Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0417

    2011/417/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 li tabroga d-Deċiżjoni 2010/408/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Finlandja

    ĠU L 187, 16.7.2011, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/417/oj

    16.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 187/27


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta’ Lulju 2011

    li tabroga d-Deċiżjoni 2010/408/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Finlandja

    (2011/417/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2010/408/UE (1), fuq proposta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li fil-Finlandja kien jeżisti defiċit eċċessiv. Fid-Deċiżjoni 2010/408/UE il-Kunsill innota li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat għall-2010 kien ta’ 4,1 % tal-PDG, li kien ogħla mit-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ippjanat li jilħaq id-49,9 % tal-PDG, taħt is-60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (2), il-Kunsill, abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni indirizzata lill-Finlandja bil-għan li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2011. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

    (3)

    Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat ikun, fil-fehma tal-Kunsill, ġie kkoreġut.

    (4)

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar defiċits u d-dejn tal-gvern u dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta’ Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (3).

    (5)

    Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mill-Finlandja qabel l-1 ta’ April 2011 u fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2011 mis-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

    Filwaqt li n-notifika tal-PŻE ta’ April 2010 ppjanat għal defiċit ta’ 4,1 % tal-PDG fl-2010, l-eżitu reali kien konsiderevolment aħjar b’defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG.

    L-eżitu tad-defiċit li kien aħjar milli ppjanat huwa primarjament minħabba tkabbir ekonomiku akbar milli mistenni u sitwazzjoni aħjar fis-suq tax-xogħol li ta spinta lid-dħulijiet mit-taxxa (partikolarment mill-VAT u t-taxxa fuq l-introjtu), filwaqt li t-tkabbir tan-nefqa baqa’ kumplessivament imrażżan.

    It-tbassir tar-rebbiegħa 2011 mis-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta li d-defiċit jinżel aktar għal 1 % tal-PDG fl-2011. Bl-istess mod, l-aġġornament tal-2011 tal-programm ta’ stabilità jipprojetta defiċit ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2011. It-titjib tal-bilanċ fiskali mis-sena preċedenti huwa xprunat minn fatturi ċikliċi, li jirriflettu l-kontinwazzjoni mistennija tal-attività ekonomika relattivament robusta, u xi żidiet ta’ taxxa diskrezzjonarji (l-aktar taxxi fuq l-enerġija u l-prodotti) b’valur ta’ madwar 0,5 % tal-PDG. Huwa previst kemm mis-servizzi tal-Kummissjoni kif ukoll fl-aġġornament tal-2011 tal-programm ta’ stabilità li d-defiċit jitjieb aktar marġinalment għal 0,7 % tal-PDG fl-2012.

    Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2011 mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-bilanċi strutturali (rikalkolati mis-servizzi tal-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fl-aġġornament tal-aħħar programm ta’ stabilità, bl-użu tal-metodoloġija maqbula bejn kulħadd) fl-2011, il-bilanċ strutturali huwa stmat li jilħaq livell aktar favorevoli mill-objettiv ta’ terminu medju, li huwa stipulat mill-awtoritajiet Finlandiżi bħala surplus strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Madankollu, il-bilanċ strutturali huwa stmat li jiddgħajjef kemm xejn u jispiċċa fin-negattiv fit-terminu l-medju. It-tnaqqis li jidher fl-estimi tal-bilanċ strutturali jirriżulta minn defiċit nominali ġeneralment stabbli fi sfond ta’ projettazzjonijiet favorevoli għat-tkabbir ekonomiku li jxejjen id-diskrepanza fl-output li bħalissa hija kbira. Konsegwentement, u sakemm ma jittiħdux aktar miżuri, fl-2015 il-bilanċ baġitarju, wara li jitnaqqsu l-fatturi ċikliċi u l-miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji, bħalissa qed jiġi stmat li jiċċaqlaq kemm xejn taħt il-parametru referenzjarju minimu ta’ - 1,2 % tal-PDG, li fi flutwazzjonijiet ċikliċi normali jiżgura marġini ta’ sikurezza kontra l-ksur tat-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG. Il-projettazzjonijiet tal-programm ta’ stabilità, li jestendu sal-2015, ibassru li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jistabilizza għal madwar 1 % tal-PDG fl-2013-2015.

    It-tbassir tar-rebbiegħa 2011 mis-servizzi tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon ta’ dejn jiżdied minn 48,4 % tal-PDG irreġistrat fl-2010 għal 52,2 % tal-PDG fl-2012. L-aġġornament tal-programm ta’ stabilità jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn jitla’ għal 51,3 % tal-PDG sal-2012.

    (6)

    Minn dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li d-defiċit eċċessiv fil-Finlandja ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/408/UE għaldaqstant għandha tiġi abrogata.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni kumplessiva jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fil-Finlandja ġiet ikkoreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2010/408/UE hija b’dan abrogata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. VINCENT-ROSTOWSKI


    (1)  ĠU L 189, 22.7.2010, p. 17.

    (2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

    (3)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.


    Top