Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0033

Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 120, 15.5.2009, pp. 5–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/33/oj

15.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/5


DIRETTIVA 2009/33/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Ir-riżorsi naturali, li tagħhom l-Artikolu 174(1) tat-Trattat jesiġi t-tfittxija għall-użu għaqli u razzjonali, jinkludu ż-żejt, li huwa r-riżors prinċipali ta’ enerġija fl-Unjoni Ewropea, iżda huwa wkoll sors ewlieni ta’ emissjonijiet li jniġġsu.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2001 imsejħa “Ewropa Sostenibbli għal Dinja Aħjar: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli”, ippreżentata lill-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001, identifikat l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra u t-tniġġis ikkawżat mit-trasport fost l-ostakli prinċipali għall-iżvilupp sostenibbli.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 talulju 2002 li tistipula s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Ambjent tal-Komunità (4) tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ miżuri speċifiċi biex jittejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u għall-integrazzjoni ta’ għanijiet fir-rigward tat-tibdil fil-klima f’linji politiċi tat-trasport u l-enerġija, kif ukoll il-ħtieġa li jittieħdu miżuri speċifiċi fis-settur tat-trasport li jindirizzaw l-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett tas-serra.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 bl-isem “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” ipproponiet impenn min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex sal-2020 tikseb tnaqqis ta’ mill-inqas 20 % mill-gassijiet b’effett tas-serra meta mqabbel mal-1990. Addizzjonalment, ġew proposti miri vinkolanti għal iktar titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija, livell ta’ 20 % tal-enerġija rinnovabbli u sehem ta’ 10 % ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport fil-Komunità sal-2020, fost l-oħrajn biex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija billi jiġu ddiversifikati t-taħlitiet tal-karburant.

(5)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: Inwettqu l-Potenzjal” ħabbret li l-Kummissjoni ser tkompli tipprova tiżviluppa, permezz tal-akkwist pubbliku u billi tqanqal il-kuxjenza pubblika, swieq għal vetturi li jkunu aktar nodfa, proġettati b’mod aktar intelliġenti, aktar sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(6)

Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-White Paper tal-Kummissjoni tal-2001 dwar it-Trasport “Inżommu lill-Ewropa miexja – il-Mobbiltà sostenibbli għall-kontinent tagħna”, tat-22 ta’ Ġunju 2006, ħabbret li l-Unjoni se tistimola l-innovazzjoni li tippreżerva l-ambjent, b’mod partikolari permezz ta’ standards Ewropej suċċessivi ta’ emissjoni (normi EURO) u permezz tal-promozzjoni ta’ vetturi nodfa abbażi tal-akkwist pubbliku.

(7)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Frar 2007 intitolata “Riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali ħfief”, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija komprensiva ġdida li permezz tagħha l-Unjoni tkun tista’ tilħaq l-għan tagħha ta’ 120 g/km għall-emissjonijiet ta’ CO2 mill-karozzi ġodda tal-passiġġieri sal-2012. Ġie propost qafas leġiżlattiv biex jiżgura t-titjib teknoloġiku tal-vetturi. Miżuri komplementari għandhom jippromwovu x-xiri ta’ vetturi effiċjenti fl-użu tal-karburant.

(8)

Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar it-Trasport Urban tal-25 ta’ Settembru 2007 imsejħa “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” tinnota l-appoġġ tal-partijiet interessati għall-promozzjoni tad-dħul fis-suq ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku li jirrispettaw l-ambjent. Din il-Green Paper tipproponi li approċċ possibbli jista’ jiġi bbażat fuql-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni bl-applikazzjoni tal-ispejjeż tul il-ħajja tal-vettura għall-konsum tal-enerġija, għall-emissjonijiet tas-CO2 u għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu marbuta mal-użu tal-vetturi li jkunu se jinxtraw bħala kriterji tal-għoti ta’ kuntratt tal-akkwist, minbarra l-prezz tal-vettura. Barra minn hekk, l-akkwist pubbliku jista’ jagħti prefenza lil standards EURO ġodda. L-użu aktar bikri ta’ vetturi aktar nodfa jista’ konsegwentement itejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani.

(9)

Ir-rapport tat-12 ta’ Diċembru 2005 tal-Grupp ta’ livell Għoli CARS 21 appoġġa l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bil-kundizzjoni li jittieħed approċċ integrat li jinvolvi l-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri taż-żejt u tal-karburant, min isewwi, klijenti jew sewwieqa u l-awtoritajiet pubbliċi li jkun teknoloġikament newtrali u bbażat fuq il-prestazzjoni.

(10)

Il-Grupp ta’ livell Għoli dwar il-kompetittività, l-enerġija u l-ambjent, fir-rapport tiegħu tas-27 ta’ Frar 2007, irrakkomanda li l-akkwist privat u l-akkwist pubbliku għandhom iqisu l-ispejjeż tal-vetturi tul ħajjithom kollha b’enfażi fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri u l-Komunità għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw gwida għall-akkwist pubbliku dwar avvanz minn sistema ta’ sejħiet għall-offerti bl-irħas prezz għall-akkwist ta’ prodotti intermedji aktar sostenibbli b’konsistenza mad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (5) u mad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 dwar kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (6).

(11)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tistimula s-suq għall-vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u b’mod speċjali – billi din se jkollha impatt ambjentali sostanzjali – li tinfluwenza s-suq għall-vetturi standardizzati li jiġu prodotti fi kwantitajiet akbar bħal karozzi tal-passiġġieri, xarabanks, coaches u trakkijiet, billi tiżgura livell ta’ domanda għal vetturi tat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jkun sostanzjali biżżejjed biex iħeġġeġ lill-manifatturi u lill-industrija biex jinvestu f’vetturi b’konsum baxx tal-enerġija, b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2 u b’emissjonijiet baxxi ta’ sustanzi li jniġġsu u biex jiżviluppaw aktar dawn il-vetturi.

(12)

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kontraenti nazzjonali, reġjonali jew lokali u lill-entitajiet u operaturi kontraenti li jipprovdu servizzi tat-trasport pubbliku lill-passiġieri dwar id-dispożizzjonijiet relatati max-xiri ta’ vetturi għat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(13)

Fil-bidu, il-prezz tal-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ikun ogħla minn dak ta’ vetturi konvenzjonali. Il-ħolqien ta’ domanda suffiċjenti għal dan it-tip ta’ vetturi jista’ jiżgura li l-ekonomizzazzjoni miksuba fuq skala kbira twassal għal tnaqqis fl-ispiża.

(14)

Din id-Direttiva tindirizza l-ħtieġa li jiġi provdut appoġġ lill-Istati Membri permezz tal-faċilitazzjoni u strutturazzjoni tal-iskambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika għall-promozzjoni tax-xiri ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(15)

L-akkwist ta’ vetturi għas-servizzi ta’ trasport pubbliku jista’ jagħmel impatt sinifikanti fuq is-suq jekk jintużaw kriterji armonizzati fil-livell Komunitarju.

(16)

L-akbar impatt fuq is-suq, flimkien mal-aħjar rizultat tar-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċji, jinkiseb permezz tal-inklużjoni obbligatorja tal-ispejjeż tal-vetturi tul ħajjithom fuq il-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet ta’ CO2, u emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, bħala kriterji tal-għoti fl-akkwist ta’ vetturi għal servizzi ta’ trasport pubbliku.

(17)

Konformement mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE u tad-Direttiva 2004/18/KE u b’rispett sħiħ tal-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ dawn id-Direttivi, din id-Direttiva għandha tkopri l-vetturi ta’ trasport fuq it-triq mixtrija minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti, irrispettivament minn jekk dawn l-awtoritajiet u l-entitajiet ikunux pubbliċi jew privati. Barra minn hekk, din id-Direttiva għandha tkopri x-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq użati għat-twettiq ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku, waqt li tippermetti li l-Istati Membri jeskludu xiri minuri bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn.

(18)

Konformement mad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (7) u bl-għan li jiġi evitat piż amministrattiv mhux dovut, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-awtoritajiet u lill-operaturi mir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva meta jixtru vetturi mfassla u mibnija għal użu speċjali.

(19)

Din id-Direttiva għandha tipprovdi għal sensiela ta’ għażliet sabiex jittieħed kont tal-impatti enerġetiċi u ambjentali. Dan jippermetti lill-awtoritajiet u lill-operaturi li diġà żviluppaw metodi mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-kundizzjonijiet lokali li jkomplu japplikaw dawk il-metodi.

(20)

L-inklużjoni tal-konsum tal-enerġija, l-emissjonijiet tas-CO2, u emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu fil-kriterji tal-għoti ma timponix spejjeż totali ogħla, anzi, tantiċipa l-ispejjeż tal-vetturi tul ħajjithom fid-deċiżjoni tax-xiri. Filwaqt li jikkomplementa l-leġiżlazzjoni dwar l-Euro Norms, li tistabbilixxi l-limiti massimi ta’ emissjoni, dan l-approċċ jikkwantifika l-emissjoni attwali tas-sustanzi li jniġġsu fi flus u ma jeħtieġ ebda aġġustament addizzjonali tal-istandards.

(21)

Fl-osservanza tar-rekwiżit li jittieħed kont tal-impatti enerġetiċi u ambjentali billi jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi, l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi huma mħeġġa biex jistabbilixxu speċifikazzjonijiet ta’ prestazzjoni enerġetika u ambjentali talivell ogħla minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’kont meħud pereżempju tal-Euro Norms li huma diġà adottati iżda li għadhom ma sarux obbligatorji.

(22)

L-Istudju ExternE (8), il-Programm tal-Kummissjoni għal Arja Nadifa għall-Ewropa (CAFE) (9), u l-Istudju HEATCO (10) lkoll taw informazzjoni dwar spejjeż minħabba emissjonijiet ta’ CO2, ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx), ta’ idrokarburi li ma jkunux tal-metanu (NMHC), u ta’ materja partikulata. Biex il-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt tibqa’ sempliċi, l-ispejjeż jitqiesu abbażi tal-valur attwali.

(23)

Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi firxa għall-ispejjeż tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet li jniġġsu li, fuq naħa waħda, tippermetti flessibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi biex iqisu s-sitwazzjoni lokali tagħhom, u, fuq in-naħa l-oħra, tiżgura livell xieraq ta’ armonizzazzjoni.

(24)

L-applikazzjoni obbligatorja ta’ kriterji għall-akkwist ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija ma teskludix l-inklużjoni ta’ kriterji oħra rilevanti għall-għoti tal-kuntratt. L-anqas ma timpedixxi l-għażla ta’ vetturi li jiġu sussegwentement mmodifikati għal rendiment ambjentali aħjar. Dawn il-kriterji rilevanti oħrajn għall-għoti ta’ kuntratt jistgħu jiġu inklużi fil-kuntratti ta’ akkwist suġġett għad-Direttiva 2004/17/KE jew għad-Direttiva 2004/18/KE, sakemm dawn ikunu marbuta mal-oġġett tal-kuntratt, ma jagħtux libertà tal-għażla bla restrizzjonijiet lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontreanti, jissemmew espressament u josservaw il-prinċipji fundamentali tat-Trattat.

(25)

Il-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż operattivi tul il-ħajja ta’ vettura minħabba emissjonijiet li jniġġsu għall-finijiet ta’ deċiżjonijiet dwar l-akkwist ta’ vettura, inklużi l-valuri numeriċi definiti f’din id-Direttiva, ma jippreġudikax leġiżlazzjoni Komunitarja oħra li tindirizza l-ispejjeż esterni.

(26)

L-eżami u r-reviżjoni tal-metodu tal-kalkolu definiti f’din id-Direttiva għandhom iqisu l-miżuri leġiżlattivi Komunitarji rilevanti relatati u għandhom jimmiraw għal konsistenza magħhom.

(27)

Il-kriterji enerġitiċi u ambjentali għall-għoti ta’ kuntratt għandhom ikunu fost il-bosta kriterji għall-għoti li jiġu meqjusa mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti meta jintalbu biex jieħdu deċiżjoni rigward l-akkwist ta’ vetturi tat-trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(28)

Din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti milli jagħtu preferenza lill-aħħar Euro Norms fix-xiri ta’ vetturi għas-servizzi ta’ trasport pubbliku minn qabel ma dawk l-istandards isiru obbligatorji. M’għandhiex ukoll iżżomm lill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti milli jagħtu preferenza lil karburanti alternattivi, pereżempju idroġenu, gass taż-żejt fi stat likwidu (LPG), gass naturali kkumpressat (CNG) u bijokarburanti, sakemm jittieħed kont tal-impatti enerġitiċi u ambjentali ta’ tul il-ħajja tal-vettura.

(29)

Għandhom jiġu żviluppati proċeduri ta’ testijiet standardizzati tal-Komunità għal aktar kategoriji ta’ vetturi sabiex jitjiebu l-komparabbiltà u t-trasparenza tad-data tal-manifattur. Il-manifatturi għandhom jiġu mħeġġa li jipprovdu data dwar il-konsum totali tal-enerġija ta’ tul il-ħajja tal-vettura, dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u dwar l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu.

(30)

Il-possibbiltà ta’ appoġġ pubbliku għax-xiri ta’ vetturi tat-trasport nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inklużi l-installazzjoni sussegwenti fuq dawn il-vetturi ta’ magni u partijiet ta’ rikambju, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ambjentali obbligatorji, hija rikonoxxuta fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (11) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni konformement mal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) (12). F’dan il-kuntest, il-linji gwida inklużi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida Komunitarji dwar Għajnuniet mill-Istat għall-Impriżi Ferrovjarji” (13), partikolarment in-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna għall-punt 34 u n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna għall-punt 36, huma wkoll rilevanti. Madankollu, ir-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari l-Artikoli 87 u 88 tiegħu, għandhom ikomplu japplikaw għal dan l-appoġġ pubbliku.

(31)

Il-possibbiltà ta’ appoġġ pubbliku favur il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastrutturi meħtieġa għad-distribuzzjoni ta’ karburanti alternattivi hija rikonoxxuta fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent. Madankollu, ir-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari, l-Artikoli 87 u 88 tiegħu, għandhom ikomplu japplikaw għal dan l-appoġġ pubbliku.

(32)

Ix-xiri ta’ vetturi tat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija joffri opportunità għall-bliet li jixtiequ jippromwovu l-kuxjenza ambjentali tagħhom. F’dan il-kuntest huwa importanti li jkun hemm żvelar fuq l-Internet tat-tagħrif dwar l-akkwist pubbliku taħt din id-Direttiva.

(33)

Għandha tiġi mħeġġa l-pubblikazzjoni fuq l-Internet tat-tagħrif kollu relatat mal-istrumenti finanzjarji disponibbli fl-Istati Membri għall-mobbiltà urbana u għall-promozzjoni ta’ vetturi għat-trasport tat-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(34)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (14).

(35)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħa biex tadatta d-data abbażi tal-inflazzjoni u tal-progress tekniku għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vetturi tat-trasport fuq it-triq. Billi dawn il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, jeħtieġ li dawn jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(36)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi promoss u stimulat is-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jitjieb il-kontribut tas-settur tat-trasport għal-linji politiċi ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tal-Komunità, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, sabiex tinkiseb il-massa kritika ta’ vetturi meħtieġa biex l-iżvilupp tagħhom mill-industrija Ewropea jkun ekonomikament effiċjenti, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(37)

L-Istati Membri u l-Kumissjoni għandhom ikomplu jippromwovu vetturi tat-trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. F’dan il-kuntest, il-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali, kif definiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 talulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (15), jista’ jkollhom rwol importanti. Barra minn hekk, il-programmi tal-Komunità bħas-Civitas u l-Enerġija Intelliġenti - Ewropa jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-mobbiltà urbana filwaqt li jnaqqsu l-effetti negattivi tagħha.

(38)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar (16), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u għanijiet

Din-Direttiva teħtieġ lill-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti kif ukoll ċerti operaturi, iqisu l-impatti enerġetiċi u ambjentali ta’ tul il-ħajja, inkluż il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ CO2 u ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu, meta jkunu qed jixtru vetturi ta’ trasport fuq it-triq, bl-għanijiet li jiġi promoss u stimulat is-suq għal vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jitjieb il-kontribut tas-settur tat-trasport għal-linji politiċi ambjentali, klimatiċi u enerġetiċi tal-Komunità.

Artikolu 2

Eżenzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva kuntratti għax-xiri ta’ vetturi msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2007/46/KE, li ma jkunux suġġetti għal approvazzjoni tat-tip jew approvazzjoni individwali fit-territorju tagħhom.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kuntratti għax-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq minn:

(a)

awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti sa fejn dawn ikollhom l-obbligu li japplikaw il-proċeduri ta’ akkwist previsti fid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE;

(b)

operaturi għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (17) b’mod li jisboq il-limitu li għandu jiġi definit mill-Istati Membri liema limitu m’għandux jisboq il-valuri talimitu kif previst fid-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1)

“awtoritajiet kontraenti” tfisser awtoritajiet kontraenti kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE u fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE;

(2)

“entitajiet kontraenti” tfisser entitajiet kontraenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/17/KE;

(3)

“vettura ta’ trasport fuq it-triq” tfisser vettura koperta mill-kategoriji tal-vetturi elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness.

Artikolu 5

Xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-4 ta’ Diċembru 2010, l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi kollha msemmija fl-Artikolu 3, meta jixtru vetturi ta’ trasport fuq it-triq, iqisu l-impatti enerġetiċi u ambjentali ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vettura kif previst fil-paragrafu 2 u japplikaw għall-inqas waħda mill-għażliet previsti fil-paragrafu 3.

2.   L-impatti operattivi enerġetiċi u ambjentali li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu għall-inqas dawn li ġejjin:

(a)

konsum tal-enerġija;

(b)

emissjonijiet ta’ CO2; u

(ċ)

emissjonijiet ta’ NOx, ta’ NMHC u ta’ materja partikulata.

Barra mill-impatti operattivi enerġetiċi u ambjentali msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi jistgħu wkoll jikkunsidraw impatti ambjentali oħrajn.

3.   Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu sodisfatti konformement mal-għażliet li ġejjin:

(a)

billi jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-prestazzjoni enerġetika u ambjentali fid-dokumentazzjoni għax-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq dwar kull waħda mill-impatti kkunsidrati, kif ukoll kwalunkwe impatt ambjentali addizzjonali; jew

(b)

billi jiġu inklużi l-impatti enerġetiċi u ambjentali fid-deċiżjoni dwar xiri, fejn:

f’każijiet fejn tiġi applikata proċedura ta’ akkwist, dan għandu jsir billi jintużaw dawn l-impatti bħala kriterji għall-għoti tal-kuntratt; u

f’każijiet fejn dawn l-impatti jiġu stmati fi flus għall-inklużjoni fid-deċiżjoni ta’ xiri, għandha tintuża metodoloġija armonizzata prevista fl-Artikolu 6.

Artikolu 6

Metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vettura

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 5(3)(b), it-tieni inċiż, l-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva għall-konsum tal-enerġija, kif ukoll għall-emissjonijiet ta’ CO2 u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu kif previst fit-Tabella 2 tal-Anness, li huma marbuta mat-tħaddim tal-vetturi li jinxtraw għandhom jiġu stmati fi flus u kkalkulati bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fil-punti li ġejjin:

(a)

L-ispejjeż tal-konsum operattiv ta’ enerġija tal-vettura tul ħajjitha għandu jiġi kkalkulat bl-użu ta’ din il-metodoloġija:

il-konsum ta’ karburant għal kull kilometru minn vettura taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jingħadd f’unitajiet ta’ konsum tal-enerġija għal kull kilometru, kemm jekk dan jingħata b’mod dirett kif huwa l-każ pereżempju għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, kif ukoll jekk le. Meta l-konsum tal-karburant ikun preżentat f’unitajiet differenti, dan għandu jiġi msarraf f’konsum ta’ enerġija għal kull kilometru, bl-użu tal-fatturi ta’ konverżjoni kif previst fit-Tabella 1 tal-Anness għall-kontenut ta’ enerġija tad-diversi karburanti;

għandu jintuża valur monetarju uniku għal kull unità ta’ enerġija. Dan il-valur uniku għandu jkun anqas mill-prezz mingħajr taxxa għal kull unità ta’ enerġija tal-petrol jew diesel meta użat bħala karburant għat-trasport;

l-ispiża ta’ tul il-ħajja tal-konsum operattiv ta’ enerġija ta’ vettura għandha tiġi kkalkulata billi l-kilometraġġ ta’ tul il-ħajja jiġi mmultiplikat, u fejn meħtieġ filwaqt li jitqies il-kilometraġġ diġà mwettaq, konformement mal-paragrafu 3 bil-konsum ta’ enerġija għal kull kilometru skont l-ewwel inċiż ta’ dan il-paragrafu, u bl-ispiża għal kull unità ta’ enerġija skont it-tieni inċiż ta’ dan il-punt.

(b)

L-ispiża operattiva ta’ tul il-ħajja għall-emissjonijiet ta’ CO2 ta’ vettura għandha tiġi kkalkulata billi l-kilometraġġ ta’ tul il-ħajja jiġi mmultiplikat, u fejn meħtieġ filwaqt li jitqies il-kilometraġġ diġà magħmul, taħt il-paragrafu 3 bl-emissjonijiet ta’ CO2 f’kilogrammi għal kull kilometru taħt il-paragrafu 2, u bl-ispiża għal kull kilogramm meħuda mill-iskala kif previst fit-Tabella 2 tal-Anness.

(ċ)

L-ispiża operattiva ta’ tul il-ħajja għall-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu, kif elenkati fit-Tabella 2 tal-Anness, ta’ vettura għandha tiġi kkalkulata billi jingħaddu flimkien l-ispejjeż ta’ tul il-ħajja għall-emissjonijiet ta’ NOx, ta’ NMHC u ta’ materja partikulata. L-ispiża ta’ tul il-ħajja għal kull sustanza li tniġġes għandha tiġi kkalkulata billi l-kilometraġġ ta’ tul il-ħajja jiġi mmultiplikat, fejn meħtieġ, filwaqt li jitqies il-kilometraġġ diġà magħmul, taħt il -paragrafu 3 bl-emissjonijiet fi grammi għal kull kilometru taħt il -paragrafu 2, u bl-ispiża għal kull gramm rispettiv. L-ispiża għandha tittieħed mill-valuri ta’ medja tal-Komunita’ stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness.

L-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi msemmijin fl-Artikolu 3 jistgħu japplikaw spejjeż ogħla sakemm dawn l-ispejjeż ma jisbqux il-valuri rilevanti stipulati fit-Tabella 2 tal-Anness multiplikati b’fattur ta’ 2.

2.   Il-konsum tal-karburant, kif ukoll l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu kif stipulat fit-Tabella 2 tal-Anness għal kull kilometru tat-tħaddim tal-vettura għandhom ikunu bbażati fuq proċeduri ta’ testijiet tal-Komunita’ standardizzati għall-vetturi li għalihom tali proċeduri ta’ testijiet huma definiti f’leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Komunita’. Għall-vetturi li m’humiex koperti minn proċeduri ta’ testijiet tal-Komunita’ standardizzati, il-komparabbiltà bejn offerti differenti għandha tiġi żgurata bl-użu ta’ proċeduri ta’ testijiet ġeneralment rikonoxxuti, jew tar-riżultati tat-testijiet tal-awtorità, jew ta’ informazzjoni fornita mill-manifattur.

3.   Il-kilometraġġ totali ta’ tul il-ħajja ta’ vettura, jekk ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandu jittieħed mit-Tabella 3 tal-Anness.

Artikolu 7

Adattamenti għall-progress tekniku

Il-Kummissjoni għandha tadatta d-data għall-kalkolu tal-ispejjeż ta’ tul il-ħajja operattiva tal-vetturi tat-trasport fuq it-triq kif previst fl-Anness għall-inflazzjoni u għall-progress tekniku. Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 8

Skambju tal-aħjar prattika

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita u tistruttura l-iskambju ta’ tagħrif u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri abbażi ta’ prattika għall-promozzjoni tax-xiri ta’ vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għat-trasport bit-triq mill-awtoritajiet kontraenti, entitajiet kontraenti u operaturi msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 9

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 10

Rappurtar u reviżjoni

1.   Kull sentejn, b’effett mill-4 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dwar l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istati Membri individwali biex jippromwovu x-xiri ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq li jkunu nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

2.   Dawk ir-rapporti għandhom jevalwaw l-effetti tad-Direttiva, speċjalment tal-għażliet imsemmija fl-Artikolu 5(3), u l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni, u jinkludu proposti kif meħtieġ.

F’dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tqabbel iċ-ċifri nominali u relattivi tal-vetturi mixtrija li jikkorrispondu mal-aqwa alternattiva tas-suq f’termini ta’ enerġija tul il-ħajja operattiva u tal-impatti ambjentali, f’kull waħda mill-kategoriji tal-vetturi elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness, mas-suq totali għal dawn il-vetturi, u tagħmel stima kif l-għażliet imsemmija fl-Artikolu 5(3) affettwaw is-suq. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għal iktar azzjoni u tinkludi proposti kif meħtieġ.

3.   Mhux aktar tard mid-data tal-ewwel rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina l-għażliet imsemmija fl-Artikolu 5(3), tippreżenta evalwazzjoni tal-metodoloġija stipulata fl-Artikolu 6, u tipproponi aġġustamenti adatti jekk meħtieġ.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-4 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’ tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)   ĠU C 195, 18.8.2006, p. 26.

(2)   ĠU C 229, 22.9.2006, p. 18.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2009.

(4)   ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(5)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(6)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(7)   ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(8)  Bickel, P., Friedrich R., ExternE. Externalities of Energy. Methodology 2005 update, Kummissjoni Ewropea, Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet, il-Lussemburgu, 2005.

(9)  Holland M., et al., (2005a). Methodology for the Cost-Benefit Analysis for CAFE: Volume 1: Overview of Methodology. AEA Technology Environment, Didcot, 2005.

(10)  Bickel, P., et al., HEATCO Deliverable 5. Proposal for Harmonised Guidelines, Stuttgart, 2006.

(11)   ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(12)   ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(13)   ĠU C 184, 22.7.2008, p. 13.

(14)   ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(15)   ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(16)   ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(17)   ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.


ANNESS

Data għall-kalkolu tal-ispejjeż operattivi esterni tal-ħajja operattiva tal-vetturi tat-trasport tat-triq

Tabella 1:   Il-kontenut ta’ enerġija ta’ karburanti tal-magni

Karburant

Il-kontenut ta’ enerġija

Diesel

36 MJ/litru

Petrol

32 MJ/litru

Gass Naturali/Biogass

33-38 MJ/Nm3

Gass tal-pitrolju likwifikat (LPG)

24 MJ/litru

Etanol

21 MJ/litru

Biodiesel

33 MJ/litru

Emulsjoni ta’ karburanti

32 MJ/litru

Idroġenu

11 MJ/Nm3


Tabella 2:   Spejjeż dovuti għall-emissjonijiet minn trasport tat-triq (prezzijiet tas-sena 2007):

CO2

NOx

NMHC

Materja partikulata

0,03-0,04 EUR/kg

0,0044 EUR/g

0,001 EUR/g

0,087 EUR/g


Tabella 3:   Għadd ta’ mili li l-vettura tat-trasport tat-triq tagħmel tul ħajjitha

Kategorija tal-vettura

(il-kategoriji M u N kif definiti fid-Direttiva 2007/46/KE)

Għadd ta’ mili li l-vettura tagħmel tul ħajjitha

Karozzi tal-passiġġieri (M1)

200 000 km

Vetturi kummerċjali ħfief (N1)

250 000 km

Vetturi kummerċjali tqal (N2, N3)

1 000 000 km

Karozzi tal-linja (M2, M3)

800 000 km


Top