Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0068

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2009 tat- 23 ta’ Jannar 2009 addattament għad-disa' darba għall-progress tekniku tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 21, 24.1.2009, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2014; Imħassar b' 32014R0165

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/68/oj

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 21/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 68/2009

tat-23 ta’ Jannar 2009

addattament għad-disa' darba għall-progress tekniku tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (1), u partikolarment l-Artikolu [17 (1)] tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I B tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 jiġbor l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-installazzjoni u l-ispezzjoni ta' apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq.

(2)

B'attenzjoni partikulari lejn is-sigurtà totali tas-sistema u l-applikazzjoni tagħha għall-vetturi fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 3821/85, ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiżdiedu mal-Anness 1 B tiegħu sabiex ikun possibli l-installar tal-apparat ta' reġistrazzjoni, li huwa konformi ma' dak l-Anness, fil-vetturi tat-tip M1 u N1.

(3)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I B tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-kapitolu I, id-definizzjoni li ġejja hija mdaħħla:

“(rr)

‘adapter’ ifisser: parti tal-apparat ta' reġistrazzjoni, li jipprovdi sinjal permanentament rappreżentattiv tal-veloċità tal-vettura u/jew id-distanza vvjaġġata, u li huwa;

installat u wżat biss fil-vetturi tat-tip M1 u N1 (kif spjegat fl-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE) li bdew jintużaw għall-ewwel darba bejn l-1 ta’ Mejju 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2013,

installat fejn mhuwiex mekkanikament possibbli li tkun installata kwalunkwe tip oħra ta' sonda taċ-ċaqliq eżistenti li minn kull aspett ieħor hija konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness u l-Appendiċijiet 1 sa 11 tiegħu,

installat bejn l-unità tal-vettura u l-punt fejn l-impulsi tal-veloċità/distanza huma ġġenerati bis-sondi integrati jew interfaċċji alternattivi.

Kif jidher mill-unità tal-vettura, l-imġiba tal-adapter hija l-istess bħal li kieku sonda taċ-ċaqliq, konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness u l-Appendiċijiet 1 sa 11 tiegħu, kienet inkorporata mal-unità tal-vettura.

L-użu ta' adapter bħal dan f'dawk il-vetturi deskritti hawn fuq jagħti lok għall-installazzjoni u l-użu korrett tal-unità tal-vettura li hija konformi mal-ħtiġijiet ta' dan l-Anness.

Għal dawk il-vetturi, l-apparat ta' reġistrazzjoni jinkludi l-kejbils, l-adapter, u l-unità tal-vettura.

(2)

Fil-Kapitolu V, tas-Sezzjoni 2, ir-rekwiżit 250 għandu jinbidel b'li ġej:

“250.

Il-plakka għandha turi mill-inqas id-dettalji li ġejjin:

l-isem, l-indirizz jew l-isem tan-negozju tal-fiter jew il-workshop approvat,

il-karatteristika tal-koeffiċjent tal-vettura, fil-forma ‘w = … imp/km’,

il-kostanti tal-apparat ta' reġistrazzjoni, fil-forma ‘k = … imp/km’,

iċ-ċirkonferenza effettiva tat-tajers tar-roti fil-forma ‘l = … mm’,

id-daqs tat-tajer,

id-data li fiha l-koeffiċjent tal-karratteristika tal-vettura kien iddeterminat u ċ-ċirkonferenza effettiva tat-tajers tar-roti mkejla,

in-numru tal-identifikazzjoni tal-vettura,

il-parti tal-vettura fejn l-adapter, jekk preżenti, qiegħed installat,

il-parti tal-vettura fejn is-sonda taċ-ċaqliq qiegħda installata, jekk mhux qiegħda mqabbda mal-gearbox jew mhux qiegħed jintuża adapter,

deskrizzjoni tal-kulur tal-kejbil bejn l-adapter u dik il-parti tal-vettura li tipprovdi l-impulsi li deħlin fiha,

in-numru tas-serje tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq tal-adapter.”

(3)

Fil-kapitolu V, fis-sezzjoni 2, għandu jiżdied ir-rekwiżit li ġej:

“—

250a.

Il-plakek tal-installazzjoni għall-vetturi li għandhom l-adapters, jew għall-vetturi fejn is-sonda taċ-ċaqliq mhijiex imqabbda mal-gear-box għandhom jitwaħħlu fil-mument tal-installazzjoni. Għall-vetturi l-oħra kollha, il-plakek tal-installazzjoni li għandhom l-informazzjoni l-ġdida għandhom jitwaħħlu fil-mument tal-ispezzjoni ta' wara l-installazzjoni.”

(4)

Wara l-appendiċi 11, għandu jiżdied l-appendiċi 12 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika 6 xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.


ANNESS

L-Appendiċi 12

ADAPTER GĦALL-VETTURI TAL-KATEGORIJI M1 U N1

WERREJ

1.

It-Taqsiriet u d-dokumenti ta' referenza 5

1.1.

It-Taqsiriet 5

1.2.

L-Istandards ta' referenza 5

2.

Il-Karatteristiċi ġenerali u l-funzjonijiet tal-adapter 5

2.1.

Id-Deskrizzjoni ġenerali tal-adapter 5

2.2.

Il-Funzjonijiet 6

2.3.

Is-Sigurtà 6

3.

Il-Ħtiġijiet għall-apparat ta' reġistrazzjoni meta jkun installat adapter 6

4.

Il-Kostruzzjoni u l-ħtiġijiet funzjonali għall-adapter 7

4.1.

L-Interfaċċjar u l-addattament tal-pulsazzjonijiet tal-veloċità li deħlin 7

4.2.

Il-Mogħdija tal-pulsazzjonijiet li deħlin lis-sonda taċ-ċaqliq inkorporata 7

4.3.

Is-Sonda inkorporata taċ-ċaqliq 7

4.4.

Il-Ħtiġijiet tas-sigurtà 7

4.5.

Il-Karatteristiċi ta’ prestazzjoni 7

4.6.

Il-Materjali 7

4.7.

Il-Marki 8

5.

L-Installazzjoni tal-apparat ta' reġistrazzjoni meta jintuża adapter 8

5.1.

L-Installazzjoni 8

5.2.

Is-siġillar 8

6.

Il-Kontrolli, l-Ispezzjonijiet u t-Tiswijiet 8

6.1.

L-Ispezzjonijiet perjodiċi 8

7.

L-Approvazzjoni tat-tip tal-apparat ta' reġistrazzjoni meta jintuża adapter 9

7.1.

Il-Punti ġenerali 9

7.2.

Iċ-Ċertifikat funzjonali 9

1.   IT-TAQSIRIET U D-DOKUMENTI TA' REFERENZA

1.1.   It-Taqsiriet

TBD

Iridu Jkunu Definiti (To Be Defined)

UV

l-Unità tal-Vettura (Vehicle Unit)

1.2.   L-Istandards ta' referenza

ISO16844-3 Vetturi tat-triq - Sistemi Takografiċi – Parti 3: L-interfaċċja tas-sonda taċ-ċaqliq

2.   IL-KARATTERISTIĊI ĠENERALI U L-FUNZJONIJIET TAL-ADAPTER

2.1.   Id-Deskrizzjoni ġenerali tal-adapter

ADA_001

L-adapter għandu jipprovdi UV mqabbda b'dejta taċ-ċaqliq assigurata permanentament rappreżentattiva tal-veloċità tal-vettura u d-distanza vvjaġġata.

L-adapter huwa intenzjonat biss għal dawk il-vetturi li huma meħtieġa li jkollhom l-apparat ta' reġistrazzjoni skont dan ir-Regolament.

Għandu jkun installat u wżat biss f'dawk it-tipi ta' vetturi ddefiniti skont (rr), fejn mhuwiex mekkanikament possibbli li tkun installata kwalunkwe tip oħra ta' sonda taċ-ċaqliq eżistenti li fil-każ hija konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness u l-Appendiċijiet 1 sa 11 tiegħu.

L-adapter m'għandux ikun mekkanikament interfaċċjat ma' parti li tiċċaqlaq tal-vettura, kif meħtieġ skont l-Appendiċi 10 ta' dan l-Anness (sezzjoni 3.1), imma mqabbad mal-impulsi tal-veloċità/distanza li huma ġġenerati minn sondi integrati jew interfaċċji alternattivi.

ADA_002

Sonda taċ-ċaqliq tat-tip approvat (skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness, sezzjoni VIII - L-approvazzjoni tat-tip ta' apparat ta' reġistrar u l-karti tat-takografiċi) għandha tkun inkorporata mal-kaxxa tal-adapter, li għandha tinkludi wkoll strument li jibdel il-pulsazzjoni li jgħaddi l-pulsazzjonijiet li deħlin għas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq. Is-sonda inkorporata taċ-ċaqliq innifisha għandha tkun imqabbda mal-UV, sabiex l-interfaċċja bejn l-UV u l-adapter tkun konformi mal-ħtiġijiet stipulati fl-ISO16844-3.

2.2.   Il-Funzjonijiet

ADA_003

L-adapter għandu jinkludi l-funzjonijiet li ġejjin:

l-interfaċċjar u l-addattament tal-pulsazzjonijiet tal-veloċità li deħlin,

il-mogħdija tal-pulsazzjonijiet li deħlin għas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq,

il-funzjonijiet kollha tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq, li qed jipprovdu dejta taċ-ċaqliq assigurata lill-UV.

2.3.   Is-Sigurtà

ADA_004

L-adapter m'għandux ikollu ċertifikat tas-sigurtà skont il-mira tas-sigurtà ġenerika tas-sonda taċ-ċaqliq spjegata fl-Appendiċi 10 ta' dan l-Anness. Il-ħtiġijiet relatati mas-sigurtà speċifikati fis-sezzjoni 4,4 ta' dan l-Appendiċi għandha tapplika minflok.

3.   IL-ĦTIĠIJIET GĦALL-APPARAT TA' REĠISTRAZZJONI META JKUN INSTALLAT ADAPTER

Il-ħtiġijiet f'dan u fil-Kapitoli li ġejjin jindikaw kif il-ħtiġijiet ta' dan l-Anness għandhom jinftiehmu meta jintuża adapter. In-numri meħtieġa rrelatati huma pprovduti bejn il-parentesi.

ADA_005

L-apparat ta' reġistrar ta' kwalunkwe vettura li għandha adapter inkorporat għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet kollha ta' dan l-Anness, apparti fil-każijiet speċifikati f'dan l-Appendiċi.

ADA_006

Meta jkun installat adapter, l-apparat ta' reġistrar jinkludi l-kejbils, l-adapter (miflok is-sonda taċ-ċaqliq), u l-UV (001).

ADA_007

Il-funzjoni tal-osservazzjoni tal-avvenimenti u/jew ħsarat tal-apparat ta' reġistrar hija mmodifikata kif ġej:

L-avveniment “tal-interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku” għandu jinbeda mill-UV, meta ma tkunx fil-pożizzjoni kkalibrata, f'każ ta' kwalunkwe interruzzjoni li teċċedi l-200 millisekonda tal-provvista tal-elettriku tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq (066),

Kwalunkwe interuzzjoni fil-provvista tal-elettriku ta' aktar minn 200ms (millisekondi) tal-adapater għandha tiġġenera interruzzjoni tal-provvista tal-elettriku tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq tal-istess tul ekwivalenti. Il-limitu tal-interruzzjoni tal-adapter għandu jkun iddefinit mill-manifattur tal-adapter.

Dan l-avveniment ta' “żball fid-dejta taċ-ċaqliq” għandu jinbeda mill-UV fil-każ ta' interruzzjoni tal-kurrent normali tad-dejta bejn is-sonda inkorporata taċ-ċaqliq u l-UV u/jew fil-każ ta' żball tal-integrità tad-dejta jew tal-awtentiċità tad-dejta waqt l-iskambju tad-dejta bejn is-sonda inkorporata taċ-ċaqliq u l-UV (067),

L-avveniment ta' “attentat ta' ksur tas-sigurtà” għandu jinbeda mill-UV għal kwalunkwe avveniment ieħor li jaffetwa s-sigurtà tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq, meta ma tkunx fil-pożizzjoni kkalibrata (068),

Il-ħsara tal-“apparat ta' reġistrar” għandha tkun mibdija mill-UV, meta mhijiex fil-pożizzjoni kkalibrata, għal kwalunkwe ħsara tas-sonda inkorporata tas-sigurtà (070).

ADA_008

Il-ħsarat fl-adapter osservati mill-apparat ta' reġistrar għandhom ikunu dawk relatati mas-sonda inkorporata tas-sigurtà (071).

ADA_009

Il-funzjoni tal-ikkalibrar tal-UV għandha tagħti l-possibbiltà sabiex ikunu mqabbla awtomatikament is-sonda inkorporata taċ-ċaqliq mal-UV (154, 155).

ADA_010

It-termini ‘sonda taċ-ċaqliq’ jew ‘sonda’ fil-Mira tas-Sigurtà tal-UV fl-Appendiċi 10 ta' dan l-Anness jirreferu għas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq.

4.   IL-KOSTRUZZJONI U L-ĦTIĠIJIET FUNZJONALI GĦALL-ADAPTER

4.1.   L-Interfaċċjar u l-addattament tal-pulsazzjonijiet tal-veloċità li deħlin

ADA_011

L-interfaċċjar ta' l-input fl-adapter għandu jaċċetta pulsazzjonijiet ta' frekwenzi rappresentattivi tal-veloċità tal-vettura u d-distanza vvjaġġata. Il-karattersitiċi tal-elettriku tal-pulsazzjonijiet li deħlin huma: TBD mill-manifattur. It-tibdiliet aċċessibli biss għall-manifattur tal-adapter u għall-workshop approvat li ikun qed jagħmel l-installazzjoni tal-adapter għandhom jagħtu l-interfaċċjar korrett ta' l-input mill-adapter għall-vettura, jekk huwa applikabbli.

ADA_012

L-interfaċċjar tal-input fl-adapter għandu jkun jista', jekk huwa applikabbli, jimmultiplika jew jaqsam il-pulsazzjonijiet tal-frekwenza tal-pulsazzjonijiet tal-veloċità li deħlin minn fattur fiss, biex is-sinjal ikun addattat għall-valur fil-medda tal-fattur k iddefinita b'dan l-Anness (4 000 sa 25 000 pulsazzjonijiet/km). Dan il-fattur fiss jista' jkun ipprogrammat biss mill-manifattur tal-adapter, u l-workshop approvat li jkun qed jagħmel l-installazzjoni tal-adapter.

4.2.   Il-Mogħdija tal-pulsazzjonijiet li deħlin lis-sonda taċ-ċaqliq inkorporata

ADA_013

Il-pulsazzjonijiet li deħlin, possibbilment addattati kif speċifikat hawn fuq, għandhom ikunu mgħoddija lis-sonda inkorporata taċ-ċaqliq, sabiex kull pulsazzjoni li dieħla tkun osservata mis-sonda taċ-ċaqliq.

4.3.   Is-Sonda inkorporata taċ-ċaqliq

ADA_014

Is-sonda inkorporata taċ-ċaqliq għandha tkun stimulata bil-pulsazzjonijiet mgħoddija, u għalhekk tkun tista' tiġġenera dejta dwar il-moviment li tirrapreżenta b'mod korrett iċ-ċaqliq tal-vettura, bħallikieku kienet interfaċċjata mekkanikament ma' parti li tiċċaqlaq tal-vettura.

ADA_015

Id-dejta ta' identifikazzjoni tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq għandha tintuża mill-UV sabiex tidentifika l-adapter (077),

ADA_016

Id-dejta dwar l-installazzjoni maħżuna fis-sonda inkorporata taċ-ċaqliq għandha tkun ikkunsidrata bħala rappreżentattiva tad-dejta tal-installazzjoni tal-adapter (099).

4.4.   Il-Ħtiġijiet tas-sigurtà

ADA_017

Il-kaxxa tal-adapter għandha tkun iddisinjata sabiex ma tkunx tista' tinfetaħ. Għandha tkun issiġillata, sabiex l-attentati fiżiċi tat-tbagħbis ikunu osservati malajr (eż. bl-ispezzjoni viżwali, ara ADA_035).

ADA_018

Ma għandux ikun possibbli li titneħħa s-sonda inkorporata taċ-ċaqliq mill-adapter mingħajr it-tkissir tas-siġill(i) tal-kaxxa tal-adapter, jew it-tkissir tas-siġill ta' bejn is-sonda u l-kaxxa tal-adapter (ara ADA_035).

ADA_019

L-adapter għandu jiżgura li d-dejta taċ-ċaqliq tkun tista' tiġi pproċessata u meħuda biss mill-input tal-adapter.

4.5.   Il-Karatteristiċi ta’ prestazzjoni

ADA_020

L-adapter għandu jkun operattiv kompletament fil-medda tat-temperatura (TBD mill-manifattur, skont il-pożizzjoni tal-installazzjoni) (159).

ADA_021

L-adapter għandu jkun operattiv kompletament fil-medda tal-umdità bejn 10 % u d-90 % (160).

ADA_022

L-adapter għandu jkun protett kontra l-vultaġġ żejjed, l-inverżjoni tal-polarità tal-provvista tal-elettriku tiegħu, u l-ixxortjar fiċ-ċirkwiti (161).

ADA_023

L-adapter għandu jkun konformi mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/28/KE (*) li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 72/245/KEE, , għall-finijiet tal-adattament tagħhom għall-progress tekniku, marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika, u għandu jkun protett minn skarigi elettrostatiċi u transjenti (162).

4.6.   Il-Materjali

ADA_024

L-adapter għandu jilħaq il-grad ta' protezzjoni (TBD mill-manifatturi, skont il-pożizzjoni tal-installazzjoni) (164, 165).

ADA_025

Il-kulur tal-kaxxa ta’ barra tal-adapter għandu jkun isfar.

4.7.   Il-Marki

ADA_026

Għandha tkun imwaħħla plakka deskrittiva mal-adapter u turi d-dettalji li ġejjin (169):

l-isem u l-indirizz tal-manifattur tal-adapter,

in-numru tal-part mill-manifattur u s-sena tal-manifattura tal-adapter,

il-marka ta' approvazzjoni tat-tip ta' adapter jew tat-tip tal-apparat ta' reġistrar li jinkludi l-adapter,

id-data meta kien installat l-adapter,

in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura li fuqha kien installat.

ADA_027

Il-plakka deskrittiva għandha wkoll turi d-dettalji li ġejjin (jekk ma jinqrawx direttament minn barra fuq is-sonda inkorporata taċ-ċaqliq):

l-isem tal-manifattur tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq,

in-numru tal-parti tal-manifattur u s-sena tal-manifatturar tas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq,

il-marka tal-approvazzjoni għas-sonda inkorporata taċ-ċaqliq.

5.   L-INSTALLAZZJONI TAL-APPARAT TA' REĠISTRAZZJONI META JINTUŻA ADAPTER

5.1.   L-Installazzjoni

ADA_028

L-adapters li għandhom ikunu mwaħħla mal-vetturi għandhom ikunu mgħoddija biss lill-manifatturi tal-vetturi, jew lill-workshops approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u awtorizzati sabiex jinstallaw, jattivaw u jikkalibraw it-takografi diġitali.

ADA_029

Il-workshop approvat għall-installazzjoni tal-adapter għandu jirranġa l-interfaċċja tal-input u jagħżel id-diviżjoni tal-proporzjon tas-sinjal tal-input (jekk huwa applikabbli).

ADA_030

Il-workshop approvat għall-installazzjoni tal-adapter għandu jissiġilla l-kaxxa tal-adapter.

ADA_031

L-adapter għandu jitwaħħal kemm jista' jkun viċin tal-parti tal-vettura li tipprovdi il-pulsazzjonijiet li deħlin.

ADA_032

Il-kejbils li jipprovdu l-provvista tal-elettriku għall-adapter għandhom ikunu aħmar (il-provvista pożittiva) u iswed (l-ert).

5.2.   Is-siġillar

ADA_033

Għandhom japplikaw il-ħtiġijiet tas-siġillar li ġejjin:

il-kaxxa tal-adapter għandha tkun issiġillata (ara ADA_017),

il-kaxxa tas-sonda inkorporata għandha tkun issiġillata mal-kaxxa tal-adapter, sakemm mhuwiex possibbli li titneħħa s-sonda inkorporata mingħajr t-tkissir tas-siġill(i) tal-kaxxa tal-adapter (ara ADA_018),

il-kaxxa tal-adapter għandha tkun issiġillata mal-vettura,

il-konnessjoni bejn l-adapter u l-apparat li jipprovdi il-pulsazzjonijiet li deħlin għandha tkun issiġillata miż-żewġt itruf (sal-limitu ta' dak li huwa raġjonevolment possibbli).

6.   IL-KONTROLLI, L-ISPEZZJONIJIET U T-TISWIJIET

6.1.   L-Ispezzjonijiet perjodiċi

ADA_034

Meta jintuża adapter, kull spezzjoni perjodika (spezzjoni perjodika tfisser skont ir-Rekwiżit 256 sar-Rekwiżit 258 tal-Kapitolu VI tal-Anness 1B) tal-apparat ta' reġistrar għandha tinkludi l-kontrolli li ġejjin (257):

li l-adapter għandu l-marki xierqa tal-approvazzjoni tat-tip,

li s-siġilli fuq l-adapter u l-konnessjonijiet tiegħu mhumiex mbagħbsa,

li l-adapter huwa installat kif indikat fuq il-plakka tal-installazzjoni,

li l-adapter huwa installat kif speċifikat mill-manifattur tal-adapter u/jew il-manifattur tal-vettura,

li l-muntaġġ tal-adapter huwa awtorizzat għall-vettura spezzjonata.

7.   L-APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-APPARAT TA' REĠISTRAZZJONI META JINTUŻA ADAPTER

7.1.   Il-Punti ġenerali

ADA_035

L-apparat ta' reġistrar għandu jkun sottomess għall-approvazzjoni tat-tip komplut, mal-adapter (269).

ADA_036

Kwalunkwe adapter jista' jkun sottomess għall-approvazzjoni tat-tip tiegħu, jew għall-approvazzjoni tat-tip bħala parti mill-apparat ta' reġistrar.

ADA_037

L-approvazzjoni tat-tip bħal din għandha tinkludi t-testijiet tal-funzjonalità li jinvolvu l-adapter. Ir-riżultati pożittivi għal kull wieħed minn dawn it-testijiet huma ddikjarati b'ċertifikat xieraq (270).

7.2.   Iċ-Ċertifikat funzjonali

ADA_038

Iċ-ċertifikat funzjonali ta' adapter jew ta' apparat ta' reġistrar li jinkludi adapter għandu jkun mgħoddi lill-manifattur tal-adapter wara biss li jkun għadda b'suċċess mit-testijiet minimi kollha tal-funzjonalità li ġejjin.

Nru

Test

Deskrizzjoni

Il-ħtiġijiet relatati

1.

L-eżami amministrattiv

1.1.

Id-Dokumentazzjoni

Il-korrettezza tad-dokumentazzjoni tal-adapater

 

2.

L-ispezzjoni viżwali

2.1.

Il-konformità tal-adapter mad-dokumentazzjoni

 

2.2.

L-identifikazzjoni / il-marki tal-adapter

ADA_026, ADA_027

2.3.

Il-materjali tal-adapter

163 sa 167

ADA_025

2.4.

Is-siġillar

ADA_017, ADA_018, ADA_035

3.

It-testijiet funzjonali

3.1.

Il-mogħdija tal-pulsazzjonijiet tal-veloċità lis-sonda inkorporata taċ-ċaqliq

ADA_013

3.2.

L-Interfaċċjar u l-addattament tal-pulsazzjonijiet tal-veloċità li deħlin

ADA_011, ADA_012

3.3.

Il-miżura taċ-ċaqliq korretta

022 sa 026

4.

It-testijiet ambjentali

4.1.

Ir-riżultati tat-test tal-manifattur

Ir-riżultati tat-testijiet ambjentali tal-manifattur.

ADA_020, ADA_021, ADA_022, ADA_023, ADA_024

5.

EMC

5.1.

L-emissjonijiet irradjati u s-suxxetibilità

Tkun ivverifikata l-konformità mad-Direttiva 2006/28/KE

ADA_023

5.2.

Ir-riżultati tat-test tal-manifattur

Ir-riżultati tat-testijiet ambjentali tal-manifattur.

ADA_023


(*)  GU L 65, 7.3.2006, p. 27.


Top