EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0167

2011/167/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja

ĠU L 76, 22.3.2011, p. 53–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/167/oj

22.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/53


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Marzu 2011

li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja

(2011/167/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 329(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talbiet magħmula mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern, għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku. Il-ħolqien tal-kondizzjonijiet legali li jippermettu li l-impriżi jadattaw l-attivitajiet tagħhom fil-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ prodotti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jipprovdu lill-kumpaniji b’aktar għażla u opportunitajiet jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq dan l-objettiv. Privattiva unitarja li tipprovdi effetti uniformi fl-Unjoni kollha għandha tkun fost l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tal-impriżi.

(2)

Skont l-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, il-miżuri għandhom jinkludu l-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi uniformi fl-Unjoni kollha u l-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni.

(3)

Fil-5 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipprovdi protezzjoni uniformi fl-Unjoni kollha. Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea (minn hawn il’ quddiem “ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni”) li jipprovdi għall-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Fil-laqgħa tal-Kunsilll tal-10 ta’ Novembru 2010, ġie rreġistrat li ma kienx hemm unanimità biex ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni jimxi ‘l quddiem. Ġie kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, u b’hekk għamlu l-unanimità impossibbli dak il-ħin u fil-futur prevedibbli. Peress li l-ftehim dwar ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni huwa meħtieġ għal ftehim finali dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni, huwa stabbilit li l-objettiv tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għall-Unjoni ma setax jintlaħaq fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

(5)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, tnax-il Stat Membru, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit, indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tas-7, it-8 u t-13 ta’ Diċembru 2010 li jindikaw li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi unitarja fuq il-bażi tal-proposti eżistenti appoġġjati minn dawn l-Istati Membri matul in-negozjati u li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. It-talbiet ġew ikkonfermati fil-laqgħa tal-Kunsill fl-10 ta’ Diċembru 2010. Sadattant, tlettax-il Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja kitbu lill-Kummissjoni u indikaw li huma wkoll jixtiequ jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa maħsuba. B’kollox, ħamsa u għoxrin Stat Membru talbu l-kooperazzjoni msaħħa.

(6)

Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Istati Membri parteċipanti u tiżgura l-possibbiltà għall-impriżi fl-Unjoni kollha biex itejbu l-kompetittività tagħhom billi jkollhom l-għażla li jfittxu l-protezzjoni tal-privattivi uniformi fl-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll jikkontribwixxu għall-avanz xjentifiku u teknoloġiku.

(7)

Il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira li toħloq privattiva unitarja, li tipprovdi protezzjoni uniformi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti, li tingħata fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri kollha mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO). Bħala parti neċessarja tal-privattiva unitarja, l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għandhom ikunu sempliċi u kosteffikaċi u jikkorrispondu għal dawk previsti fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, flimkien mal-elementi ta’ kompromess proposti mill-Presidenza f’Novembru 2010 li kellhom appoġġ wiesgħa fil-Kunsill. L-arranġamenti għat-traduzzjoni jżommu l-possibbiltà tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni fl-EPO u jiżguraw kumpens tal-kosti relatati mat-traduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ippreżentati f’lingwi oħra differenti minn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. Il-privattiva li għandha effett unitarju għandha tingħata biss f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO kif previst fil-Konvenzjoni fuq l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej (il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi). Ebda traduzzjoni oħra ma tkun meħtieġa bla ħsara għal arranġamenti transitorji li jkunu proporzjonali u jeħtieġu traduzzjonijiet addizzjonali fuq bażi temporanja, mingħajr effett legali u purament għal finijiet ta’ informazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-arranġamenti transitorji għandhom jintemmu meta jkunu disponibbli traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja, soġġetti għal evalwazzjoni objettiva tal-kwalità tagħhom. Fil-każ ta’ tilwima, għandhom japplikaw obbligi ta’ traduzzjoni obbligatorji għall-proprjetarju tal-privattiva.

(8)

Il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tat-TUE u fl-Artikoli 326 u 329 tat-TFUE huma milħuqa.

(9)

Il-qasam li fih ser isseħħ il-kooperazzjoni msaħħa, jiġifieri l-istabbiliment ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipprovdi protezzjoni fl-Unjoni kollha u t-twaqqif ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni, huwa identifikat mill-Artikolu 118 tat-TFUE bħala wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati.

(10)

Ġie rreġistrat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2010 u kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li l-objettiv biex tiġi stabbilita protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni ma jistax jintlaħaq f’perijodu raġonevoli mill-Unjoni bħala entità sħiħa, u b’hekk jiġi ssodisfat ir-rekwiżit fl-Artikolu 20(2) tat-TUE li l-kooperazzjoni msaħħa tiġi adottata biss bħala l-aħħar għażla.

(11)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja timmira li tippromwovi avanz xjentifiku u teknoloġiku u l-funzjonament tas-suq intern. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri jtejjeb il-livell tal-protezzjoni tal-privattivi billi jipprovdi l-possibbiltà li tinkiseb protezzjoni uniformi tal-privattivi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti u jelimina l-kosti u l-kumplessità għal dawk it-territorji. Għaldaqstant, dan jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni, jipproteġi l-interessi tagħha u jirrinforza l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 20(1) tat-TUE.

(12)

Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja mhux inkluż fil-lista ta’ oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 3(1) tat-TFUE. Il-bażi legali għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali huwa l-Artikolu 118 tat-TFUE li jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 (Approssimazzjoni tal-Liġijiet) tat-Titolu VII (Regoli Komuni għall-Kompetizzjoni, it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet), u jagħmel referenza speċifika għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, li hija waħda mill-kompetenzi kondiviżi tal-Unjoni skont l-Artikolu 4 tat-TFUE. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, inklużi arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli, għalhekk taqa’ fi ħdan il-qafas ta’ kompetenza mhux esklużiva tal-Unjoni.

(13)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tikkonforma mat-Trattati u mal-liġi tal-Unjoni, u ma tfixkilx is-suq intern jew il-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali. Hija ma toħloqx barriera, jew diskriminazzjoni, fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma twassalx għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom.

(14)

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Il-possibbiltà tal-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti ma taffettwax id-disponibbiltà jew il-kondizzjonijiet tal-protezzjoni tal-privattiva fit-territorji tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Barra minn hekk, l-impriżi minn Stati Membri mhux parteċipanti għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-impriżi minn Stati Membri parteċipanti. Ir-regoli eżistenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta’ ksib ta’ protezzjoni tal-privattiva fit-territorju tagħhom jibqgħu ma jkunux affettwati.

(15)

B’mod partikolari, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar il-privattivi peress li l-kooperazzjoni msaħħa tirrispetta l-acquis pre-eżistenti.

(16)

Soġġett għall-konformità ma’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni, il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja hija miftuħa f’kull mument għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jikkonformaw mal-atti diġà adottati fi ħdan dan il-qafas skont l-Artikolu 328 tat-TFUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huma b’dan awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

CSÉFALVAY Z.


Top