EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0385

2011/385/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-Ekwador skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4440) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 170, 30.6.2011, p. 38–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/385/oj

30.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 170/38


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ġunju 2011

dwar ir-rikonoxximent tal-Ekwador skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4440)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/385/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu l-Artikolu 19(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba magħmula minn Spanja fl-14 ta’ Frar 2006,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw iċ-ċertifikati xierqa tal-baħħara li jkunu ġew minn pajjiżi terzi, sakemm dak il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonnoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) il-Konvenzjoni dwar l-Istandards għat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u l-Għassa tal-baħħara, 1978 (il-Konvenzjoni STCW) (2) kif ġiet riveduta fl-1995.

(2)

Permezz ta' ittra tal-14 ta' Frar 2006, Spanja ressqet talba għar-rikonoxximent tal-Ekwador. Wara t-talba ta' Spanja, il-Kummissjoni vvalutat, it-taħriġ u s-sistemi ta' ċertifikazzjoni fl-Ekwador sabiex tivverifika jekk dan il-pajjiż jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux miżuri xierqa biex ikunu evitati l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Dik il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni li għamlu l-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima f'Lulju 2007. Matul dik l-ispezzjoni, ġew identifikati ċerti nuqqassijiet fit-taħriġ u s-sistemi ta' ċertifikazzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(4)

Permezz ta' ittra tat-18 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni talbet lill-Ekwador biex jipprovdi provi li juru li n-nuqqassijiet li kienu identifikati ġew ikkoreġuti.

(5)

Permezz tal-ittri tat-8 ta' Mejju 2009, u tal-20 ta’ Mejju 2009, l-Ekwador pprovda l-informazzjoni mitluba u l-provi dwar l-implimentazzjoni tal-azzjoni korrettiva xierqa u suffiċjenti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet kollha identifikati matul il-valutazzjoni ta' konformità;

(6)

Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-konformità u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni pprovdut mill-Ekwador juru li l-Ekwador jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW, u ħa l-miżuri xierqa biex ikunu evitati l-frodi fil-ħruġ taċ-ċertifikati. Għaldaqstant, għandu jiġi rikonoxxut mill-Kummissjoni.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE L-Ekwador hu rikonoxxut fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.

(2)  Adottata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.


Top