Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0446

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 446/2009 tal- 14 ta' Mejju 2009 rigward il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    ĠU L 132, 29.5.2009, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/446/oj

    29.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 132/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 446/2009

    tal-14 ta' Mejju 2009

    rigward il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati ma’ kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanzija msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella mfassla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna 2, għar-raġunijiet imsemmija fil-kolonna 3 ta' dik it-tabella.

    (4)

    Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

    (5)

    Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali għadu ma tax opinjoni fiż-żmien stipulat miċ-Ċermen tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella stabbilita fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta' dik it-tabella.

    Artikolu 2

    Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhix skont dan ir-Regolament, tista' tibqa’ tkun invokata għall-perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

    (2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni

    (Kodiċi tan-NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Karawett mingħajr il-qoxra ta’ barra u ta’ ġewwa (karawett ibblanċjat).

    Il-karawett imqaxxar jiġi bblanċjat billi jgħaddi minn forn tal-gass b’erba’ żoni ta’ sħana, fejn il-qlub jinstamtu permezz ta’ fwar jaħraq bejn 88 u 93 °C, qabel ma’ jgħaddu minn żewġ żoni ta’ tkessieħ.

    Permezz taż-żjieda fit-temperatura l-qlub jintefħu u b’hekk jillaxkaw il-qoxra l-ħamra minn mal-qalba. Il-qoxra imbagħad titneħħa b’meżżi mekkaniċi.

    Il-karawett, li ma jkunux ittrattati iktar mit-tneħħija tal-qoxra, huma ppreżentati bl-ingrossa jew f’“boroż kbar” ta’ madwar 1 000 kg.

    1202 20 00

    Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi tan-NM 1202 u 1202 20 00 .

    L-ibblanċjar tal-karawett għandu jitqies bħala trattament intiż l-aktar biex ineħħi l-qoxra l-ħamra minn mal-qalba u għaldaqstant iħaffef l-użu tagħhom. Dan it-trattament ma jibdilx il-karattru tal-karawett bħala prodotti naturali u ma jagħmilhomx adattati għal użu speċifiku iktar milli għal użu ġenerali (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata ma’ Kapitolu 12, Ġenerali, it-tieni paragrafu).

    Għalhekk il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 1202 .


    Top