This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R1090
Regulation (EU) No 1090/2010 of the European Parliament and of the Council of 24 November 2010 amending Directive 2009/42/EC on statistical returns in respect of carriage of goods and passengers by sea Text with EEA relevance
Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 325, 9.12.2010, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32009L0042 | Sostituzzjoni | artikolu 5 L3 | 29/12/2010 | |
Modifies | 32009L0042 | Sostituzzjoni | artikolu 4 1.2 | 29/12/2010 | |
Modifies | 32009L0042 | abolizzjoni | artikolu 10 3 | 29/12/2010 | |
Modifies | 32009L0042 | Żieda | artikolu 10 | 29/12/2010 | |
Modifies | 32009L0042 | Sostituzzjoni | artikolu 3 4 | 29/12/2010 | |
Modifies | 32009L0042 | abolizzjoni | anness VIII 2 | 29/12/2010 |
9.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1090/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Novembru 2010
li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Iffunzjonar tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbgħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
It-tieni paragrafu tal-Anness VIII tad-Direttiva 2009/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula li l-kundizzjonijiet għall-ġbir ta’ sett ta’ data B1 (data dwar “Trasport bil-baħar fil-portijiet Ewropej ewlenin skont il-port, it-tip ta’ merkanzija, l-oġġetti u r-relazzjoni”) għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni fid-dawl tar-riżultati ta’ studju bi prova li sar matul perjodu tranżitorju ta’ tliet snin, kif stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 95/64/KE tat-8 ta’ Diċembru 1995 dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar (3). |
(2) |
Skont ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-esperjenza miksuba fix-xogħol imwettaq skont id-Direttiva tal-Kunsill 95/64/KE (“ir-Rapport tal-Kummissjoni”), il-ġbir ta’ informazzjoni dettaljata deher fattibbli u bi prezz raġonevoli għal tagħbija bil-massa jew b’nofs massa. Madankollu d-diffikultà ewlenija ġrat fil-kompilazzjoni ta’ data bħal din għal traffiku ta’ kontenituri u dak ro-ro. Kien xieraq li tiġi esplorata l-possibiltà li jiġi estiż l-ambitu tad-Direttiva 95/64/KE għal punti oħra ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 10(2)(a) ta’ dik id-Direttiva biss meta tinkiseb aktar esperjenza bil-ġbir tal-varjabbli attwali u meta s-sistemà attwali tkun stabbilita sew. Fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar merkanzija għandom jitqiesu r-reviżjonijiet potenzjali tal-klassifikazzjoni NST/R (Klassifikazzjoni Standard tal-Oġġetti għal Statistiċi tat-Trasport/Riveduta, 1967). |
(3) |
It-tħaddim tas-sistema ta’ ġbir attwali huwa stabbilit sew, inkluż l-implimentazzjoni tal-modifikazzjonijiet introdotti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/366/KE tal-4 ta’ Marzu 2005 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 95/64/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar u li temenda l-Annessi tagħha (4) u l-estensjoni ġeografika tas-sistema minħabba t-tkabbir tal-Unjoni tal-2004 u l-2007. |
(4) |
Numru kbir mill-Istati Membri li trażmettew data lill-Kummissjoni (Eurostat) fl-ambitu tad-Direttiva 96/64/KE qed jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b’mod regolari b’sett ta’ data B1 fuq bażi volontarja skont il-klassifikazzjoni NST/R. |
(5) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1304/2007 tas-7 ta’ Novembru 2007 fir-rigward tat-twaqqif ta’ NST 2007 bħala l-klassifikazzjoni unika għall-merkanzija ttrasportata b’ċerti mezzi ta’ trasport (5) introduċew l-NST 2007 (Klassifikazzjoni Standard tal-Merkanzija għall-Istatistiċi tat-Trasport, 2007) bħala l-unika klassifikazzjoni għall-merkanzija trasportata permezz ta’ trasport bil-baħar, bit-triq, dak ferrovjarju u dak minn passaġġi fuq l-ilmijiet interni. Dik il-klassifikazzjoni għandha tapplika mis-sena ta’ referenza 2008, u tkopri d-data tal-2008. Il-problemi ewlenin fil-kumpilazzjoni tad-data skont it-tip ta’ merkanzija skont il-klassifikazzjoni NST/R, kif imsemmi fir-Rapport tal-Kummissjoni ġew solvuti bl-introduzzjoni ta’ NST 2007. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira, il-ġbir tas-sett ta’ data B1 mhu se jimponi l-ebda piż żejjed fuq dawk li jwieġbu. |
(6) |
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/98 tal-25 ta’ Mejju 1998 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq (6), ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (7) u r-Regolament (KE) Nru 1365/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Settembru 2006 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni (8), il-ġbir ta’ data skont it-tip ta’ merkanzija huwa mandatorju għall-istatistiċi Ewropej dwar it-trasport bit-triq, dak ferrovjarju u dak fuq passaġġi fuq l-ilmijiet interni rispettivament, filwaqt li hu volontarju għat-trasport marittimu. L-istatistiki Ewropej dwar il-mezzi kollha tat-trasport għandhom jinġabru skont il-kunċetti u l-istandards komuni, bl-għan li tinkiseb l-ogħla kumparabbiltà prattikabbli bejn il-mezzi ta’ trasport. |
(7) |
L-introduzzjoni fl-2011 tal-obbligazzjoni li l-Kummissjoni (Eurostat) tkun ipprovduta b’sett ta’ data B1, tagħti lill-Istati Membri perjodu adegwat li matulu kumpilazzjoni volontarja tkun tista’ tintuża għat-testijiet u l-adattazzjonijiet neċessarji. |
(8) |
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/42/KE. Huwa ta’ importanza partikulari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. |
(9) |
Id-Direttiva 2009/42/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2009/42/KE hija b’dan emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3(4), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tadotta dawk il-miżuri permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 10a u bil-kundizzjonijiet tal-Artikoli 10b u 10c.” |
(2) |
fl-Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tadotta dawk il-miżuri permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 10a u bil-kundizzjonijiet tal-Artikoli 10b u 10c.” |
(3) |
fl-Artikolu 5, it-tielet paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej: “Il-Kummissjoni tista’ tadotta dawk il-miżuri permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 10a u bil-kundizzjonijiet tal-Artikoli 10b u 10c.” |
(4) |
fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 għandu jitħassar; |
(5) |
għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin; “Artikolu 10a Eżerċitar tad-delega 1. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn tad-29 ta’ Diċembru 2010. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delegazzjoni tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 10b. 2. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tagħmel notifika tiegħu simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 3. Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni bil-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 10b u 10c. Artikolu 10b Revoka tad-delega 1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 4(1) u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. 2. L-istituzzjoni li tkun bdiet il-proċedura interna għad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi revokata delega tas-setgħat għandha timpenja ruħha biex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni aħħarija, b’indikazzjoni tad-delega tas-setgħat li tista’ tkun suġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal dan. 3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 10c Oġġezzjonijiet għal atti delegati 1. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn. 2. Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija fih. L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet. 3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fiż-żmien imsemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tagħti r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.”; |
(6) |
it-tieni paragrafu tal-Anness VIII huwa mħassar. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-ewwel sena ta’ referenza għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun l-2011, li tkopri d-data tal-2011.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
O. CHASTEL
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2010
(2) ĠU L 141, 6.6.2009, p. 29.
(3) ĠU L 320, 30.12.1995, p. 25. Id-Direttiva 95/64/KE ġiet irrevokata mid-Direttiva 2009/42/KE.
(4) ĠU L 123, 17.5.2005, p. 1.
(5) ĠU L 290, 8.11.2007, p. 14.
(8) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 1.