Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0265

    Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul

    ĠU L 85, 31.3.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/265/oj

    31.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 85/1


    REGOLAMENT (UE) Nru 265/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-25 ta’ Marzu 2010

    li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 77(2)(b) u (c) u l-Artikolu 79(2)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (2) (il-Konvenzjoni Schengen) tistipula r-regoli dwar viżi għal soġġorn fit-tul li jippermettu lid-detenturi li jgħaddu mit-territorji tal-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Sabiex ikun iffaċiltat il-moviment ħieles ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi – detenturi ta’ viżi nazzjonali għal soġġorn fit-tul, fit-territorju ta’ Stati Membri li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen (iż-Żona ta’ Schengen) - għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali.

    (2)

    L-Istati Membri għandhom jissostitwixxu viżi għal soġġorn fit-tul b’permessi għal residenza fil-ħin propizju wara d-dħul fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti abbażi ta’ viża għal soġġorn fit-tul sabiex jiġu permessi jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra matul is-soġġorn jew tranżitu tagħhom fit-territorji ta’ Stati Membri oħra fir-ritorn tagħhom lejn pajjiżhom. Madanakollu, wara d-dħul ta’ ċittadini minn pajjiż terzi fit-territorju tagħhom, numru dejjem akbar ta’ Stati Membri ma jissostitwux viżi għal soġġorn fit-tul b’permessi għal residenza jew jagħmlu dan biss wara dewmien konsiderevoli. Din is-sitwazzjoni legali u prattika għandha konsegwenzi negattivi sinifikanti fuq il-moviment ħieles fi ħdan iż-Żona Schengen ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti fi Stat Membru abbażi ta’ viża għal soġġorn fit-tul.

    (3)

    Sabiex jintgħelbu l-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti fi Stat Membru abbażi ta’ viża għal soġġorn fit-tul, dan ir-Regolament għandu jestendi l-prinċipju tal-ekwivalenza bejn il-permessi għal residenza u viżi għal soġġorn qasir maħruġa mill-Istati Membri li jkunu qed jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen għall-viżi għal soġġorn fit-tul. B’riżultat ta’ dan, viża għal soġġorn fit-tul għandu jkollha l-istess effetti bħal permess għal residenza fir-rigward tal-moviment ħieles tad-detentur fiż-Żona ta’ Schengen.

    (4)

    Ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun fil-pussess ta’ viża għal soġġorn fit-tul maħruġa minn Stat Membru għandu għalhekk ikun permess li jivvjaġġa lejn Stati Membri oħra għal tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, taħt l-istess kundizzjonijiet tad-detenturi ta’ permess għal residenza. Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-regoli fir-rigward tal-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn fit-tul.

    (5)

    B’mod allinjat mal-prattika attwali tal-Istati Membri, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri sabiex joħorġu viżi għal soġġorn fit-tul fil-format uniformi għall-viżi kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (4).

    (6)

    Ir-regoli dwar il-konsultazzjoni tas-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen u tal-Istati Membri l-oħra fl-eventwalità ta’ twissija meta tkun qed tiġi pproċessata applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandhom japplikaw ukoll għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viżi għal soġġorn fit-tul. Il-moviment ħieles ta’ detentur ta’ viża għal soġġorn fit-tul fl-Istati Membri l-oħra m’għandux għalhekk jikkostitwixxi riskju addizzjonali ta’ sigurtà għall-Istati Membri.

    (7)

    Il-Konvenzjoni Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 għandha tiġi emendata f’dan is-sens.

    (8)

    Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli joħorġu permessi għal residenza u ma għandux jaffettwa l-obbligu tal-Istati Membri li joħorġu permessi għal residenza għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif previst minn strumenti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE (5), id-Direttiva 2004/114/KE (6), id-Direttiva 2004/38/KE (7), id-Direttiva 2003/109/KE (8) u d-Direttiva 2003/86/KE (9).

    (9)

    Skont id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (10), ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin joqgħodu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u detenturi ta’ peress ta’ residenza jew awtorizzazzjoni oħra li tagħti d-dritt ta’ soġġorn maħruġ minn Stat Membru ieħor, bħal viża għal soġġorn fit-tul, għandhom jiġu rikjesti li jmorru immedjatament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

    (10)

    Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, senjatament l-istabbiliment ta’ regoli dwar il-moviment ħieles b’viża għal soġġorn fit-tul, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (11)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hu għandu jkun applikabbli skont l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali u n-non-refoulement.

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11), li huma fl-ambitu taż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punt (B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (12).

    (13)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punti (B) u (Ċ), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (14).

    (14)

    Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sensa tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ fl-ambità taż-żona msemmija fl-Artikolu 1, punti (B) u (Ċ) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2008/261/KE (15).

    (15)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (16)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex tipparteċipa f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (16). Ir-Renju Unit għalhekk ma jipparteċipax fl-adozzjoni tiegtħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (17)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002, dwar it-talba tal-Irlanda sabiex tipparteċipa f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (17). L-Irlanda għalhekk ma tipparteċipax fl-adozzjoni tiegtħu u mhijiex marbuta bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (18)

    Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis jew relatat b’mod ieħor miegħu fis-sens tal-Artikolu 3 (2) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2003.

    (19)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew relatat b’mod ieħor miegħu fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2005,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Konvenzjoni Schengen hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 18

    1.   Il-viżi għal soġġorni li jeċċedu t-tliet xhur (‘viżi għal soġġorn fit-tul’) għandhom ikunu viżi nazzjonali maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu jew il-liġi tal-Unjoni. Dawn il-viżi għandhom jinħarġu fil-format uniformi għall-viżi kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (*) bl-intestatura li tispeċifika t-tip ta’ viża bl-ittra ‘D’. Dawn għandhom jiġu kompletati skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi tal-Komunità dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (**).

    2.   Il-viżi għal soġġorn fit-tul għandu jkollhom validità ta’ mhux aktar minn sena. Jekk Stat Membru jippermetti persuna aljena toqgħod għal aktar minn sena, il-viża għal soġġorn fit-tul għandha tiġi sostitwita b’permess ta’ residenza qabel l-iskadenza tal-perijodu tagħha ta’ validità.

    (*)  ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1"

    (**)  ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.”."

    (2)

    L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Persuni aljeni detenturi ta’ permessi ta’ residenza maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ dak il-permess u ta’ dokument validu tal-ivvjaġġar, jiċċaqilqu liberament sa perijodu massimu ta’ tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri l-oħra, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul imsemmija fl-Artikolu 5(1)(a), (c) u (e) tar-Regolament 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (***) u li m’humiex fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

    (***)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.”;"

    (b)

    il-paragrafu li ġej huwa inserit wara l-paragrafu 2:

    “2a.   Id-dritt tal-moviment ħieles stabbilit fil-paragrafu 1 għandu japplika għal persuni aljeni detenturi ta’ viża valida għal soġġorn fit-tul maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 18.”.

    (3)

    L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza, huwa għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen. Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza għal persuna aljena li fil- konfront tagħha inħarġet twissija bil-għan li jiġi rifjutat id-dħul, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Memrbu li jkun ħareġ it-twissija u għandu jieħu kont tal-interessi tiegħu; il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali.

    Meta jinħareġ permess ta’ residenza, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jirtira t-twissija iżda jista’ jpoġġi lill-persuna aljena kkonċernata fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet.”;

    (b)

    il-paragrafu li ġej huwa inserit wara il-paragrafu 1:

    “1a.   Qabel ma joħorġu twissija bil-ħsieb li jiġi rifjutat id-dħul fis-sens tal-Artikolu 96, l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw ir-records nazzjonali tagħhom ta’ viżi għal soġġorn fit-tul jew permessi ta’ residenza maħruġa.”;

    (ċ)

    il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

    “3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għal viżi għal soġġorn fit-tul.”.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    punt (b) tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka il-pajjiżi terzi ċ-ċittadini ta’ liema għandu jkollhom fil-pussess tagħhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ- ċittadini ta’ liema huma eżenti minn dak ir-rekwiżit (****), ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza jew viża valida għal soġġorn fit-tul.

    (****)  ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.”;"

    (2)

    punt (a) tal-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 iżda li jkunu detenturi ta’ permess ta’ residenza, viża għal soġġorn fit-tul jew viża għad-dħul mill-ġdid maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri jew, fejn meħtieġ, permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul u viża għad-dħul mill-ġdid, għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorji ta’ Stati Membri oħra għall-finijiet ta’ tranżitu sabiex ikunu jistgħu jilħqu t-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, viża għal soġġorn fit-tul jew viża għad-dħul mill-ġdid, sakemm l-ismijiet tagħhom ma jkunux fuq il-listi nazzjonali ta’ twissijiet tal-Istati Membri li tagħhom jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni u t-twissija tkun akkumpanjata b’istruzzjonijiet biex jiġi rifjutat id-dħul jew it-tranżitu;”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq l-obbligu tal-Istati Membri sabiex joħorġu permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif previst minn strumenti oħra ta’ Unjoni.

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi b’dan ir-Regolament b’mod sħiħ u preċiż.

    Artikolu 5

    Sal-5 ta’ April 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk ikun adatt, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-5 ta’ April 2010.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Ghall-Kunsill

    Il-President

    D. LÓPEZ GARRIDO


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 2010

    (2)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 1.

    (3)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1.

    (5)  Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15).

    (6)  Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12).

    (7)  Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77; verżjoni korreġuta fil-ĠU L 229, 29.6.2004, p. 35).

    (8)  Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

    (9)  Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).

    (10)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.

    (11)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (12)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (13)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (14)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

    (15)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

    (16)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (17)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


    Top