Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0177

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 177/2010 tat- 2 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

    ĠU L 52, 3.3.2010, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0481

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/177/oj

    3.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 52/28


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 177/2010

    tat-2 ta’ Marzu 2010

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-interess taċ-ċarezza huwa xieraq li tinbidel l-istruttura tal-Artikolu 313 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (2) li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom merkanzija għandha titqies bħala li għandhom stejtus tal-Komunità jew le.

    (2)

    Sabiex jiġi stabbilit l-Ispazju Ewropew ta’ Trasport Marittimu mingħajr Fruntieri kif imsemmi fil-Komunikazzjoni u fil-pjan ta’ azzjoni mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġi stabbilit spazju ta’ trasport marittimu Ewropew mingħajr fruntieri (3), huwa xieraq li jiġu ssimplifikati l-kompiti kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tal-amministrazzjonijiet tad-dwana fejn jidħlu merkanzija li tinġarr bil-baħar bejn portijiet li jkunu jinsabu fit-territorju doganali tal-Komunità.

    (3)

    B’mod partikolari, huwa xieraq li wieħed jipprovdi għal proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzi regolari tat-tbaħħir u għar-reġistrazzjoni tal-vapuri li jagħmlu użu mis-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni biex jinħarġu ċ-ċertifikati AEO kif previst fl-Artikolu 14x tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

    (4)

    Sabiex jitnaqqas l-użu ta’ dokumenti stampati, m’għandhiex tintalab il-preżentazzjoni ta’ manifest stampat tal-iskambju tad-dejta, kif imsemmi fl-Artikolu 324e tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, meta awtoritajiet doganali jkollhom aċċess għas-sistema elettronika tal-informazzjoni u l-komunikazzjonili jkun fiha l-manifest tal-iskambju tad-dejta.

    (5)

    Huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 324c(1) sabiex tiġi inkluża r-referenza korretta għall-miżuri ta’ sigurtà’ li jittieħdu fir-rigward ta’ timbri. Hu neċessarju li jiġu emendati r-referenzi żbaljati lill-Anness 37c għar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li saru fid-dettalji tad-dejta tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu stipulata fl-Anness 37a ta’ dak ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1192/2008 (4).

    (6)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 għandu għalhekk jiġi emendat b’dan il-mod.

    (7)

    Sabiex jitħarsu l-aspettattivi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi, l-awtorizzazzjonijiet li jistabbilixxu servizz regolari tat-tbaħħir qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala awtorizzazzjonijiet mogħtija skont dan ir-Regolament. Sabiex ikun żgurat li l-awtorizzazzjonijiet kollha ikunu disponibbli fl-istess sistema elettronika, l-awtorizzazzjonijietu għandhom jiġu maħżuna fis-sistema elettronika tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.

    (8)

    Huwa xieraq li l-istati Membri u l-awtoritajiet doganali jiġu mogħtija biżżejjed żmien sabiex jistabbilixxu sistema elettronika tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni li topera b’mod komplut.

    (9)

    Peress li d-dispożizzjonijiet dwar dettalji tad-dejta tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu stipulata fl-Anness 37a tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1192/2008 bdew japplikaw fl-1 Lulju 2008, huwa xieraq li jiġi previst li l-emendi wkoll japplikaw minn dik id-data.

    (10)

    Il-miżuri adottati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    HAS ADOPTED THIS REGULATION:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 313 huwa sostitwit b’li ġej:

    “Artikolu 313

    1.   Bla ħsara għall-Artikolu 180 tal-Kodiċi u għall-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-merkanzija kollha fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titqies li hi merkanzija Komunitarja, sakemm ma jiġix stabbilit li ma jkollhiex stejtus Komunitarju.

    2.   Dawn li ġejjin m’għandhomx jitqiesu bħala merkanzija Komunitarja sakemm ma jiġix stabbilit skont l-Artikoli 314 sa 323 ta’ dan ir-Regolament li għandha stejtus Komunitarju:

    (a)

    merkanzija miġjuba fit-territorju doganali tal-Komunità skont l-Artikolu 37 tal-Kodiċi;

    (b)

    merkanzija f’ħażna temporanja jew f’żona ħielsa tat-tip I ta’ kontroll skont it-tifsira tal-Artikolu 799 ta’ dan ir-Regolament jew f’maħżen ħieles;

    (c)

    merkanzija mqiegħda taħt proċedura sospensiva jew f’żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll II skont it-tifsira tal-Artikolu 799 ta’ dan ir-Regolament.

    3.   B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 2, merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titqies li hi merkanzija tal-Komunità sakemm ma jkunx stabbilit li ma jkollhiex stejtus tal-Komunità:

    (a)

    meta, kemm-il darba tinġarr bl-ajru, il-merkanzija tkun ġiet mgħobbija jew trażbordata f’ajruport fit-territorju doganali tal-Komunità, għall-kunsinna f’ajruport ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità, sakemm tinġarr taħt koperta ta’ dokument ta’ trasport waħdieni maħruġ fi Stat Membru; jew

    (b)

    fejn, kemm il-darba tinġarr bil-baħar, il-merkanzija tkun imbarkata bejn portijiet fit-territorju doganali tal-Komunità minn servizz ta’ tbaħħir regolari awtorizzat skont l-Artikoli 313b.”

    (2)

    L-Artikolu 313a u 313b huma sostitwiti b’ li ġej:

    “Artikolu 313a

    Servizz regolari tat-tbaħħir ifisser servizz regolari li jġorr merkanzija f’bastimenti li jipprattikaw biss bejn portijiet li jinstabu fit-territorju doganali tal-Komunità u li ma jistgħux jidħlu minn, imorru lejn jew jieqfu f’xi postijiet barra dan it-territorju jew f’żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll I skont it-tifsira tal-Artikolu 799 ta’ port f’dak it-territorju.

    Artikolu 313b

    1.   Kumpanija tat-tbaħħir tista’ tiġi awtorizzata li tistabbilixxi servizzi regolari tat-tbaħħir wara applikazzjoni għand l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li fit-territorju tiegħu dik il-kumpanija tkun stabbilita jew, fin-nuqqas ta’ dan, li fit-territorju tiegħu jkollha uffiċċju reġjonali, sakemm il-kundizzjonijiet f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 313c ikun sodisfatti.

    2.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss lill-kumpaniji tat-tbaħħir li:

    (a)

    ikunu stabbiliti fit-territorju doganali tal-Komunità jew li jkollhom uffiċċju reġjonali hemmhekk u li d-dokumentazzjoni tagħhom tkun disponibbli għall-awtoritajiet doganali kompetenti;

    (b)

    jissodisfaw l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14h;

    (c)

    jiddeterminaw il-bastiment(i) li għandhom jintużaw għas-servizz regolari ta’ tbaħħir u jispeċifikaw il-portijiet fejn se jieqfu ladarba tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

    (d)

    jimpenjaw ruħhom li fuq ir-rotot ta’ servizzi regolari ta’ tbaħħir ma jkunx hemm waqfiet f’xi port li jkun f’territorju ‘l barra mit-territorju doganali tal-Komunità jew f’xi żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll I f’port fit-territorju doganali tal-Komunità, u li ma jsir l-ebda trażbord ta’ merkanzija fuq il-baħar;

    (e)

    jintrabtu li jirreġistraw mal-awtorità li tagħti l-awtorizzazzjoni l-ismijiet tal-bastimenti li jkunu assenjati għal servizzi regolari tat-tbaħħir u l-portijiet fejn se jieqfu.

    3.   L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal servizzi regolari tat-tbaħħir għandha tispeċifika l-Istati Membri li jkunu kkonċernati minn dak is-servizz. L-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru li magħhom tkun saret applikazzjoni (l-awtorità awtorizzanti) għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kkonċernati bis-servizz ta’ tbaħħir (l-awtoritajiet korrispendenti) permezz tas-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li tissemma fl-Artikolu 14x.

    Bla ħsara għall-paragrafu 4, fi żmien 45 jum mindu tasal notifka bħal din, l-awtoritajiet rispettivi jistgħu jiċħdu l-applikazzjoni fuq il-bażi li l-kundizzjoni fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ma tkunx sodisfata u jikkomunikaw iċ-ċaħda permezz tas-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li tissemma fl-Artikolu 14x. L-awtorità rispettiva għandha tindika r-raġunijiet għaċ-ċaħda u d-dispożizzjonijiet legali marbuta mal-offiżi mwettqa. F’dak il-każ, l-awtorità li tagħti l-awtorizzazzjoni m’għandhiex tagħti l-awtorizzazzjoni u għandha tinnotifika ċ-ċaħda lill-applikant u tistqarr ir-raġunijiet taċ-ċaħda.

    Meta ma tingħata ebda tweġiba mill-awtoritajiet doganali rispettivi, l-awtorità doganali awtorizzanti, wara li tkun eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ġewx sodisfatti, għandha toħroġ awtorizzazzjoni li għandha tkun aċċettata mill-Istati Membri l-oħra kkonċernati mis-servizz ta’ tbaħħir. Is-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14x għandha tintuża biex tinħażen l-awtorizzazzjoni u biex tinnotifika lill-awtoritajiet rispettivi li l-awtorizzazzjoni tkun ingħatat.

    4.   Meta l-kumpanija tat-tbaħħir ikollha ċ-Ċertifikat AEO imsemmi fil-punt (a) jew (c) tal-Artikolu 14a(1), ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu li jkunu ġew sodisfati.”

    (3)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 313c sa 313f li ġejjin:

    “Artikolu 313c

    1.   Ladarba jkun ġie awtorizzat servizz regolari ta’ tbaħħir skont l-Artikolu 313b, il-kumpanija tat-tbaħħir konċernata għandha tiġi obbligata li tuża l-awtorizzazzjoni għall-bastimenti li hija tkun irreġistrat għal dak l-iskop.

    2.   Il-kumpanija tat-tbaħħir għandha tinforma lill-awtorità awtorizzanti bi kwalunkwe ċirkustanza li jinqala’ wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni u li jkun jista’ jinfluwenza l-kontinwazzjoni jew il-kontenut tagħha.

    Meta tiġi rtirata awtorizzazzjoni mill-awtorità awtorizzanti jew fuq talba tal-kumpanija tat-tbaħħir, l-awtorità awtorizzanti għandha tinnotifika l-irtirar lill-awtoritajiet rispettivi bl-użu tas-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14x.

    3.   Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 313b(3) għandha tapplika f’każ li l-awtorizzazzjoni jkollha tiġi emendata biex tkopri Stati Membri li ma kinux inklużi fl-awtorizzazzjoni oriġinali jew minn awtorizzazzjoni preċedenti. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 313b(4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 313d

    1.   Il-kumpanija tat-tbaħħir awtorizzata biex tistabbilixxi servizzi tat-tbaħħir regolari għandha tikkomunika lill-awtorità awtorizzanti dan li ġej:

    (a)

    l-ismijiet tal-bastimenti assenjati għas-servizz regolari tat-tbaħħir;

    (b)

    l-ewwel port fejn il-bastiment jibda l-operat tiegħu bħala servizz regolari ta’ tbaħħir;

    (c)

    il-portijiet ta’ waqfa;

    (d)

    kull tibdil fl-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c);

    (e)

    id-data u l-ħin meta jidħlu fis-seħħ it-tibdiliet imsemmija fil-punt (d).

    2.   L-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1 għandha tkun reġistrata mill-awtorità awtorizzanti fis-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14x fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol mill-jum li fih tkun ikkomunikata. Għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet doganali li topera fil-portijiet li jkunu jinsabu fit-territorju doganali tal-Komunità.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xogħol wara dak tar-reġistrazzjoni.

    Artikolu 313e

    Meta bastiment li jkun reġistrat ma’ servizz regolari tat-tbaħħir ikun imġiegħel minn ċirkostanzi li ma jkollux kontroll fuqhom biex jittrażborda merkanzija meta jkun fuq il-baħar jew biex temporanjament jidħol f’port li ma jkunx parti mis-servizz regolari tat-tbaħħir, inkluż f’portijiet li jkunu barra mit-territorju doganali tal-Komunità jew f’żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll I ta’ port fit-territorju doganali tal-Komunità, il-kumpanija tat-tbaħħir għandha immedjatament tinforma lill-awtoritajiet doganali tal-portijiet fejn ikun imissu jidħol il-bastiment wara, inklużi dawk li jkunu jinsabu fuq ir-rotta skedata tal-bastiment. Merkanzija li titgħabba jew li tinħatt f’dawk il-portijiet m’għandhiex titqies bħala merkanzija tal-Komunità.

    Artikolu 313f

    1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu prova mill-kumpanija tat-tbaħħir li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 313b sa 313e ikunu ġew osservati.

    2.   Meta l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew osservati, għandhom immedjatament jinfurmaw lill-awtoritajiet doganali kollha kkonċernati mis-servizz tat-tbaħħir bl-użu tas-sistema elettronika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14x b’mod li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa.”

    (4)

    Fl-Artikolu 324c(1), it-tieni sottoparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

    “It-Taqsima 27 tal-Anness 37d għandu japplika mutatis mutandis.”

    (5)

    Fl-Artikolu 324(4), il-punti (c) u (d) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

    “(c)

    il-manifest trażmess bi skambju ta’ dejta elettronika (manifest ta’ skambu ta’ dejta) għandu jkun ippreżentat lill-awtoritajiet doganali fil-port tat-tluq mhux aktar tard mill-jum tax-xogħol li jiġi wara t-tluq tal-bastiment u f’kull każ qabel ma jasal fil-port ta’ destinazzjoni. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu verżjoni stampata tal-manifest tal-iskambju tad-dejta li għandu jiġi ppreżentat meta ma jkollhomx aċċess għal sistema ta’ informazzjoni kif approvat mill-awtoritajiet doganali li jkun fih il-manifest ta’ skambju tad-dejta;

    (d)

    il-manifest ta’ skambju tad-dejta għandu jkun ippreżentat lill-awtoritajiet doganali fil-port tad-destinazzjoni. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu verżjoni stampata tal-manifest tal-iskambju tad-dejta li għandha tiġi ppreżentata meta ma jkollhomx aċċess għal sistema ta’ informazzjoni kif approvat mill-awtoritajiet doganali li jkun fih il-manifest ta’ skambju tad-dejta.”

    (6)

    Fl-Anness 37a, Titolu II, Punt B “Id-dettalji dwar id-dejta tad-dikjarazzjoni ta’ tranżitu”, Grupp tad-Dejta “PAKKETTI” huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-test tal-attribut “Marki u l-għadd ta’ pakketti” huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Marki u n-numri tal-pakketti

    (kaxxa nru 31)

    Tip/tul: an ..42

     

    L-attribut għandu jintuża jekk l-attribut ‘Tip ta’ Pakketti’ jkun jinkludi kodiċi oħra li jidhru fl-Anness 38 li m’humiex dawk użati għall-kwantità (VQ, VG, VL, VY, VR jew VO) jew l-‘Oġġetti Mhux Ippakkjati’ (NE, NF, NG). Huwa fakultattiv jekk l-attribut ‘Tip ta’ Pakketti’ jinkludi wieħed mill-kodiċi msemmija hawn fuq.”

    (b)

    it-test tal-attribut “Marki u l-għadd ta’ pakketti” huwa mibdul b’dan li ġej:

    “Numru ta’ pakketti

    (kaxxa nru 31)

    Tip/tul: n ..5

     

    L-attribut għandu jintuża jekk l-attribut ‘Tip ta’ Pakketti’ jkun jinkludi kodiċi oħra murija fl-Anness 38 li m’humiex dawk użati għall-kwantità (VQ, VG, VL, VY, VR jew VO) jew l-‘Oġġetti Mhux Ippakkjati’ (NE, NF, NG). Ma jistax jintuża jekk l-attribut ‘Tip ta’ Pakketti’ jinkludi wieħed mill-kodiċi msemmija qabel.”

    Artikolu 2

    L-awtorizzazzjonijiet li jistabbilixxu servizz regolari ta’ tbaħħir qabel id-data tal-applikazzjoni referut fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament fejn għandu jitqies bħala awtorizzazzjonijiet maħruġa skont ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 kif emendat b’dan ir-Regolament.

    L-awtorità doganali awtorizzanti se taħżen dawn l-awtorizzazzjonijiet fis-sistema elettronika għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 14x tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Punti (2) u (3) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2012.

    Il-Punti (4) u (6) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.

    (2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

    (3)  COM(2009) 10 finali.

    (4)  ĠU L 329, 6.12.2008, p. 1.


    Top