Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0470

    2009/470/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (Verżjoni kodifikata)

    ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2014; Imħassar b' 32014R0652

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/470/oj

    18.6.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 155/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-25 ta' Mejju 2009

    dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju

    (Verżjoni kodifikata)

    (2009/470/KE)

    IL-KUNSILL TAl-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Deċiżjoni għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw minn annimali jidhru fuq il-lista tal-Anness I tat-Trattat. Trobbija ta’ annimali ħajjin u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li joriġinaw minn annimali huma sors ta’ dħul għal parti kbira tal-popolazzjoni agrikola.

    (3)

    L-iżvilupp razzjonali ta’ dak is-settur u t-titjib fil-produttività tiegħu jistgħu jkunu miksuba bl-implimentazzjoni ta’ miżuri veterinarji mmirati lejn il-protezzjoni u ż-żieda fil-livell tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali fil-Komunità.

    (4)

    Biex jintlaħaq dan l-iskop hemm bżonn li l-Komunità tipprovdi għajnuna għall-azzjonijiet li jittieħdu jew maħsuba li ser jittieħdu.

    (5)

    Il-Komunità għandha tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja lejn il-qerda, kemm jista’ jkun malajr, ta’ kull tixrid ta’ mard infettiv serju.

    (6)

    Huwa wkoll neċessarju li tiġi pprevenuta u mnaqqsa, b’miżuri approprjati ta’ kontroll, il-preżenza ta’ żoonosijiet li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

    (7)

    Fid-dawl tal-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal- 24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għal annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (4), il-kontribut finanzjarju Komunitarju għandu jingħata wkoll għal miżuri ta’ qerda mwettqa mill-Istati Membri sabiex jiġġieldu mard ieħor fl-annimali tal-akkwakultura, suġġett għad-dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ kontroll.

    (8)

    Il-kontributi finanzjarji Komunitarji għall-finijiet ta’ kontroll tal-mard fl-annimali tal-akkwakultura għandu jkun suġġett għal skrutinju dwar il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ kontroll stipulati fid-Direttiva 2006/88/KE, skont l-istess proċeduri bħal dawk li japplikaw għal tali skrutinju u kontroll għal ċertu mard ta’ annimali tal-art.

    (9)

    Il-funzjonament tas-suq intern jeħtieġ strateġija ta’ kontroll li tikkonnota sistema ta’ kontroll għall-prodotti li ġejjin minn pajjiżi terzi. Jidher li hu xieraq li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija billi tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-bidu u l-iżvilupp ta’ din l-istrateġija.

    (10)

    L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali li jikkonċernaw mal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku, il-protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-protezzjoni tal-annimali tippresupponi li l-Komunità taħtar laboratorji ta’ kollegament u ta’ riferenza u li jittieħdu azzjonijiet tekniċi u xjentifiċi. Jidher li hu xieraq li l-Komunità tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja. Fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali b’mod partikolari, huwa mixtieq li tinħoloq database biex tinġabar, tiġi ppreżervata u tixxerred kull informazzjoni neċessarja.

    (11)

    L-attivitajiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni huma meħtieġa sabiex jippermettu żvilupp u implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali u tas-sigurtà tal-ikel. Barra minn hekk, hemm ħtieġa urġenti ta’ disseminazzjoni b’mod wiesa’ kemm jista’ jkun fil-Komunità kollha ta’ informazzjoni rigward il-leġislazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel. Huwa għalhekk mixtieq li jkun inkluż fil-finanzjament tal-politika ta’ informazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-annimali s-saħħa tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

    (12)

    Il-miżuri Komunitarji għall-qerda ta’ ċertu mard tal-annimali diġà jikkwalifika għal għajnuna finanzjarja Komunitarja. Id-dispożizzjonijiet konċernati jinkludu dawk adottati bid-Direttiva tal-Kunsill 77/391/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-qerda tal-bruċellożi, it-tuberkulożi u l-lewkożi fl-ifrat (5); id-Direttiva tal-Kunsill 82/400/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1982 li emendat id-Direttiva 77/391/KEE u li tintroduċi miżura supplementari tal-Komunità għall-qerda tal-bruċellożi, it-tuberkulożi u l-lewkożi fl-ifrat (6); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/1096/KEE tal-11 ta’ Novembru 1980 li tintroduċi miżuri finanzjarji tal-Komunità għall-qerda ta’ deni klassiku tal-ħnieżer (7); u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/455/KEE tal-24 ta’ Lulju 1989 li tintroduċi miżuri tal-Komunità sabiex iwaqqfu proġetti pilota għall-kontroll tar-rabja sabiex tinqered jew għall-prevenzjoni tagħha (8). Huwa xieraq li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji Komunitarji li huma maħsuba sabiex jinqered il-mard li hemm riferenza għalih aktar ‘l fuq jkomplu jkunu rregolati bid-Deċiżjoni li għandha x’taqsam magħhom.

    (13)

    Għandhom isiru dispożizzjonijiet għal miżura finanzjarja tal-Komunità għall-qerda, il-kontroll u ta’ ċertu mard tal-annimali. Il-miżuri finanzjarji tal-Komunità kollha għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi li jinvolvu nefqa baġitarji obbligatorja tal-Komunità għandhom jinġabu flimkien taħt kapitolu wieħed.

    (14)

    Huwa kunsiljabbli li l-Kummissjoni tamministra direttament, fid-dawl tan-natura tagħha, in-nefqa suġġett għall-finanzjament taħt il-kondizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    (15)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizju tas-setgħat ta’ implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (9),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU I

    SUĠĠETT U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    Din d-Deċiżjoni tipprovdi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal:

    miżuri veterinarji speċifiċi,

    miżuri ta’ ispezzjoni fil-kamp veterinarju,

    programmi għall-qerda, kontroll u monitoraġġ ta’ mard tal-annimali u taż-żoonosi.

    Din id-Deċiżjoni m’għandiex taffetwa l-għażla li għandhom ċerti Stati Membri li jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja ta’ aktar minn 50 % taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (10).

    KAPITOLU II

    MIŻURI VETERINARJI SPEĊIFIĊI

    SEZZJONI 1

    Dispożizzjoni ġenerali

    Artikolu 2

    Miżuri veterinarji speċifiċi għandhom jinkludu:

    miżuri ta’ emerġenza,

    kampanja kontra l-marda tal-ilsien u tad-dwiefer,

    politika ta’ informazzjoni għas-saħħa tal-annimali, għat-trattament xieraq tal-annimali u għas-sigurta’ tal-ikel,

    miżuri tekniċi u xjentifiċi,

    kontribuzzjoni għall-iskemi nazzjonali għal qerda ta’ ċertu mard.

    SEZZJONI 2

    Miżuri ta’ emergenza

    Artikolu 3

    1.   Dan l-Artikolu għandu japplika fil-każ li sseħħ waħda minn dawn il-mardiet li ġejjin fit-territorju ta’ Stat Membru:

    pesta tal-ifrat rinderpest,

    pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż,

    marda vexxikulari tal-ħnieżer,

    blue tongue,

    il-marda Teschen,

    ġidri fuq nagħġa jew ġidri fuq mogħża,

    id-deni Rift Valley,

    il-marda lumpy skin,

    mard Afrikan taż-żwiemel,

    stomatite vexxikulari,

    Venezuelan equine viral encephalomyelitis,

    il-marda tal-emorraġija taċ-ċriev,

    id-Deni klassiku tal-ħnieżer,

    id-deni Afrikan tal-ħnieżer,

    il-plewropnewmonja li tittieħed tal-bhejjem tal-fart,

    in-nekrosi ematopojetika epiżotika fil-ħut (EHN),

    is-sindromu ulċerativ epiżotiku fil-ħut (EUS),

    l-infezzjoni bil-Bonamia exitiosa,

    l-infezzjoni bil-Perkinsus marinus,

    l-infezzjoni bil-Microcytos mackini,

    is-sindrome Taura fil-krustaċji,

    il-marda Yellowhead fil-krustaċji.

    2.   L-Istati Membri konċernati għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-qerda tal-marda, bil-kondizzjoni li l-miżuri li japplikaw immedjatament jinkludu għall-anqas l-iżolament tar-razzett miż-żmien tas-suspett u, wara konferma uffiċjali tal-marda:

    il-qatla tal-annimali ta’ speċi suxxettibbli li huma affettwati jew ikkontaminati jew li hemm suspett li huma affettwati jew ikkontaminati, u l-qerda tagħhom,

    il-qerda ta’ għalf kontaminat u tagħmir kontaminat, fejn dan tal-aħħar ma jistax ikun diżinfettat skont it-tielet inċiż,

    it-tindif, diżinsettizzazzjoni u diżinfettazzjoni tar-razzett u t-tagħmir f’dawn l-irzietet,

    it-twaqqif ta’ żoni ta’ protezzjoni,

    l-impożizzjoni ta’ miżuri approprjati sabiex jipprevienu r-riskju tat-tixrid ta’ infezzjoni,

    it-twaqqif ta’ perjodu ta’ stennija li għandu jiġi osservat wara l-qatla qabel ma jerġa’ jintrama r-razzett,

    kumpens mgħaġġel u adegwat għall-bdiewa li jrabbu l-annimali.

    3.   L-Istati Membri interessati għandhom ukoll jikkwalifikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fejn, malli tfaqqa’ waħda mill-mardiet elenkati fil-paragrafu 1, żewġ Stati Membri jew aktar jikkollaboraw mill-qrib sabiex jikkontrollaw l-epidemija, b’mod partikolari fit-twettiq ta’ stħarriġ epidemjoloġiku u miżuri ta’ sorveljanza tal-mard. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri pprovduti skont l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ikkonċernati, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika Komunitarja għandha tiġi deċiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    4.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien, jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri applikati skont il-leġislazzjoni tal-Komunità dwar in-notifika u l-qerda u r-riżultati tagħhom. Is-sitwazzjoni għandha tkun eżaminata kemm jista’ jkun malajr fi ħdan il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 40(1) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”). Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja speċifika għandha tiġi deċiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), mingħajr preġudizzju għall- miżuri li hemm previsti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

    5.   Jekk, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni fil-Komunità, jidher meħtieġ li jitkomplew il-miżuri previsti fil-paragrafu 2 u l-Artikolu 4, tista’ tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, li tista’ taqbeż iċ-ċifra ta’ 50 % stipulata fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 6, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2). Meta din id-Deċiżjoni tkun adottata, kull miżura li l-Istat Membru kkonċernat ikollu jieħu sabiex jiżgura s-suċċess tal-azzjoni tista’ tiġi stipulata, u partikolarment miżuri għajr dawk previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   Mingħajr preġudizzju għal miżuri li jappoġġaw is-suq li għandhom jittieħdu bħala parti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq, il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, maqsuma jekk hemm bżonn f’diversi fergħat, għandhom ikunu:

    50 % tal-ispejjez li intefqu mill-Istati Membri sabiex jikkompensaw is-sidien għall-qatla u l-qerda tal-annimali u, fejn xieraq, il-prodotti tagħhom, għat-tindif, diżinsettazzjoni u diżinfettazzjoni tal-irziezet u t-tagħmir u għall-qerda ta’ għalf kontaminat u tagħmir kontaminat li hemm referenza għalih fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2,

    fejn it-tilqim ġie deċiż skont il-paragrafu 5, 100 % tal-ispiża tal-forniment tat-tilqim u 50 % tal-ispiza li tintefaq biex isir it-tilqim.

    Artikolu 4

    1.   Dan l-Artikolu u l-Artikolu 3(4) u (5) għandhom japplikaw fil-każ li sseħħ influwenza tat-tjur fit-territorju ta’ Stat Membru.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jikseb kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-qerda tal-influwenza tat-tjur jekk il-miżuri minimi ta’ kontroll previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal- 20 ta’ Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur (11) ikunu ġew implimentati b’mod sħiħ u effiċjenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti u jekk, fil-każ tal-qtil ta’ annimali ta’ speċi suxxettibbli li huma affettwati jew ikkontaminati jew hemm suspett li huma affettwati jew ikkontaminati, is-sidien tal-annimali jkunu ġew ikkumpensati malajr u b’mod xieraq.

    3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, maqsuma jekk meħtieġ f’diversi tranches, għandha tkun:

    50 % tal-ispejjeż li jkunu ntnefqu mill-Istati Membri għall-kumpens lis-sidien tal-annimali għall-qtil tat-tjur u ta’ għasafar miżmuma fil-magħluq oħra u l-valur tal-bajd meqrud,

    50 % tal-ispejjeż li jkun intefqu mill-Istat Membru għall-qerda ta’ annimali, il-qerda ta’ prodotti tal-annimali, it-tindif u d-diżinfettazzjoni tal-azjendi u t-tagħmir, il-qerda tal-għalf ikkontaminat u l-qerda ta’ tagħmir ikkontaminat, f’każi fejn dan it-tagħmir ma jkunx jista’ jiġi diżinfettat,

    fejn ikun hemm deċiżjoni dwar tilqim ta’ emerġenza skont l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2005/94/KE, 100 % tal-ispejjez għall-provvista tal-vaċċin u 50 % għall-ispejjeż li jkunu ntnefqu sabiex tingħata t-tilqima.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri jistgħu jallokaw fondi fi ħdan il-programmi operattivi mfassla skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (12) għall-qerda ta’ mard eżotiku f’annimali tal-akkwakultura elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Deċiżjoni, taħt il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 3(4), (5) u (6) ta’ din id-Deċiżjoni, sakemm ikun hemm konformità mal-miżuri minimi ta’ kontroll u ta’ qerda tal-mard stipulati fis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2006/88/KE.

    Artikolu 6

    1.   L-Artikolu 3 għandu japplika fejn hu involut il-kontroll ta’ riskji gravi għas-saħħa għall- Komunità, li jkunu kkawżati mill-mard elenkat fl-Artikolu 3(1), saħansitra jekk it-territorju fejn tiġri l-marda jkun suġġett għal programm ta’ qerda skont l-Artikolu 27.

    2.   L-Artikolu 3 għandu japplika fil-każ li sseħħ il-marda ta’ Newcastle fit-territorju ta’ Stat Membru.

    Iżda, ħlief fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), li tawtorizza, fuq ċerti kondizzjonijiet u għal perjodu limitat u żona limitata, r-rikors għat-tilqim, l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja ma għandha tingħata għal forniment tat-tilqim jew sabiex isir it-tilqim.

    3.   Id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 3, minbarra r-raba’ inċiż tal-paragrafu 2 u t-tieni inċiż tal-paragrafu 6, għandhom japplikaw meta jinstab żonosi mniżżel fil-lista fid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi (13), basta li din is-sejba tkun ta’ riskju immedjat għall-ħajja tal-bniedem. Din il-kondizzjoni għandha tiġi mwettqa meta tittieħed id-deċiżjoni provduta bl-Artikolu 3(4) ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 7

    1.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), il-Kummissjoni, fuq talba ta’ Stat Membru, għandha żżid mal-lista fl-Artikolu 3(1) marda eżotika li għaliha dikjarazzjoni hi obbligatorja u li x’aktarx tikkostitwixxi perikolu għall-Komunità.

    2.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), il-lista fl-Artikolu 3(1) tista’ tiġi supplimentata skont żviluppi fis-sitwazzjoni, sabiex tinkludi mard li għandu jiġi notifikat skont id-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard tal-annimali fil-Komunità (14) u mard li jista’ jiġi trasmess lil annimali tal-akkwakultura. Il-lista tista’ wkoll tiġi emendata jew imqassra sabiex jittieħed kont tal-progress magħmul permezz tal-miżuri miftiehma fuq livell Komunitarju għall-kontroll ta’ ċertu mard.

    3.   L-Artikolu 3(2) jista’ jkun supplementat jew emendat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), b’mod partikolari biex tittieħed kondizzjoni tal-inklużjoni ta’ mard ġdid fil-lista fl-Artikolu 3(1), tal-esperjenza akkwistata jew tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Komunità li jikkonċernaw kontroll tal-mard.

    Artikolu 8

    1.   Fejn Stat Membru ikun suġġett għal theddida diretta li sseħħ jew tiżviluppa, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew ta’ Stat Membru, waħda mill-mardiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), 4(1), 6(1) u (2), jew 14(1) jew fl-Anness I, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bil-miżuri li huwa jkollu l-ħsieb li jadotta għall-protezzjoni tiegħu.

    2.   Malli jkun possibbli, is-sitwazzjoni għandha tkun eżaminata fi ħdan il-Kumitat. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), jista’ jiġi deċiz li jiġu adotati miżuri approprjati għas-sitwazzjoni inklużi, b’mod partikolari, it-twaqqif ta’ żona li għandha sservi ta’ kuxxinett ta’ tilqim, u sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għal miżuri li huma meqjusa partikolarment bżonjużi għas-suċċess tal-azzjoni meħuda.

    3.   Id-deċiżjoni li hemm riferenza għaliha fil-paragrafu 2 għandha turi l-ispejjeż eligibbli u l-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja.

    Artikolu 9

    1.   Il-Komunità tista’ tiddeċiedi, fuq talba ta’ Stat Membru, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ħażniet ta’ prodotti bioloġiċi maħsuba għall-kontroll tal-mard li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(1), 4(1), 6(1) (tilqim, serotypes ta’ vajrus standardizzat, sera djanjostiċi) u, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni prevista fl-Artikolu 69(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer (15), fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-azzjoni li jagħmel riferenza għaliha fl-paragrafu 1, u r-regoli għall-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mal-għażla, il-produzzjoni, il-ħżin, it-trasport u l-użu ta’ dawn il-ħażniet, u l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, għandha tkun deċiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 10

    1.   Jekk ikun hemm jew tiżviluppa f’pajjiż terz waħda mill-mard imsemmija fl-Artikoli 3(1) 4(1), 6(1), 7(1) jew 14(1) jista’ jkun ta’ perikolu għall-Komunità, il-Komunità tista tagħti l-appoġġ tagħha għal miżuri ta’ kontroll kontra dik il-marda billi tipprovdi t-tilqim jew billi tiffinanzja x-xiri tat-tilqim.

    2.   L-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1, ir-regoli għall-implimentazzjoni tagħha, il-kondizzjonijiet li għalihom tista’ tkun suġġetta u l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandhom ikunu deċiżi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 11

    1.   Il-Kummissjoni għandha tesegwixxi, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, verifiki fuq il-post, mill-lat veterinarju, sabiex tassigura li l-miżuri adottati kienu applikati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiffaċilitaw il-verifiki msemmija fil-paragrafu 1, u għandhom, b’mod partikolari, jassiguraw li l-esperti jkollhom aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha neċessarji sabiex jevalwaw jekk il-miżuri ġewx implimentati.

    3.   Ir-rtegoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, partikolarment dawk li għandhom x’ jaqsmu mal-frekwenza u l-metodu ta’ kif isiru l-verifiki li jagħmel referenza għalihom il-paragrafu 1, il-ħatra ta’ esperti veterinarji u l-proċedura li għandhom isegwu fil-kumpilazzjoni tar-rapport tagħhom, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 12

    L-approprjazzjonijiet mitluba għall-miżuri li tagħmel referenza għalihom din is-sezzjoni għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura tal-baġit.

    Artikolu 13

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja ma għandhiex tingħata fejn l-ammont totali tal-miżura jkun inqas minn EUR 10 000.

    SEZZJONI 3

    Il-kampanja kontra il-marda tal-ilsien u tad-dwiefer

    Artikolu 14

    1.   Dan l-Artikolu għandhom japplikaw fil-każ li tfaqqa’ il-marda tal-ilsien u tad-dwiefer fit-territorju ta’ Stat Membru.

    2.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Komunità għall-qerda tal-marda tal-ilsien u tad-dwiefer, bil-kondizzjoni li l-miżuri provduti fl-Artikolu 3(2) u d-dispożizzjonijiet approprjati tad-Direttiva 2003/85/KE, jiġu applikati immedjatement.

    3.   L-Artikolu 3(4) għandu japplika.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-suq sabiex jappoġġaw is-suq, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika f’din id-Deċiżjoni għandha tkun ugwali għal 60 % tal-ispiża minfuqa mill-Istati Membri sabiex:

    (a)

    jiġu kumpensati il-proprjetarji għal:

    (i)

    qtil u qerda tal-annimali,

    (ii)

    il-qerda tal-ħalib,

    (iii)

    it-tindif u d-diżinfezzjoni tal-ażjendi,

    (iv)

    il-qerda ta’ għalf kontaminat u fejn ma jistgħax ikun diżinfettat, tagħmir kontaminat,

    (v)

    telf inkors mill-bdiewa bħala riżultat tar-restrizzjonijiet imposti fuq in-negozju ta’ bhejjem u annimali li ssemnu fil-mergħat bħala riżultat tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ tilqim ta’ emerġenza, skont l-Artikolu 50(3) tad-Direttiva 2003/85/KE;

    (b)

    fejn applikabbli, it-trasport tal-karkassi sal-impjanti tal-ipproċessar;

    (ċ)

    kull miżura oħra li hi neċessarja għall-qerda tat-tixrid tal-marda.

    Il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), tiddefinixxi n-natura tal-miżuri l-oħrajn li hemm referenza għalihom f’punt (c) ta’ dan il-paragrafu li jistgħu jkunu eleġibli għall-istess kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja u l-każijiet li għalihom il-punt (a)(v) ta’ dan il-paragrafu għandu japplika.

    5.   Għall-ewwel darba mhux aktar tard minn 45 ġurnata mill-konferma uffiċjali tal-ewwel każ tal-marda tal-ilsien u tad-dwiefer, u sussegwentement kif u meta jkun hemm bżonn bl-iżvilupp tal-każijiet, is-sitwazzjoni għandha tkun eżaminata mill-ġdid fi ħdan il-Kumitat. Dan l-eżami għandu jkopri kemm is-sitwazzjoni veterinarja u n-nefqa stmata li diġà ntefqu jew huma kommessi. Wara dan l-eżami, deċiżjoni ġdida li tikkonċerna il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, li tista’ tkun aktar minn 60 % provdut fil-paragrafu 4, tista tkun adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3). Din id-Deċiżjoni għandha turi l-ispejjeż eliġibli u l-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja. Kif ukoll, meta din id-Deċiżjoni tkun adottata, kull miżura li l-Istat Membru konċernat għandu jieħu sabiex jiġi assigurat is-suċċess tal-azzjoni tista’ tkun adottata, b’mod partikolari miżuri oħra barra dawk li jagħmel referenza għalihom il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 15

    Kull miżura deċiża mill-Komunità sabiex tgħin il-kampanja kontra l-marda tal-ilsien u tad-dwiefer ‘l barra mill-Komunità, b’mod partikolari miżuri li jittieħdu fi ħdan l-Artikolu 8 u 10, jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja.

    Artikolu 16

    Il-miżuri u r-regoli għall-implimentazzjoni tal-miżuri li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 15, il-kondizzjonijiet li għalihom jistgħu jkunu soġġetti u l-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tkun deċiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3).

    Artikolu 17

    Tista’ tingħata għajnuna Komunitarja lir-riservi Komunitarji tat-tilqim kontra il-marda tal-ilsien u tad-dwiefer stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/666/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1991 li jistabbilixxi r-riservi tal-Komunità għal tilqim kontra l-marda tal-ilsien u d-dwiefer (16).

    Il-livell ta’ parteċipazzjoni Komunitarja u l-kondizzjonijiet għal din il-parteċipazzjoni tista’ tkun soġġetta għandhom ikunu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3).

    Artikolu 18

    L-approprazzjonijiet mitluba għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 15, 16 u 17 għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

    Jekk tixrid serju tal-marda tal-ilsien u tad-dwiefer ikun jeħtieġ infiq taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni li jeċċedi l-approprjazzjonijiet skont l-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha tieħu dawk il-miżuri neċessarji li huma fil-poteri eżistenti tagħha u tressaq lill-awtorità baġitarja l-proposti neċessarji sabiex jiġi assigurat li l- impenji finanzjarji tal-Artikolu 14 jiġu esegwiti.

    SEZZJONI 4

    Politika ta’ informazzjoni għas-saħħa tal-annimali, għat-trattament xieraq tal-annimali u għas-sigurtà tal-ikel

    Artikolu 19

    Il-Komunità għandha tagħmel kontribut finanzjarju għat-twaqqif ta’ politika ta’ informazzjoni fil-qasam tas-saħħa tal-annimali, it-trattament xieraq tal-annimali u tas-sigurtà tal-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali, inklużi:

    (a)

    l-installazzjoni u l-iżvilupp ta’ għodod tal-informazzjoni, inkluża database xierqa:

    (i)

    għall-ġbir u l-preżervazzjoni ta’ kull informazzjoni relatata mal-leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna s-saħħa tal-annimali, it-trattament xieraq tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali;

    (ii)

    għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (i) lill-awtoritajiet kompetenti, lill-produtturi u lill-konsumaturi, b’kont meħud ta’ konnessjonijiet ma’ databases nazzjonali fejn xieraq;

    (b)

    it-twettiq tal-istudji meħtieġa għat-tħejjija u l-iżvilupp tal-leġislazzjoni fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali.

    Artikolu 20

    Il-miżuri li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 19, ir-regoli għall-implimentazzjoni tagħhom u l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandhom ikunu deċiżi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 21

    L-approprjazzjonijiet li huma mitluba għall-miżuri kif speċifikati f’din is-Sezzjoni għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

    SEZZJONI 5

    Miżuri tekniċi u xjentifiċi

    Artikolu 22

    Il-Komunità tista’ tieħu, jew tassisti lill-Istati Membri jew lill-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jieħdu, il-miżuri tekniċi u xjentifiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ leġislazzjoni veterinarja Komunitarja u għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni veterinarja jew taħriġ veterinarju.

    Artikolu 23

    Il-miżuri li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 22, ir-regoli għall- implimentazzjoni tagħhom u l-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandha tkun deċiża skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 24

    L-approprazzjonijiet rikjesti għall-miżuri pprovduti f’din is-sezzjoni għandu jkun deċiż kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

    KAPITOLU III

    PROGRAMMI GĦALL-QERDA, KONTROLL U MONITORAĠĠ TAL-MARD tal-ANNIMALI U TAŻ-ŻOONOSI

    Artikolu 25

    Il-parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja għall-qerda tal-bruċellożi, tuberkolożi u lewkożi tal-bhejjem tal-ifrat għandha, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1), tkun stabbilita bid-Direttiva 77/391/KEE u d-Direttiva 82/400/KEE.

    Artikolu 26

    1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lejn il-qerda tad-deni klassiku tal-ħnieżer għandha tkun stabbilita bid-Deċiżjoni 80/1096/KEE.

    2.   Il kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja lejn il-qerda tal-bruċellożi ovina għandha tkun stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/242/KEE tal-21 ta’ Mejju 1990 li introduċiet miżura finanzjarja Komunitarja għall-qerda tal-bruċellożi fin-nagħaġ u fil-mogħoż (17).

    Artikolu 27

    1.   Għandha tiġi introdotta miżura finanzjarja Komunitarja sabiex tiġi rimborżata n-nefqa mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-programmi nazzjonali għall-qerda, kontroll u monitoraġġ tal-mard tal-annimali u taż-żoonosi elenkati fl-Anness I (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “programmi”).

    Il-lista fl-Anness I tista’ tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), b’mod partikolari fir-rigward ta’ mard tal-annimali li jkun qed jitfaċċa li huwa ta’ riskju għas-saħħa tal-annimali u, indirettament, għas-saħħa pubblika, jew fid-dawl ta’ evidenza epidemjoloġika jew xjentifika ġdida.

    2.   Kull sena, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi annwali jew pluriennali li jibdew fis-sena ta’ wara li għalihom huma jixtiequ li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja.

    Il-programmi li jiġu ppreżentati wara t-30 ta’ April m’għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament is-sena ta’ wara.

    Il-programmi ppreżentati mill-Istati Membri għandu jkun fihom mill-anqas dan li ġej:

    (a)

    deskrizzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-marda qabel id-data tal-bidu tal-programm;

    (b)

    deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li fihom għandu jiġi applikat il-programm;

    (ċ)

    it-tul ta’ żmien probabbli tal-programm, il-miżuri li għandhom jiġu applikati u l-objettiv li għandu jinkiseb sad-data tat-tmiem tal-programm;

    (d)

    analiżi tal-ispejjeż stmati u l-benefiċċji antiċipati tal-programm.

    Il-kriterji dettaljati, inklużi dawk li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    F’kull programm pluriennali ppreżentat mill-Istat Membru, l-informazzjoni meħtieġa skont il-kriterji msemmija f’dan il-paragrafu għandha tkun pprovduta għal kull sena li jdum il-programm.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden lil Stat Membru sabiex jippreżenta programm pluriennali jew sabiex jestendi kif meħtieġ it-tul ta’ żmien ta’ programm annwali li jkun ġie ppreżentat fejn il-programmazzjoni pluriennali titqies meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-qerda, il-kontroll u l-monitoraġġ aktar effiċjenti u effikaċji ta’ marda partikolari, b’mod partikolari fir-rigward ta’ theddid potenzjali għas-saħħa tal-annimali u, indirettament, għas-saħħa pubblika.

    Il-Kummissjoni tista’ tikkoordina l-programmi reġjonali li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed f’koperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programmi ppreżentati mill-Istati Membri kemm mil-lat veterinarju kif ukoll minn dak finanzjarju.

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni addizzjonali relevanti li din tal-aħħar tkun teħtieġ għall-valutazzjoni tagħha tal-programm.

    Il-perjodu għall-ġbir tal-informazzjoni kollha fir-rigward tal-programmi għandu jintemm fil-15 ta’ Settembru ta’ kull sena.

    5.   Kull sena sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru, għandu jiġi approvat dan li ġej skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3):

    (a)

    il-programmi, fejn xieraq emendati sabiex jieħdu kont tal-valutazzjoni prevista fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

    (b)

    il-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja;

    (ċ)

    il-limitu massimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja;

    (d)

    kwalunkwe kondizzjoni li għaliha tista’ tkun suġġetta l-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja.

    Il-programmi għandhom jiġu approvati għal mhux aktar minn sitt snin.

    6.   L-emendamenti tal-programmi għandhom jiġu approvati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3).

    7.   Għal kull programm approvat, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni r-rapporti li ġejjin:

    (a)

    rapporti tekniċi u finanzjarji intermedji;

    (b)

    sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, rapport annwali tekniku dettaljat li jinkludi l-valutazzjoni tar-riżultati miksuba u rendikont dettaljat tan-nefqa li tkun saret għas-sena ta’ qabel.

    8.   L-applikazzjonijiet għal pagamenti relatati man-nefqa li tkun saret minn Stat Membru fir-rigward ta’ programm partikolari għas-sena preċedenti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April.

    Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal pagamenti li jsiru tard, il-kontribut finanzjarju Komunitarju għandu jitnaqqas b’25 % fl-1 ta’ Ġunju, 50 % fl-1 ta’ Awwissu, 75 % fl-1 ta’ Settembru u 100 % fl-1 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena.

    Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ottubru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-pagament Komunitarju b’kont meħud tar-rapporti tekniċi u finanzjarji ppreżentati mill-Istat Membru skont il-paragrafu 7.

    9.   L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post f’koperazzjoni mal-awtorità kompetenti, sakemm dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (18).

    Fit-twettiq ta’ tali kontrolli, l-esperti tal-Kummissjoni jistgħu jkunu assistiti minn grupp ta’ esperti stabbilit skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    10.   Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    11.   L-Istati Membri jistgħu jallokaw fondi fi ħdan il-programmi operattivi mfassla skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għall-qerda tal-mard fl-annimali tal-akkwakultura msemmija fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

    Il-fondi għandhom jiġu allokati skont il-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu, bl-aġġustamenti li ġejjin:

    (a)

    ir-rata tal-għajnuna għandha tkun skont ir-rata stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006;

    (b)

    il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika.

    L-attivitajiet ta’ qerda għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2006/88/KE, jew taħt programm ta’ qerda.

    Artikolu 28

    1.   Minkejja l-Artikoli 25, 26 u 27, il-livell ta’ parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja għall-programmi li għandhom x’jaqsmu mal-mard li jagħmel riferenza għalihom fl-Artikoli msemmija għandu jkun stabbilit mill-Kummissjoni, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2), għal 50 % tal-ispiża minfuqa mill-Istati Membri bħala kumpens lis-sidien għall-qatla tal-ifrat minħabba l-marda kkonċernata.

    2.   Fuq talba ta’ Stat Memrbu, il-Kummissjoni għandha, fil-Kumitat, terġa’ teżamina s-sitwazzjoni fir-rigward tal-mard kopert bl-Artikoli 25, 26 u 27. Dan l-eżami mill-ġdid għandu jkopri kemm is-sitwazzjoni veterinarja u l-estimi tan-nefqa li tkun diġà ġiet kommessa jew li ħa tkun kommessa. Wara dan l-eżami mill-ġdid, kull Deċiżjoni ġdida dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, li tista teċċedi l-50 % tal-ispejjeż minfuqa mill-Istati Membri sabiex ikunu kompensati s-sidien għall-qatla tal-annimali minħabba l- marda kkonċernata, għandha tkun adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(3).

    Meta din id-deċiżjoni tkun adottata, tista’ tkun adottata kull miżura li l-Istat Membru kkonċernat jkollu jieħu sabiex jassigura is-suċċess tal-azzjoni.

    Artikolu 29

    L-impenji baġitarji Komunitarji għall-kofinanzjament tal-programmi għandhom jitwettqu kull sena. L-impenji tan-nefqa għall-programmi pluriennali għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 76(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1605/2002 tal-25 ta’ Gunju 2002 dwar ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (19). Għall-programmi pluriennali, l-ewwel impenn baġitarju għandu jsir wara l-approvazzjoni tagħhom. Kull impenn sussegwenti għandu jsir mill-Kummissjoni abbażi tad-deċiżjoni li tingħata kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 27(5) ta’ din id-Deċiżjoni.

    KAPITOLU IV

    ISPEZZJONI VETERINARJA

    SEZZJONI 1

    Dispożizzjoni introduttiva

    Artikolu 30

    Il-Komunità għandha tikkontribwixxi sabiex titjieb l-effiċjenza tal-ispezzjoni veterinarja billi:

    tagħti għajnuna finanzjarja lil laboratorji ta’ kollegament u ta’ riferenza,

    tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja sabiex isiru ispezzjonijiet li għandhom l-għan li jipprevjenu ż-żonosijiet,

    tagħmel kontribuzzjoni finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ ispezzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern.

    SEZZJONI 2

    Laboratorji ta’ kollegament u ta’ riferenza

    Artikolu 31

    1.   Kull laboratorju li jaħdem flimkien jew ta’ referenza li jkun nominat bħala tali skont il-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità u li jaqdi d-dmirijiet u r- rekwiżiti li hemm imniżżla fihom, jista’ jirċevi għajnuna Komunitarja.

    2.   Arranġamenti sabiex tingħata l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, il-kondizzjonijiet li għalihom tista’ tkun soġġetta u l-ammont, għandu jkun stabbilit skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    3.   L-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-miżuri pprovduti f’din is-sezzjoni għandhom ikunu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura tal-baġit.

    SEZZJONI 3

    Strateġija ta’ kontroll

    Artikolu 32

    1.   Kull Stat Membru għandu jipprepara programm għall-iskambju ta’ uffiċjali li qegħdin jaħdmu fis-settur veterinarju.

    2.   Fil-Kumitat, il-Kummissjoni għandha, flimkien mal-Istati Membri, tikkoordina l-programmi għall-iskambju.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programmi għall-iskambju koordinati.

    4.   Kull sena, fuq il-bażi ta’ rapporti tal-Istati Membri, l-implimentazzjoni tal-programmi għall-iskambju għandhom ikunu eżaminati fi ħdan il-Kumitat.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-esperjenza miksuba sabiex itejbu u jestendu l-programmi għall-iskambju.

    6.   Tista’ tingħata għajnuna finanzjarja Komunitarja bil- għan li jiġi promoss it-tħaddim bla problemi ta’ programmi għall-iskambju speċjalment billi jsiru l-korsijiet ta’ aktar taħriġ li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 34(1). Il-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, u l-kondizzjonijiet li għalihom tista tkun soġġetta, għandha tkun stabbilita skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    7.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 23 u 24 għandhom japplikaw.

    Artikolu 33

    L-Artikolu 32(6) u (7) għandhom japplikaw fir-rigward ta’ programmi stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (20) u id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (21), sabiex ikunu organizzati l-kontrolli veterinarji fil-fruntieri esterni fuq prodotti introdotti fil-Komunità minn pajjiżi terzi.

    Artikolu 34

    1.   Il-Kummissjoni tista’, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, torganizza korsijiet jew laqgħat ta’ aġġornament għall-persunal fl-Istati Membri, b’mod partikolari, persunal responsabbli għall-kontrolli veterinarji li jagħmel referenza għalihom l-Artikolu 33.

    Dawn il-korsijiet jew laqgħat ta’ aġġornament jistgħu, skont id-disponibbiltà, jkunu miftuħa, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti u wara li l-Kummissjoni tkun qablet, għall-persunal minn pajjiżi terzi li jkunu għamlu ftehim ta’ kooperazzjoni mal- Komunità fil-qasam tal-kontrolli veterinarji u għax-xjenzati veterinarji ggradwati sabiex jestendu t-taħriġ tagħhom fil-qasam tar-regoli Komunitarji.

    2.   Arrangamenti għall-organizzazzjoni tal-miżuri pprovduti fil-paragrafu 1 u l-livell tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandhom jitwaqqfu mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 35

    1.   L-introduzzjoni ta’ sistemi sabiex jiġu identifikati annimali u jiġi nnotifikat mard skont il-leġislazzjoni li tikkonċerna kontrolli veterinarji fil-kummerċ ta’ annimali ħajjin fi ħdan il-Komunità, sabiex jissokta is-suq intern, tista’ tirċevi assistenza finanzjarja Komunitarja.

    2.   Arrangamenti għall-organizzazzjoni tal-miżura pprovduta fil-paragrafu 1 u l-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għandhom jitwaqqfu mill-Kummissjoni wara li tikkonsulta l-Kumitat.

    Artikolu 36

    1.   Jista’ jingħata kontribut finanzjarju Komunitarju għall-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri veterinarji relatati ma’:

    (a)

    kummerċ intra-Komunitarju, u importazzjonijiet, ta’ annimali ħajjin u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali;

    (b)

    hosting, ġestjoni u manutenzjoni tas-sistemi veterinarji kompjuterizzati integrati, inklużi konnessjonijiet ma’ databases nazzjonali, fejn xieraq.

    2.   L-arranġamenti organizzattivi għall-finanzjament skont il-paragrafu 1 u l-livell tal-kontribuzzjoni Komunitarja għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 40(2).

    Artikolu 37

    1.   Fil-każ li Stat Membru jesperjenza, mil-lat strutturali jew geografiku, problemi ta’ persunal jew infrastrutturali sabiex jimplimenta l-istrateġija ta’ kontroll li jġib miegħu il-funzjonament tas-suq intern għal annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali, hu jista’, għal perjodu ta’ transizzjoni, jikseb assistenza finanzjarja Komunitarja li tiġi mnaqqsa progressivament.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti lill-Kummissjoni programm nazzjonali flimkien mal-informazzjoni finanzjarja kollha approprjati, imfassal bl-iskop li jtejjeb is-sistema ta’ kontroll tiegħu.

    3.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) sa (11).

    Artikolu 38

    L-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-miżuri pprovduti f’ din is-sezzjoni għandhom jiġu deċiżi kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja.

    KAPITOLU V

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 39

    Infiq soġġett għal finanzjament skont it-termini ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun amministrat direttament mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 148(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

    Artikolu 40

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit skont l-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (22).

    2.   Meta jsir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

    3.   Meta jsir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    Il-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal 15-il jum.

    Artikolu 41

    Kull erba’ snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali u dwar l-effikaċja, fid-dawl tal-ispejjeż magħmula, tal-implimentazzjoni tal-programmi fid-diversi Stati Membri, inklużi dettalji dwar il-kriterji adottati.

    Artikolu 42

    Id-Deċiżjoni 90/424/KEE hi mħassra.

    Ir-referenzi għad-Deċiżjoni li tħassret għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

    Artikolu 43

    Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. ŠEBESTA


    (1)  L-Opinjoni tas-16 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

    (3)  Ara l-Anness II.

    (4)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

    (5)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 44.

    (6)  ĠU L 173, 19.6.1982, p. 18.

    (7)  ĠU L 325, 1.12.1980, p. 5.

    (8)  ĠU L 223, 2.8.1989, p. 19.

    (9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (10)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

    (11)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

    (12)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

    (13)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31.

    (14)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 58.

    (15)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

    (16)  ĠU L 368, 31.12.1991, p. 21.

    (17)  ĠU L 140, 1.6.1990, p. 123.

    (18)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

    (19)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (20)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

    (21)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

    (22)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


    ANNESS I

    MARD TAL-ANNIMALI U ŻOONOSI

    Tuberkulosi bovina

    Bruċellosi bovina

    Bruċellożi tan-nagħaġ u tal-mogħoż (B. melitensis)

    Bluetongue f’żoni endemiċi jew b’riskju għoli

    Id-Deni Afrikan tal-ħnieżer

    Mard vesikulari tal-ħnieżer

    Deni klassiku tal-ħnieżer

    Antrax

    Plewronewmonja tal-bovini li tittieħed

    Influwenza tat-tjur

    Ir-rabja

    Ekinokokkosi

    Enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (TSE)

    Kampilobatterjosi

    Listerjosi

    Salmonellosi (salmonella żoonotika)

    Trikinellosi

    Coli verotossiġenika

    Settiċemija emorraġika virali (VHS)

    In-nekrosi ematopojetika infettiva (IHN)

    Marda bil-virus erpete tal-Koi (KHV)

    L-anemija infettiva tas-salamun (ISA)

    Infezzjoni bil-Marteilia refringens

    Infezzjoni bil-Bonamia ostreae

    Marda tal-white spot fil-krustaċji


    ANNESS II

    ID-DEĊIŻJONI MĦASSRA FLIMKIEN MA’ LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

    Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE

    (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19)

     

    Deċiżjoni tal-Kunsill 91/133/KEE

    (ĠU L 66, 13.3.1991, p. 18)

     

    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3763/91

    (ĠU L 356, 24.12.1991, p. 1)

    Artikolu 10(1) biss

    Deċiżjoni tal-Kunsill 92/337/KEE

    (ĠU L 187, 7.7.1992, p. 45)

     

    Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE

    (ĠU L 243, 25.8.1992, p. 27)

    Artikolu 11 biss

    Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE

    (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 38)

    Artikolu 9(2) biss

    Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE

    (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69)

    Artikolu 23(2) biss

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/439/KEE

    (ĠU L 203, 13.8.1993, p. 34)

     

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/77/KE

    (ĠU L 36, 8.2.1994, p. 15)

     

    Deċiżjoni tal-Kunsill 94/370/KE

    (ĠU L 168, 2.7.1994, p. 31)

     

    Regolament tal-Kunsill (KE) No 1258/1999

    (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103)

    Artikolu 17 biss

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/12/KE

    (ĠU L 3, 6.1.2001, p. 27)

     

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/572/KE

    (ĠU L 203, 28.7.2001, p. 16)

     

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003

    (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1)

    Punt 9 tal-Anness III biss

    Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/99/KE

    (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31)

    Artikolu 16 biss

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/53/KE

    (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37)

     

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/782/KE

    (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 57)

     

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006

    (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1)

    Kif jirrigwarda r-referenza għad-Deċiżjoni 90/424/KEE fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) u punt 3 ta’ Parti 5B(I) fl-Anness biss

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/965/KE

    (ĠU L 397, 30.12.2006, p. 22)

    Artikolu 1 biss

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/685/KE

    (ĠU L 224, 22.8.2008, p. 11)

     


    ANNESS III

    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Deċiżjoni 90/424/KEE

    Din id-Deċiżjoni

    Artikoli 1 u 2

    Artikoli 1 u 2

    Artikolu 3(1) u (2)

    Artikolu 3(1) u (2)

    Artikolu 3(2a)

    Artikolu 3(3)

    Artikolu 3(3)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 3(4)

    Artikolu 3(5)

    Artikolu 3(5)

    Artikolu 3(6)

    Artikolu 3a

    Artikolu 4

    Artikolu 3b

    Artikolu 5

    Artikolu 4

    Artikolu 6

    Artikolu 5

    Artikolu 7

    Artikolu 6

    Artikolu 8

    Artikolu 7

    Artikolu 9

    Artikolu 8

    Artikolu 10

    Artikolu 9

    Artikolu 11

    Artikolu 10

    Artikolu 12

    Artikolu 10a

    Artikolu 13

    Artikolu 11(1) sa (5)

    Artikolu 14(1) sa (5)

    Artikolu 11(6)

    Artikolu 12

    Artikolu 15

    Artikolu 13

    Artikolu 16

    Artikolu 14

    Artikolu 17

    Artikolu 15

    Artikolu 18

    Artikolu 16

    Artikolu 19

    Artikolu 17

    Artikolu 20

    Artikolu 18

    Artikolu 21

    Artikolu 19

    Artikolu 22

    Artikolu 20

    Artikolu 23

    Artikolu 21

    Artikolu 24

    Artikolu 22(1)

    Artikolu 25

    Artikolu 22(2)

    Artikolu 23(1)

    Artikolu 26(1)

    Artikolu 23(2)

    Artikolu 23(3)

    Artikolu 26(2)

    Artikolu 23(4)

    Artikolu 24

    Artikolu 27

    Artikolu 25(1) u (2)

    Artikolu 28(1) u (2)

    Artikolu 25(3)

    Artikolu 25(4)

    Artikolu 26

    Artikolu 29

    Artikolu 27

    Artikolu 30

    Artikolu 28

    Artikolu 31

    Artikolu 34

    Artikolu 32

    Artikolu 35

    Artikolu 33

    Artikolu 36

    Artikolu 34

    Artikolu 37

    Artikolu 35

    Artikolu 37a

    Artikolu 36

    Artikolu 38

    Artikolu 37

    Artikolu 39

    Artikolu 38

    Artikolu 40a

    Artikolu 39

    Artikolu 41(1)

    Artikolu 40(1)

    Artikolu 41(2)

    Artikolu 40(2)

    Artikolu 42(1)

    Artikolu 42(2)

    Artikolu 40(3)

    Artikolu 41(3)

    Artikolu 40(4)

    Artikolu 43(1)

    Artikolu 43(2)

    Artikolu 43a

    Artikolu 41

    Artikolu 42

    Artikolu 44

    Artikolu 43

    Anness

    Anness I

    Anness II

    Anness III


    Top