EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009F0905
Council framework Decision 2009/905/JHA of 30 November 2009 on Accreditation of forensic service providers carrying out laboratory activities
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji
Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji
ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Adoption | 52009IG0728(02) |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Application extended by | 32016D0809 | Ir-Renju Unit | 21/05/2016 |
9.12.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 322/14 |
DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2009/905/ĠAI
tat-30 ta’ Novembru 2009
dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (c) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Isvezja u r-Renju ta' Spanja (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbiliet l-objettiv tagħha li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; għandu jiġi pprovdut livell għoli ta' sigurtà permezz ta' azzjoni komuni fost l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali. |
(2) |
Dak l-objettiv għandu jinkiseb bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità permezz ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li fuqhom l-Unjoni hi mibnija u li huma komuni għall-Istati Membri. |
(3) |
L-iskambju ta' informazzjoni u intelligence dwar il-kriminalità u l-attivitajiet kriminali huwa kruċjali sabiex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom il-possibbiltà li jipprevjenu, jikxfu u jinvestigaw b'suċċess il-kriminalità jew l-attivitajiet kriminali. Azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija skont l-Artikolu 30(1)(a) tat-Trattat timplika l-ħtieġa li tiġi pproċessata informazzjoni rilevanti li għandha tkun suġġetta għal dispożizzjonijiet adatti dwar il-protezzjoni ta' data personali. |
(4) |
L-iskambju intensifikat ta' informazzjoni rigward l-evidenza forensika u l-użu akbar ta' evidenza minn Stat Membru wieħed fil-proċessi ġudizzjarji ta' ieħor, jenfasizza il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards komuni għall-fornituri ta' servizzi forensiċi. |
(5) |
L-informazzjoni li toriġina minn proċessi forensiċi fi Stat Membru wieħed tista' attwalment tkun assoċjata ma' livell ta' inċertezza fi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-mod ta' kif element ikun ġie ttrattat, x'metodi ntużaw u kif ir-riżultati ġew interpretati. |
(6) |
Fil-punt 3.4 (h) tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta' The Hague dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2), l-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa għal definizzjoni tal-istandards ta' kwalità tal-laboratorji forensiċi sl-2008. |
(7) |
Huwa partikolarment importanti li jiġu introdotti standards komuni għall-fornituri ta' servizzi forensiċi relatati ma' data personali sensittiva bħal profili tad-DNA u data dattiloskopika. |
(8) |
Skont l-Artikolu 7(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (3), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-integrità tal-profili tad-DNA li jkunu saru disponibbli jew intbagħtu biex jitqabblu lil Stati Membri oħrajn u sabiex jiżguraw li dawn il-miżuri jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, bħall-EN ISO/IEC 17025 “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji tal-ittestjar u l-ikkalibrar” (minn hawn 'il quddiem “EN ISO/IEC 17025”). |
(9) |
Il-profili tad-DNA u d-data dattiloskopika ma jintużawx biss fi proċedimenti kriminali, iżda huma wkoll kruċjali għall-identifikazzjoni tal-vittmi, b'mod partikolari wara diżastri. |
(10) |
L-akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji huwa pass importanti lejn skambju aktar sikur u effettiv ta' informazzjoni forensika fi ħdan l-Unjoni. |
(11) |
L-akkreditament jingħata mill-korp nazzjonali ta' akkreditament li jkollu l-kompetenza esklużiva biex jivvaluta jekk laboratorju jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati. Korp ta' akkreditament jikseb l-awtorità tiegħu mill-Istat. Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (4) fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kompetenza ta' tali korpi nazzjonali ta' akkreditament. Fost l-oħrajn, l-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jirregola l-akkreditament transkonfinali f'każijiet fejn l-akkreditament jista' jintalab minn korp nazzjonali ta' akkreditament ieħor. |
(12) |
In-nuqqas ta' ftehim għall-applikazzjoni ta' standard komuni ta' akkreditament għall-analiżi ta' evidenza xjentifika huwa nuqqas li għandu jiġi rimedjat; huwa, għalhekk, meħtieġ li jiġi adottat strument legalment vinkolanti dwar l-akkreditament tal-fornituri kollha ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji. L-akkreditament joffri l-garanziji meħtieġa li l-attivitajiet tal-laboratorji jitwettqu skont l-istandards internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-EN ISO/IEC 17025, kif ukoll linji gwida applikabbli u rilevanti. |
(13) |
Standard ta' akkreditament jippermetti li kwalunkwe Stat Membru jitlob, jekk ikun jixtieq, standards komplimentarji f'attivitajiet tal-laboratorji fil-ġurisdizzjoni nazzjonali tiegħu. |
(14) |
L-akkreditament jgħin biex tiġi stabbilita fiduċja reċiproka fil-validità tal-metodi analitiċi bażiċi użati. Madankollu, l-akkreditament ma jindikax liema metodu għandu jintuża, iżda biss li l-metodu użat għandu jkun adatt għall-iskop tiegħu. |
(15) |
Kwalunkwe miżura meħuda barra laboratorju ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas. Pereżempju, it-teħid ta' data dattiloskopika jew miżuri li jittieħdu fuq il-post tal-inċident, il-post tar-reat jew analiżijiet forensiċi mwettqa barra mil-laboratorji mhumiex inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. |
(16) |
Din id-Deċiżjoni Qafas m'għandhiex l-għan li tarmonizza r-regoli nazzjonali fir-rigward tal-valutazzjoni ġudizzjarja tal-evidenza forensika. |
(17) |
Din id-Deċiżjoni ma taffettwax il-validità, stabbilita skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, tar-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin qabel l-implimentazzjoni tagħha, anki jekk il-fornitur ta' servizzi forensiċi ma kienx akkreditat li jikkonforma mal-EN ISO/IEC 17025, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:
Artikolu 1
Għan
1. L-għan ta' din id-Deċiżjoni Qafas huwa li jiġi żgurat li r-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin minn fornituri ta' servizzi forensiċi akkreditati fi Stat Membru wieħed jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali bħala ugwalment affidabbli daqs ir-riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji mwettqin minn fornituri ta' servizzi forensiċi akkreditati għall-EN ISO/IEC 17025 fi ħdan kwalunkwe Stat Membru ieħor.
2. Dan l-għan jinkiseb billi jiġi żgurat li l-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji jiġu akkreditati minn korp ta' akkreditament nazzjonali bħala li jikkonformaw mal-EN ISO/IEC 17025.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-attivitajiet tal-laboratorji li jirriżultaw fi:
(a) |
profil tad-DNA; u |
(b) |
data dattiloskopika. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas:
(a) |
“attività tal-laboratorji” tfisser kwalunkwe miżura li tittieħed f'laboratorju meta traċċi fuq oġġetti jkunu qed jiġu lokalizzati u rkuprati, kif ukoll meta tiġi żviluppata, analizzata u interpretata evidenza forensika, bil-ħsieb li jingħataw opinjonijiet esperti jew li tiġi skambjata evidenza forensika; |
(b) |
“riżultati tal-attivitajiet tal-laboratorji” tfisser kwalunkwe riżultat analitiku u interpretazzjoni direttament assoċjata; |
(c) |
“fornitur ta' servizzi forensiċi” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni, pubblika jew privata, li twettaq attivitajiet forensiċi fil-laboratorju fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi jew dawk ġudizzjarji; |
(d) |
“korp ta' akkreditament nazzjonali” tfisser l-uniku korp fi Stat Membru li jwettaq akkreditament b'awtorità derivata mill-Istat kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 765/2008; |
(e) |
“profil tad-DNA” tfisser kodiċi b'ittri jew b'ċifri li jirrappreżenta sett ta' karatteristiċi ta' identifikazzjoni tal-parti non-kodifikanti ta' kampjun analizzat ta' DNA uman, jiġifieri l-istruttura molekulari partikolari fid-diversi pożizzjonijiet (loci) tad-DNA; |
(f) |
“data dattiloskopika” tfisser immaġini ta' marki tas-swaba', immaġini ta' marki tas-swaba' moħbijin, marki tal-pala tal-id, marki tal-pala tal-id moħbijin u mudelli ta' tali immaġni (dettalji żgħar kodifikati). |
Artikolu 4
Akkreditament
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tagħhom ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji jiġu akkreditati minn korp ta' akkreditament nazzjonali bħala li jikkonformaw mal-EN ISO/IEC 17025.
Artikolu 5
Rikonoxximent tar-riżultati
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-riżultati tal-fornituri akkreditati ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji fi Stati Membri oħrajn jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet tiegħu responsabbli għall-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta' reati kriminali bħala ugwalment affidabli daqs ir-riżultati tal-fornituri domestiċi ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji akkreditati għall-EN ISO/IEC 17025.
2. Din id-Deċiżjoni Qafas ma taffettwax ir-regoli nazzjonali dwar il-valutazzjoni ġudizzjarja tal-evidenza.
Artikolu 6
Spejjeż
1. Kull Stat Membru għandu jħallas kwalunkwe spiża pubblika li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni Qafas f'konformità mal-arranġamenti nazzjonali.
2. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-mezzi biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal proġetti nazzjonali u transnazzjonali maħsubin biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas, fost l-oħrajn għall-iskambju ta' esperjenza, id-disseminazzjoni ta' kompetenzi u l-ittestjar tal-profiċjenza.
Artikolu 7
Implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tal-profili tad-DNA sat-30 ta’ Novembru 2013.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Qafas fir-rigward tad-data dattiloskopika sat-30 ta’ Novembru 2015.
3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skont din id-Deċiżjoni Qafas sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2016.
4. Abbażi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 u ta' informazzjoni oħra pprovduta mill-Istati Membri fuq talba, il-Kummissjoni għandha, qabel l-1 ta’ Lulju 2018, tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Qafas.
5. Il-Kunsill għandu, sa tmiem l-2018, jivvaluta safejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw ma' din id-Deċiżjoni Qafas.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.
Ghall-Kunsill
Il-President
B. ASK
(1) ĠU C 174, 28.7.2009, p. 7.
(2) ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.
(3) ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12.
(4) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.