Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0180

    2011/180/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Marzu 2011 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ pakketti żgħar ta’ taħlitiet ta’ żrieragħ standard ta’ varjetajiet differenti ta’ ħxejjex li jappartjenu għall-istess speċi (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1760) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 78, 24.3.2011, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/180/oj

    24.3.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 78/55


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-23 ta’ Marzu 2011

    li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ pakketti żgħar ta’ taħlitiet ta’ żrieragħ standard ta’ varjetajiet differenti ta’ ħxejjex li jappartjenu għall-istess speċi

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 1760)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/180/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-marketing [it-tqegħid fis-suq] ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Xi Stati Membri għarrfu lill-Kummissjoni li hemm domanda fis-suq għal pakketti żgħar ta’ taħlitiet ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex tal-istess speċi. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dettaljati fir-rigward ta' dawn il-pakketti żgħar.

    (2)

    Meta titqies id-domanda fl-Istati Membri kkonċernati, din id-Deċiżjoni għandha tkopri l-ispeċi kollha li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2002/55/KE. Id-daqs massimu għal dawn il-pakketti żgħar għandu jiġi espress bħala piż nett massimu taż-żrieragħ li jkun fih, u kif stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2002/55/KE.

    (3)

    Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għat-tikkettar ta’ dawn il-pakketti żgħar sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà u l-informazzjoni xierqa għall-utenti.

    (4)

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2012 dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività ta’ din id-Deċiżjoni u sabiex tidentifika kwistjonijiet possibbli li jista’ jkollhom bżonn jiġu indirizzati aktar.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żrieragħ u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-proċeduri tagħhom stess għat-tqegħid fis-suq ta' pakketti żgħar ta' taħlitiet ta' żrieragħ standard tal-ispeċi elenkati fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2002/55/KE. Dawn il-pakketti żgħar jista’ jkun fihom varjetajiet differenti tal-istess speċi biss.

    Artikolu 2

    Il-pakketti żgħar imsemmija fl-Artikolu 1 jista’ jkun fihom żrieragħ sa piż nett kif stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2002/55/KE.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti żgħar, kif imsemmija fl-Artikolu 1, ikollhom tikketta tal-fornitur jew avviż stampat jew ittimbrat.

    Din it-tikketta jew dan l-avviż għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-kliem “regoli u standards tal-UE”;

    (b)

    l-isem u l-indirizz jew il-marka ta’ identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għat-twaħħil tat-tikketta;

    (c)

    is-sena tas-siġill espressa bħala: “siġillat … [is-sena]”, jew is-sena tal-aħħar teħid ta' kampjuni għall-iskopijiet tal-aħħar ittestjar tal-ġerminazzjoni espressa bħala: “teħid ta’ kampjuni … [is-sena]”; tista’ tiżdied l-indikazzjoni “uża qabel … [id-data]”;

    (d)

    il-kliem “taħlita ta’ varjetajiet ta’ … [l-isem tal-ispeċi]”;

    (e)

    id-denominazzjoni tal-varjetajiet;

    (f)

    il-proporzjon tal-varjetajiet, espress bħala piż nett jew bħala għadd ta’żrieragħ;

    (g)

    in-numru ta’ referenza tal-lott mogħti mill-persuna responsabbli għat-twaħħal tat-tikketti;

    (h)

    il-piż nett jew gross jew l-għadd taż-żrieragħ;

    (i)

    meta l-piż ikun indikat u jintużaw pestiċidi granulati, sustanzi fl-għamla ta’ pretkuni jew addittivi solidi oħra, in-natura tat-trattament kimiku jew l-addittiv u l-proporzjon approssimattiv bejn il-piż tal-ħbub jew taż-żrieragħ puri u l-piż totali.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2011.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.


    Top