Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0238

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 238/2010 tat- 22 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżit għall-ittikettjar tax-xorbiet li fihom volum ta’ aktar minn 1,2 % ta’ alkoħol u li fihom ċerti koloranti tal-ikel (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 75, 23.3.2010, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/238/oj

    23.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 75/17


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 238/2010

    tat-22 ta’ Marzu 2010

    li jemenda l-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżit għall-ittikettjar tax-xorbiet li fihom volum ta’ aktar minn 1,2 % ta’ alkoħol u li fihom ċerti koloranti tal-ikel

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jipprovdi lista ta’ koloranti tal-ikel li għalihom it-tikketta jrid ikun fiha l-informazzjoni miżjuda li dawk il-koloranti jistgħu jkollhom effett negattiv fuq l-attività u l-attenzjoni tat-tfal.

    (2)

    Eċċezzjoni għal din ir-regola hija diġà prevista fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għall-oġġetti tal-ikel li fihom il-kolorant intuża għal għanijiet ta’ saħħa jew fil-marki fuq il-prodotti tal-laħam jew għall-ittimbrar jew bħala kuluri dekorattivi fuq il-qxur tal-bajd.

    (3)

    Il-koloranti elenkati fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistgħu jintużaw f’ċerti xarbiet alkoħoliċi, bħall-inbejjed aromatizzati, ix-xarbiet aromatizzati b’bażi ta’ nbid u koktejls aromatizzati prodotti mill-inbid, inbejjed tal-frott, is-sajder, il-perri u ċerti xarbiet b’kontenut għoli ta’ alkoħol. Billi l-prodotti li fiħom kontenut ta’ aktar minn 1,2 % volum ta’ alkoħol mhumiex maħsubin għall-konsum tat-tfal, l-ittikettjar miżjud previst fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għalhekk la hu meħtieġ u lanqas mhu xieraq għal dawn l-oġġetti tal-ikel.

    (4)

    Għaldaqstant l-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u ma ġewx ikkontestati la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

    In-nota tal-qiegħ “(*) Bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti tal-ikel li fihom il-kolorant(i) ġie/ġew użat(i) għall-għan tas-saħħa jew għal marki oħrajn fuq prodotti tal-laħam jew għall-ittimbrar jew bħala kuluri dekorattivi fuq il-qxur tal-bajd” jiġi sostitwit b’li ġej:

    “(*)

    Bl-eċċezzjoni ta’:

    (a)

    oġġetti tal-ikel li fihom il-kolorant(i) ġie/ġew użat(i) għall-għan tas-saħħa jew għal marki oħrajn fuq prodotti tal-laħam jew għall-ittimbrar jew bħala kuluri dekorattivi fuq il-qxur tal-bajd u

    (b)

    xarbiet li fihom iżjed minn 1,2 % volum ta’ alkoħol.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-20 ta’ Lulju 2010.

    Dan ir-Regolament se jkun jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-22 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.


    Top