Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0146

    2010/146/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Marzu 2010 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 58, 9.3.2010, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/12/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/146/oj

    9.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 58/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta’ Marzu 2010

    skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2010/146/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

    Wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali (2),

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu li t-trasferiment ta’ dejta personali lejn pajjiż terz isir biss jekk il-pajjiż terz ikkonċernat jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni u kif ukoll jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet tal-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva qabel ma jsir it-trasferiment.

    (2)

    Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li pajjiż terz jassigura livell adegwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, tista’ tiġi trasferita dejta personali mill-Istati Membri mingħajr ma jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali.

    (3)

    Skont id-Direttiva 95/46/KE il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkonċernaw operazzjoni ta’ trasferiment ta’ dejta jew grupp ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ dejta filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għal ċerti elementi importanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25(2) tagħha.

    (4)

    Minħabba d-diversi approċċi li pajjiżi terzi għandhom fir-rigward tat-trasferiment tad-dejta, l-evalwazzjoni tal-adegwatezza għandha titwettaq, u kwalunkwe deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha ssir u tkun infurzata b’mod li ma toħloqx diskriminazzjoni arbitrarja jew mingħajr ġustifikazzjoni kontra jew bejn pajjiżi terzi li fihom ikun hemm kundizzjonijiet simili, u lanqas ma sservi ta’ ostaklu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni għall-impenji internazzjonali preżenti tal-Komunità.

    (5)

    Il-Gżejjer Faroe huma komunità awtogovernata fi ħdan ir-Renju tad-Danimarka. Meta d-Danimarka ngħaqdet mal-Komunità Ewropea fl-1973, il-Gżejjer Faroe m’għamlux dan. Huma għalhekk għandhom jitqiesu bħala pajjiż terz skont it-tifsira tad-Direttiva 95/46/KE.

    (6)

    L-Att dwar il-Governanza Interna tal-Gżejjer Faroe tifred l-oqsma kollha tal-politika f’żewġ gruppi prinċipali fejn l-Affarijiet Speċjali tal-Gżejjer Faroe huma r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-Gvern tal-Gżejjer Faroe u l-leġiżlazzjoni u Kwistjonijiet Konġunti huma r-responsabbiltà tar-Renju tad-Danimarka. Din id-Deċiżjoni tkopri biss it-trasferiment tad-dejta personali mill-Komunità lil destinatarji fil-Gżejjer Faroe li huma suġġetti għall-Att dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali (3) (“L-Att tal-Gżejjer Faroe”). L-Att tal-Gżejjer Faroe ma japplikax għall-ipproċessar tad-dejta personali fit-twettiq ta’ attività magħmula minn awtoritajiet tar-Renju tad-Danimarka, jiġifieri, il-Kummissarju Għoli tal-Gżejjer Faroe (Rigsombudsmanden), il-Qorti tal-Gżejjer Faroe (Sorenskriveren), il-Kummissarju tal-Gżejjer Faroe (Politimesteren på Færøerne), is-Servizz tal-Ħabs u tal-Probation tal-Gżejjer Faroe (Kriminalforsorgens afdeling), il-Kmand tal-Gżejjer Faroe (Færøernes Kommando) u l-Uffiċjal Mediku Ewlieni tal-Gżejjer Faroe (Landslægen).

    (7)

    L-Att tal-Gżejjer Faroe huwa bbażat fuq standards stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u għalhekk ikopri l-prinċipji bażiċi kollha neċessarji għal livell adegwat ta’ protezzjoni tad-dritt ta’ persuni naturali għall-privatezza fl-ipproċessar tad-dejta personali. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards hija garantita b’rimedji ġudizzjarji u b’superviżjoni indipendenti magħmula mill-awtorità superviżorja, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta, li għandu poteri li jinvestiga u jintervjeni.

    (8)

    Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi mħarsa l-abilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet eċċezzjonali fejn tkun ġustifikata s-sospensjoni ta’ trażmissjoni speċifika ta’ dejta, minkejja li jinstab li jkun hemm protezzjoni adegwata.

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Gżejjer Faroe huma meqjusa li jipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lid-destinatarji suġġetti għall-Att dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali (‘l-Att tal-Gżejjer Faroe’).

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta fil-Gżejjer Faroe bl-Att tal-Gżejjer Faroe bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġiet ta’ Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet l-oħra li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ dejta personali ġewwa l-Istati Membri.

    Artikolu 3

    1.   Bla ħsara għall-poteri tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħra għajr l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu t-trasferimenti ta’ dejta lil riċevent fil-Gżejjer Faroe sabiex jiġu protetti l-individwi fejn jidħol l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-każijiet segwenti:

    (a)

    Fejn awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faroe tkun ikkonkludiet li riċevent ikun fi ksur tal-istandards applikabbli ta’ protezzjoni; jew

    (b)

    Fejn hemm il-probabbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni qed jiġu miksura, hemm motivi raġonevoli biex wieħed jaħseb illi l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Faroe mhux qed jieħdu, jew mhumiex se jieħdu l-passi xierqa u fil-ħin sabiex isolvu l-każ ikkonċernat, it-tkomplija tat-trasferiment toħloq periklu imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti tad-dejta u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għamlu dak kollu li hu xieraq fiċ-ċirkustanzi sabiex jinnotifikaw lill-parti responsabbli għall-ipproċessar li tkun stabbilita fil-Gżejjer Faroe u tawha ċans bizzejjed għal risposta.

    2.   Is-sospensjoni għandha tieqaf hekk kif l-istandards ta’ protezzjoni jkunu assigurati u l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati tkun notifikata b’dan.

    Artikolu 4

    1.   L-Istati Membri għandom jinfurmaw il-Kummissjoni mingħajr l-ebda dewmien meta jittieħdu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(1).

    2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità mal-istandards ta’ protezzjoni tal-Gżejjer Faroe tonqos milli tiżgura din il-konformità.

    3.   Jekk l-informazzjoni miġbura taħt l-Artikolu 3 u taħt il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tipprovdi xhieda lil xi awtorità responsabbli li tiżgura l-konformità mal-istandards tal-protezzjoni fil-Gżejer Faroe mhix qed tagħmel dan b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fil-Gżejjer Faroe u kif ukoll, jekk ikun neċessarju, tippreżenta abbozz ta’ miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE, bil-għan li tiġi rrevokata, jew sospiża din id-Deċiżjoni, jew li tiġi limitata l-applikabilità tagħha.

    Artikolu 5

    Il-Kummissjoni għandha ssegwi t-tħaddim ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe informazzjoni relevanti lill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE inkluż kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, illi l-protezzjoni fil-Gżejjer Faroe hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe evidenza illi din id-Deċiżjoni qed tkun implimentata b’mod diskriminatorju.

    Artikolu 6

    L-Istati Membru għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni l-iktar tard sa tmiem perjodu ta’ 90 jum mid-dejta tan-notifika tagħha lill-Istati Membri.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2010.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Viċi President


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995. p. 31.

    (2)  L-Opinjoni 9/2007 dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-dejta personali f’Jersey, adottata mill-Grupp ta’ Ħidma nhar id-9 ta’ Ottubru 2007, li tinsab hawn: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/workinggroup/wpdocs/2007_en.htm

    (3)  Att Nru 73 tat-8 ta’ Mejju 2001 dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali, li jinsab fuq http://www.datueftirlitid.fo/Default.asp?sida=2878


    Top