Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0374

    2011/374/Euratom: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2011 dwar estensjoni tal-vantaġġi kkonferiti lill-intrapriża konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG)

    ĠU L 168, 28.6.2011, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/374/oj

    28.6.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/8


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-17 ta’ Ġunju 2011

    dwar estensjoni tal-vantaġġi kkonferiti lill-intrapriża konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG)

    (2011/374/Euratom)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 74/295/Euratom (1), il-Kunsill stabbilixxa lil Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG) bħala intrapriża konġunta, fit-tifsira tat-Trattat, għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni 2002/355/Euratom (2), il-Kunsill estenda l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta mogħti lil HKG għal 11-il sena b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999.

    (3)

    Bid-Deċiżjoni 74/296/Euratom (3) u bid-Deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 1992 (4) il-Kunsill ikkonferixxa lil HKG numru ta’ vantaġġi elenkati fl-Anness III għat-Trattat għal perjodu ta’ 25 sena mill-1 ta’ Jannar 1974.

    (4)

    Bid-Deċiżjoni 2002/356/Euratom (5), il-Kunsill estenda l-vantaġġi kkonferiti lil HKG għal 11-il sena b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999.

    (5)

    B’ittra tas-26 ta’ April 2010, HKG talbet għal estensjoni oħra tal-vantaġġi fiskali tagħha għall-perjodu l-ġdid li għalih ingħatat l-istatus ta’ Intrapriża Konġunta.

    (6)

    L-għanijiet attwali ta’ HKG huma li timplimenta programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u, sussegwentement, li twettaq programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa.

    (7)

    Ma hemm l-ebda proġett ekwivalent għal dawn il-programmi fil-Komunità peress li, sa issa, l-ebda reattur b’temperatura għolja ma ngħalaq b’mod definittiv fil-Komunità.

    (8)

    Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi hija importanti peress li jipprovdu esperjenza utli għall-iżvilupp futur tal-enerġija nukleari fil-Komunità, b’mod partikolari fir-rigward tad-dekummissjonar tal-installazzjonijiet nukleari.

    (9)

    Għaldaqstant, HKG għandha tiġi mgħejjuna bl-implimentazzjoni tal-programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u tal-programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa, bit-tħaffif tal-piż finanzjarju.

    (10)

    Intlaħaq ftehim dwar arranġamenti għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ HKG bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Land tan-North Rhine-Westphalia, HKG u l-membri tagħha għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

    (11)

    Għaldaqstant, il-vantaġġi kkonferiti lil HKG għandhom jiġu estiżi għall-istess perjodu tal-estensjoni tal-istatus ta’ Intrapriża Konġunta tagħha, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2017,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri b’dan jestendu għal tmien snin, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, il-vantaġġi li ġejjin elenkati fl-Anness III għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ikkonferiti lill-Intrapriża Konġunta Hochtemperatur-Kernkraftwerk GmbH (HKG):

    1.

    Skont il-paragrafu 4 tal-Anness tal-Anness III għat-Trattat, l-eżenzjoni mill-Grunderwerbsteuer (taxxa fuq l-akkwist ta’ proprjetà immobbli);

    2.

    Skont il-paragrafu 5 tal-Anness tal-Anness III għat-Trattat:

    l-eżenzjoni mill-Grundsteuer (taxxa fuq l-art);

    l-eżenzjoni minn dik il-parti tat-taxxa fuq il-profitti industrijali jew kummerċjali li tiġi imposta, skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tal-Gewerbesteuergesetz (il-liġi dwar it-taxxa fuq il-kummerċ), fuq l-imgħax dovut fuq dejn għal perjodu twil ta’ żmien.

    Artikolu 2

    Il-konferiment tal-vantaġġi elenkati fl-Artikolu 1 lil HKG huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni Ewropea għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni industrijali, teknika u ekonomika kollha, inkluża dik relatata mas-sikurezza, miksuba minn HKG matul l-implimentazzjoni tal-programm għad-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari sal-istadju taż-żona magħluqa sikura u tal-programm għas-sorveljanza tal-installazzjonijiet nukleari mdawrin biż-żona magħluqa. Dan l-obbligu jkopri wkoll l-informazzjoni kollha li HKG hija intitolata titrażmetti skont il-kuntratti konklużi magħha. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina liema informazzjoni trid tiġi kkomunikata lilha, kif ukoll il-mod li bih għandha ssir komunikazzjoni ta’ din ix-xorta, u għandha tiżgura ruħha li l-informazzjoni titqassam.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lil HKG.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ġunju 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    CZOMBA S.


    (1)  ĠU L 165, 20.6.1974, p. 7.

    (2)  ĠU L 123, 9.5.2002 p. 53.

    (3)  ĠU L 165, 20.6.1974, p. 14.

    (4)  Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Ufficiali.

    (5)  ĠU L 123, 9.5.2002 p. 54.


    Top