESS GĦALL-ANNESS

    IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TA' FIĠI

    A.   Rispett lejn il-Prinċipji Demokratiċi

    Impenn Nru 1

    Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta’ Marzu 2007, suġġetti għal sejbiet ta’ evalwazzjoni li għandhom isiru mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku. Il-proċessi li jwasslu għat-twettiq tal-elezzjonijiet għandhom ikunu sorveljati, adattati u riveduti b'mod konġunt, kif inhu meħtieġ fuq il-bażi ta’ punti ta’ referenza maqbula b'mod konġunt. Dan ifisser b'mod partikulari li:

    sat-30 ta’ Ġunju 2007 l-Gvern Interim se jadotta skeda li tistabbilixxi dati għat-tlestija ta’ diversi passi li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tħejjija tal-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

    l-iskeda tispeċifika ż-żmien ta’ ċensiment, l-abbozz mill-ġdid tal-konfini u r-riforma elettorali,

    Id-deċiżjoni dwar il-konfini u r-riforma elettorali se tittieħed b'konformità mal-Kostituzzjoni,

    se jittieħdu miżuri sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali, inkluż il-ħatra ta’ Kontrollur tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 b'konformità mal-Kostituzzjoni,

    il-ħatra tal-Viċi President ser issir b'konformità mal-Kostituzzjoni.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim, meta jadotta inizjattivi u bidliet serji ta’ politika leġiżlattiva, fiskali u oħrajn, għandu jikkunsidra konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

    B.   L-Istat tad-Dritt

    Impenn Nru 1

    Li l-Gvern Interim għandu jagħmel mill-aħjar sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta’ sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

    Impenn Nru 2

    Li l-Gvern Interim iħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-ħidma tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu ippreservati.

    Impenn Nu 3

    Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikulari:

    li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jaħtar it-tribunal skont is-Sezzjoni 138(3) tal-Kostituzzjoni sal-15 ta’ Lulju 2007,

    li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ imħallef għandha għalhekk issir b'konformità stretta mal-proviżjonijiet kostituzzjonali u r-regoli tal-proċedura,

    li ma jkun hemm l-ebda każ ta’ interferenza, fi kwalunkwe forma, mill-forzi miltari u l-pulizija jew mill-Gvern Interim fil-proċess ġudizzjarju, inkluż rispett sħiħ għall-professjoni legali.

    Impenn Nru 4

    Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu trattati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korp ieħor li jista' jitwaqqaf sabiex jinvestiga każijiet allegati ta’ korruzzjoni jopera fil-limiti kostituzzjonali.

    C.   Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali

    Impenn Nru 1

    Il-Gvern Interim jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni jew l-indirizzar tal-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Fiġi.

    Impenn Nru 2

    Il-Gvern Interim biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f'Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.

    Impenn Nru 3

    Il-Gvern Interim hu impenjat li jiżgura li l-Kummissjoni ta’ Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b'indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

    Impenn Nru 4

    Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir, fil-forom kollha tagħha, ikunu rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

    D.   Is-segwitu tal-Impenji

    Impenn Nru 1

    Li l-Gvern Interim jimpenja ruħu li jżomm djalogu regolari biex tkun tista' ssir verifika tal-progress li sar u jagħti lill-awtoritajiet/rappreżentanti tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem, ir-restorazzjoni paċifika tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Fiġi.

    Impenn Nu 2

    Li l-Gvern Interim jikkoopera bis-sħiħ ma’ kwalunkwe missjoni mill-UE biex jiġi evalwat u sorveljat il-progress.

    Impenn Nu 3

    Li mit-30 ta’ Ġunju 2007, il-Gvern Interim jibda jibgħat kull tliet xhur rapporti dwar il-progress li sar fir-rigward tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u dwar l-impenji.

    Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b'mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet tal-preżent u li jiffoka fuq il-futur.


    Top