Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0402

2009/402/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta’ Jannar 2009 dwar il- pjanijiet ta’ kontinġenza fis-settur tal-frott u l-ħaxix implimentati minn Franza (C 29/05 (ex NN 57/05)) (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 203)

ĠU L 127, 26.5.2009, pp. 11–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/402/oj

26.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 127/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Jannar 2009

dwar il-“pjanijiet ta’ kontinġenza” fis-settur tal-frott u l-ħaxix implimentati minn Franza (C 29/05 (ex NN 57/05))

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 203)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2009/402/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li l-partijiet ikkonċernati ntalbu li jressqu l-kummenti tagħhom skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat, u wara li ġew ikkunsidrati dawk il-kummenti,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Wara li rċeviet ilment, fil-31 ta’ Lulju 2002 il-Kummissjoni kitbet lill-awtoritajiet Franċiżi biex talbet informazzjoni dwar għajnuniet nazzjonali mhux innotifikati fis-settur tal-frott u l-ħaxix li, skont ma kien allegat, Franza kienet ilha għadd ta’ snin tħallas taħt skemi magħrufa bħala “pjanijiet ta’ kontinġenza”, “pjanijiet strateġiċi” jew “pjanijiet annwali” (minn hawn ’il quddiem “pjanijiet ta’ kontinġenza”).

(2)

Fl-21 ta’ Ottubru 2002 saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Franċiżi u s-servizzi tal-Kummissjoni.

(3)

B’ittra tas-26 ta’ Diċembru 2002, irreġistrata fit-2 ta’ Jannar 2003, Franza pprovdiet informazzjoni li kkonfermat li l-għajnuniet imsemmija kienu tħallsu sas-sena 2002.

(4)

B’ittra tas-16 ta’ April 2003, il-Kummissjoni talbet lil Franza tipprovdilha inventarju komplut tal-għajnuniet imħallsa taħt il-“pjanijiet ta’ kontinġenza”, imqassam skont il-miżura u l-azjenda, inkluż l-ammont tal-għajnuna mħallsa għal kull miżura u t-tul ta’ żmien preċiż tal-iskemi. B’ittra tat-30 ta’ April 2003, Franza talbet estensjoni tal-perjodu ta’ żmien biex iwieġbu għat-talba ta’ informazzjoni mingħand il-Kummissjoni. B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, irreġistrata fil-25 ta’ Lulju 2003, Franza ssottomettiet informazzjoni dwar in-natura tal-miżuri ffinanzjati, flimkien ma’ tabelli li juru t-tqassim tal-fondi pubbliċi mogħtija lil diversi azjendi matul il-perjodu 1998-2002.

(5)

Wara dan, il-miżura ġiet inkluża fir-reġistru ta’ għajnuniet mhux innotifikati bin-numru NN 57/05.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiftaħ din il-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri l-oħra u lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuniet inkwistjoni.

(7)

B’ittra tal-5 ta’ Awwissu 2005, irreġistrata fid-9 ta’ Awwissu 2005, Franza talbet estensjoni oħra tal-perjodu ta’ żmien biex tibgħat it-tweġiba tagħha. Franza bagħtet il-kummenti tagħha b’ittra tal-4 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fis-6 ta’ Ottubru 2005.

(8)

B’ittra tat-22 ta’ Ottubru 2005, irreġistrata fl-24 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand parti terza interessata, il-Federazzjoni ta’ Kumitati Ekonomiċi Agrikoli marbutin mas-settur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix (Fédération des Comités Economiques Agricoles rattachés à la filière de production des fruits et légumes, minn hawn ’il quddiem “FEDECOM”), li tiġbor fiha kumitati agri-ekonomiċi u federazzjonijiet speċjalizzati fil-frott u l-ħaxix. Dawn il-kummenti ntbagħtu lill-awtoritajiet Franċiżi b’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2005. L-awtoritajiet Franċiżi wieġbu b’ittra tat-28 ta’ Diċembru 2005, li fiha taw il-permess biex l-ittri tas-26 ta’ Diċembru 2002 u tat-22 ta’ Lulju 2003 jintbagħtu lil FEDECOM. Flimkien mal-ittra, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu korrezzjoni tat-tabelli finanzjarji li kienu ġew ipprovduti qabel. B’ittra tat-18 ta’ Jannar 2006, l-ittri msemmija ntbagħtu lil FEDECOM.

II.   DESKRIZZJONI

(9)

Wara lment anonimu, ġew f’idejn il-Kummissjoni għadd ta’ dokumenti li juru li ngħataw għajnuniet mill-istat lis-settur tal-frott u l-ħaxix fi Franza. Mid-dehra, fondi pubbliċi mill-Uffiċċju Nazzjonali Interprofessjonali għall-Frott, il-Ħaxix u l-Ortikultura (Office National Interprofessionnel des Fruits, des Légumes et de l’Horticulture, minn hawn ’il quddiem “ONIFLHOR”) kienu ngħataw lill-produtturi permezz tal-kumitati agri-ekonomiċi, biex jittieħdu miżuri ta’ appoġġ għas-suq tal-frott u l-ħaxix.

1.   Miżuri ta’ appoġġ għas-suq tal-frott u l-ħaxix

1.1.   Il-kumitati agri-ekonomiċi – kompożizzjoni, kompiti u modalitajiet ta’ finanzjament

(10)

Il-kumitati agri-ekonomiċi jħaddnu fihom il-gruppi ta’ produtturi agrikoli ta’ settur speċifiku. Huma stabbiliti bil-liġi Franċiża (2), u rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 552-1 et seq tal-Kodiċi Rurali.

(11)

Il-kompitu tal-kumitati ekonomiċi huwa l-istabbiliment ta’ regoli komuni għall-membri tagħhom sabiex jiġu armonizzati l-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-prezzijiet u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom (3).

(12)

Minkejja li huma stabbiliti f’forma ta’ kumpaniji rregolati mil-liġi privata, il-kumitati għandhom ikunu awtorizzati mill-Ministeru tal-Agrikultura, u jiġu sorveljati mill-qrib mill-awtoritajiet pubbliċi. B’mod speċjali, il-Prefett tar-reġjun fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-kumitat jattendi għal-laqgħat kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organi involuti u jsegwi d-deliberazzjonijiet kollha tagħhom.

(13)

Biex ikopru l-ispejjeż tal-operat tagħhom, il-kumitati ekonomiċi jirċievu ħlas ta’ reġistrazzjoni mill-gruppi ta’ produtturi, kif ukoll kontributi skont il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħhom (4). Dawn il-kontributi huma obbligatorji għall-partijiet involuti esklussivament permezz tal-kuntratt miftiehem bejn il-membri u l-kumitat (kontributi kuntrattwali).

(14)

Barra minn hekk, il-kumitati agri-ekonomiċi awtorizzati jistgħu jfasslu regoli speċjali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, u jistgħu jitolbu l-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għall-produtturi kollha fiż-żona territorjali tagħhom. Din l-estensjoni ssir permezz ta’ digriet tal-Ministerju tal-Agrikultura. Bid-deċiżjoni dwar l-estensjoni, il-produtturi li baqgħu indipendenti huma obbligati li jħallsu kontributi lill-kumitati, imsemmija kontributi għall-estensjoni tar-regoli.

1.2.   Il-“pjanijiet ta’ kontinġenza”

(15)

Tmien kumitati agri-ekonomiċi (Rhône-Méditerranée, Grand Sud-Ouest, Corse, Val de Loire, Nord, Nord-Est, Bretagne u Normandie) irċevew fondi pubbliċi matul għadd ta’ snin, ipprovduti l-aktar minn ONIFLHOR. Il-fondi ntużaw biex jiffinanzjaw għajnuna magħrufa bħala “pjanijiet ta’ kontinġenza”, li jinkludu miżuri fis-swieq kemm tal-Komunità kif ukoll ta’ barra, bil-għan li jħaffu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli maħsudin fi Franza, partikolarment f’perjodi ta’ kriżi.

(16)

Skont dawk li ressqu l-ilmenti, dawn il-miżuri ġew implimentati qabel ir-riforma tal-Organizzazzjonijiet Komuni tas-Suq tal-frott u ħaxix fl-1996. Franza kkonfermat li mill-1 ta’ Jannar 2003 ‘l hawn, l-ebda miżura ma ġiet iffinanzjata fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(17)

F’dak li jirrigwarda n-natura preċiża tal-miżuri, b’ittra tas-26 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li xtaqu jipprevjenu jew, f’każ ta’ kriżi, itaffu l-effetti ta’ sitwazzjoni fejn l-offerta tisboq b’mod temporanju d-domanda, billi jaġixxu fuq tliet livelli: is-swieq barranin, is-suq intern u l-ipproċessar.

(18)

Fis-swieq barranin, l-għan kien li jinżamm is-sehem tas-suq tal-prodotti Franċiżi billi l-esportaturi jitħallew jiksbu pożizzjoni tajba fi swieq strateġiċi u jiffaċċaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet.

(19)

Fis-suq intern, il-miżuri ffinanzjati kellhom l-għan li jħaffu s-suq billi joffru prezzijiet aktar attraenti, jew billi jeqirdu parti mill-ħsad żejjed jew iħeġġu l-ipproċessar tiegħu. L-awtoritajiet Franċiżi jsemmu wkoll miżuri għall-ħżin temporanju ta’ prodotti f’każ ta’ saturazzjoni tas-suq, kif ukoll appoġġ għall-impriżi ta’ pproċessar sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tas-suq tal-prodotti friski.

(20)

L-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tat-22 ta’ Lulju 2003 tipprovdi tabelli ta’ ċifri li juru l-ammonti ta’ għajnuna pubblika allokati għall-miżuri ta’ “pproċessar”, “tħaffif tas-suq”, “kwalità”, “kuntratti”, “swieq barranin” u “ħżin”.

(21)

Id-dokumenti u t-tagħrif li għandha l-Kummissjoni jipprovdu indikazzjonijiet aktar ċari, għalkemm limitati għal ċerti prodotti, dwar in-natura tal-miżuri li x’aktarx ġew iffinanzjati fil-qafas tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza”.

(22)

Pereżempju, fejn tidħol il-produzzjoni tat-tuffieħ, ittra li rċeviet il-Kummissjoni f’April 2002 tirreferi għal għajnuna għall-esportazzjoni barra mill-Komunità li allegatament tħallset bħala għajnuna għall-promozzjoni. Fil-verità, il-miżura kienet tikkonsisti fl-offerta ta’ skontijiet lix-xerrej, imħallsa mill-awtoritajiet Franċiżi għal kull kaxxa ta’ tuffieħ mixtrija. Barra minn hekk, skont dokumenti oħra, jidher li l-kumitat ekonomiku tal-frott u l-ħaxix ta’ Bassin Rhône Méditerranée (BRM) fis-sena 2000 iffinanzja elementi bħalma huma “l-ispejjeż tal-produzzjoni”, “il-prezz tal-bejgħ”, “il-politika ta’ pproċessar”, “esportazzjoni strutturali”, “żvilupp tal-esportazzjoni”, “esportazzjoni waqt quċċata ta’ produzzjoni”, “swieq emerġenti” u “żvilupp tas-suq intern”. Fis-setturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk, jidher li dawn l-għajnuniet ingħataw skont il-kwantitajiet prodotti.

(23)

Ċerti dokumenti li għandha l-Kummissjoni juru li l-awtoritajiet Franċiżi kienu jafu bin-natura dubbjuża ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-liġi Komunitarja. L-awtoritajiet Franċiżi nfushom qiesu dawn il-miżuri bħala “anti-Komunitarji fil-biċċa l-kbira tagħhom” u ġibdu l-attenzjoni għal “theddida ta’ obbligu fuq il-produtturi biex iħallsu lura l-ammonti li ngħataw illegalment” (5). Rapport tal-BRM ifakkar ukoll fin-“natura konfidenzjali tal-pjanijiet strateġiċi u l-ħtieġa ta’ diskrezzjoni, fid-dawl tal-prinċipju anti-Komunitarju tagħhom” (6).

1.3.   Mekkaniżmu ta’ finanzjament

(24)

Fl-ittra tas-26 ta’ Diċembru 2002, Franza spjegat li 30 %-50 % tal-finanzjament ta’ dawn il-miżuri ġie kopert mis-setturi kkonċernati, filwaqt li l-bqija ġiet koperta minn fondi pubbliċi.

(25)

FEDECOM spjega b’mod dettaljat il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” kif ukoll ir-rwol tal-kumitati. Dawn l-ispjegazzjonijiet ma ġewx ikkuntestati minn Franza.

(26)

Skont FEDECOM, il-miżuri li kellhom jiġu applikati ġew iddeterminati esklussivament minn ONIFLHOR, u l-kumitati ekonomiċi kienu obbligati li japplikawhom. Fil-waqt ta’ kull pjan ta’ kontinġenza u għal kull tip ta’ pjanta, ONIFLHOR iddeċieda l-miżuri li kellhom jittieħdu u ta lis-sezzjoni nazzjonali kkonċernata l-kompitu tal-implimentazzjoni tagħhom. ONIFLHOR iddeċieda wkoll l-ammonti allokati lill-pjanijiet inkwistjoni, kif ukoll l-ammont tal-kontributi li kellu jitħallas mill-kumitati ekonomiċi.

(27)

Il-miżuri kienu ffinanzjati minn fond operazzjonali amministrat mill-kumitati ekonomiċi. Dan il-fond kien jitmexxa fuq l-istess prinċipji bħal dawk li jirregolaw l-għajnuna Komunitarja pprovduta bl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (7), billi parti mill-finanzjament ġie minn fondi pubbliċi u parti minn kontributi finanzjarji mill-produtturi membri (magħrufa bħala kontributi settorjali), skont il-kwantità jew il-valur tal-frott u l-ħaxix imqiegħed fis-suq. Il-kontributi settorjali ma kinux magħmulin minn kontributi għall-estensjoni tar-regoli. Għaldaqstant, ma kinux obbligatorji skont digriet ministerjali.

(28)

Il-kontributi settorjali kienu ntalbu mill-kumitati agri-ekonomiċi, u tħallsu minn ONIFLHOR permezz ta’ għajnuna pubblika. Madankollu, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kellhom l-għażla li ma jeħdux sehem fl-inizjattiva. In-nuqqas ta’ ħlas tal-kontributi settorjali kien ifisser ċaħda tal-għajnuna mingħand ONIFLHOR. F’dan il-każ, l-għajnuna pubblika baqgħet ibblokkata fil-livell tal-kumitat ekonomiku, u ONIFHLOR talbet rimborż ex-post. Fil-fatt, ċerti organizzazzjoni ta’ produtturi, pereżempju Roussillon Méditerranée, Rambertfruits u Vallée de l’Eyrieux, irrifjutaw li jħallsu l-kontributi settorjali u għaldaqstant ma bbenefikawx mill-għajnuna taħt il-“pjanijiet ta’ kontinġenza”.

1.4.   Ammont tal-għajnuna

(29)

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti daqqa t’għajn lejn l-ammonti mħallsa, f’euro, minn ONIFLHOR taħt il-“pjanijiet ta’ kontinġenza” mill-1992 sal-2002 (8). Dawn l-ammonti huma mqassma skont is-sena u l-miżura. Madankollu, għas-snin 1992 u 1993, it-tabella turi biss l-ammont globali tal-għajnuna mħallsa. Franza spjegat li l-arkivji ta’ ONIFLHOR ma jippermettux tqassim aktar iddettaljat għal dawk is-sentejn.

(f’EUR)

 

Ipproċessar

Tħaffif tas-suq

Kwalità

Kuntratti

Swieq barranin

Ħżin

Total

1992

 

 

 

 

 

 

29 081 983,81

1993

 

 

 

 

 

 

18 639 480,39

1994

3 476 338,03

7 476 623,78

7 344 395,76

141 027,37

7 681 356,49

370 770,47

26 490 511,90

1995

6 355 889,01

10 693 311,73

3 359 858,02

109 049,43

15 738 316,68

745 034,23

37 001 459,10

1996

6 806 740,88

16 777 570,17

5 808 577,08

297 302,41

16 024 793,42

467 681,24

46 182 665,21

1997

5 727 385,57

9 219 002,49

4 197 657,27

210 767,17

12 928 391,98

348 239,42

32 631 443,91

1998

5 108 432,83

10 714 426,52

3 225 588,91

235 250,96

8 060 847,76

221 905,32

27 566 452,29

1999

13 025 113,13

11 885 479,12

5 496 144,68

193 162,59

18 580 942,06

1 211 975,20

50 392 816,78

2000

9 472 914,30

8 748 331,16

5 601 928,08

648 258,44

11 496 657,37

787 112,53

36 755 201,88

2001

7 661 016,28

0

735 689,69

1 121 848,94

2 891 108,02

287 509,69

18 763 119,48

2002

6 568 162,59

0

3 686 121,77

37 869,61

3 623 285,33

783 323,81

14 698 762,81

2.   Punti mqajma mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni

(30)

Il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni kif ipprovduta bl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE, għax kellha dubji serji rigward il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni u qieset li inizjalment kellha tiġi kkategorizzata sempliċement bħala għajnuna operattiva. Barra minn hekk, kien jidher li tali miżuri kienu jfixklu serjament il-mekkaniżmi tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-frott u l-ħaxix.

III.   KUMMENTI MRESSQA MINN PARTIJIET TERZI

(31)

Min ressaq l-ilment ma bagħatx kummenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(32)

FEDECOM bagħat dokument li jiddeskrivi l-kompożizzjoni u l-modalitajiet ta’ finanzjament ta’ dawn il-kumitati, kif ukoll ir-rwol tal-kumitati fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza”.

(33)

Franza ma kkontestatx l-akkuratezza ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet.

(34)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta (ara s-sezzjonijiet 1 u 3 tad-dokument msemmi fil-punt 32), FEDECOM isostni li:

(35)

Il-kumitati agri-ekonomiċi ma kinux benefiċjarji tal-ammonti allokati fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza”. Il-kumitati llimitaw ruħhom għall-fondi li rċevew, li mbagħad qassmu lid-destinatarji aħħarija (l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u, permezz tagħhom, il-produtturi membri tal-organizzjonijiet).

(36)

Il-ħlas tal-“kontribut settorjali” kien volontarju min-naħa tal-organizzazzjonijiet ta’ prodotturi. Il-prinċipju tiegħu kien soġġett għall-approvazzjoni mis-sezzjonijiet nazzjonali kkonċernati, li ħadu d-deċiżjonijiet tagħhom skont proċess demokratiku. Ma kien hemm l-ebda test li jobbliga lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jitolbu l-benefiċċju ta’ għajnuna Komunitarja. B’konsegwenza ta’ dan, skont FEDECOM, il-kontributi settorjali ma jistgħux jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, fid-dawl tan-natura privata u volontarja tagħhom.

(37)

Skont FEDECOM, il-miżuri mwettqa fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” ma jikkostitwux għajnuniet mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, billi f’dan il-każ ma jintlaħaqx il-kriterju għall-finanzjament tal-għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

IV.   KUMMENTI MRESSQA MINN FRANZA

(38)

B’ittra tal-4 ta’ Ottubru 2005, Franza ressqet il-kummenti tagħha rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward tal-għajnuna mhux innotifikata.

(39)

Franza ma tatx kjarifiki rigward in-natura preċiża tal-miżuri ffinanzjati fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza”, u lanqas ma kkontestat l-analiżi preliminari tal-Kummissjoni rigward l-inkompatibbiltà ta’ dawn l-għajnuniet mas-suq komuni skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(40)

Madankollu, fir-rigward tan-natura tal-kontributi settorjali mħallsa għall-finanzjament tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza”, Franza indikat li dawk il-kontributi kienu jikkostitwixxu l-kontributi tas-setturi kkonċernati għal miżuri ffinanzjati taħt il-“pjanijiet ta’ kontinġenza” u ma bbenefikawx mill-estensjoni tar-regoli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħaxix. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dawn kienu kontributi volontarji li ma kinux stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi u li kienu liberament disponibbli għall-kumitati ekonomiċi. Ma kinux ta’ natura obbligatorja. Franza kkonkludiet li dawn il-kontributi ma jistgħux jitqabblu ma’ riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(41)

Franza pprovdiet tabella bl-ammonti tal-approprjazzjonijiet għall-“pjanijiet ta’ kontinġenza” mill-baġit ta’ ONIFLHOR għas-snin 1994 sa 2002, imqassma skont il-produzzjoni u l-miżuri (ara hawn fuq). Dawn l-ammonti ma jinkludux il-“kontributi settorjali” imħallsa mis-settur. B’ittra tat-28 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet korrezzjoni ta’ din it-tabella għas-sena 2002.

V.   EVALWAZZJONI

(42)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat tal-KE (li saru l-Artikoli 87, 88 u 89) kienu applikabbli għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat-18 ta’ Mejju 1972 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-frott u l-ħaxix (9) li kienu applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna.

1.   Preżenza ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE

(43)

Skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(44)

Biex miżura taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE, għandhom jintlaħqu l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin b’mod kumulattiv: 1) il-miżura għandha tkun iffinanzjata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u imputabbli lill-Istat; 2) għandha tikkonċerna b’mod selettiv ċerti impriżi jew setturi ta’ produzzjoni; 3) għandha ġġib magħha vantaġġ ekonomiku għall-impriżi benefiċjarji; 4) għandha tolqot il-kummerċ intra-Komunitarju u tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni.

(45)

L-ewwel nett, wieħed għandu jinnota li l-miżuri meħuda fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” bbenefikaw b’mod esklussiv (selettiv) lill-produtturi tal-frott u l-ħaxix tad-départements Franċiżi kkonċernati.

(46)

F’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-benefiċjarji, jeħtieġ li jitqiesu l-effetti tal-għajnuna biex jiġi ddeterminat min kienu l-benefiċjarji. Il-benefiċjarji ta’ dawk l-għajnuniet huma dawk li tabilħaqq gawdew minnhom (10) u li raw il-qagħda kompetittiva tagħhom titjieb wara li ngħatatilhom l-għajnuna.

(47)

F’dan il-każ, jidher ċar min-natura stess tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” (ara l-punti 17 u sussegwenti ta’ din id-Deċiżjoni) li kienu maħsubin biex iħaffu l-bejgħ tal-prodotti Franċiżi, billi jippermettu lill-produtturi jgawdu minn prezz tal-bejgħ (jew ħlas marbut mal-bejgħ) ogħla mill-prezz reali mħallas mix-xerrej tal-merkanzija. Għaldaqstant, jidher li l-produtturi kienu l-benefiċjarji aħħarija ta’ dawk l-għajnuniet.

(48)

Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minn FEDECOM u li ma ġewx ikkontestati mill-awtoritajiet Franċiżi, jirriżulta li l-fondi użati fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ kontinġenza tqassmu inizjalment mill-kumitati agri-ekonomiċi lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li kienu ngħaqdu mal-inizjattiva tal-pjanijiet ta’ kontinġenza u kienu ħallsu l-kontributi settorjali, bir-riżultat li l-benefiċċju ta’ dawk l-għajnuniet għadda mbagħad mill-organizzazzjonijiet professjonali għall-produtturi.

(49)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Artikolu L 551-1 tal-Kodiċi Rurali, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jistgħu jeżistu f’diversi forom legali, li jikkorrispondu għal rabtiet kummerċjali mill-qrib, sa ċertu punt, bejn il-membri ta’ dawk l-organizzazzjonijiet. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li f’ċerti każijiet eċċezzjonali, il-benefiċċju tal-għajnuna ma jgħaddix mill-organizzazzjoni ta’ produtturi għall-membri tagħha, b’mod li, f’dawn il-każijiet partikulari ħafna, il-benefiċjarju aħħari tal-għajnuna jkun l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

(50)

It-tieni nett, il-produtturi kkonċernati gawdew minn vantaġġ ekonomiku fil-forma ta’ finanzjament minn diversi miżuri ta’ appoġġ għas-suq. Dan il-vantaġġ tejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Skont il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża bħala konsegwenza ta’ għajnuna mill-Istat jindika, bħala regola ġenerali, tagħwiġ tal-kompetizzjoni meta mqabbel ma’ impriżi oħra li ma jirċevux l-istess għajnuna (11).

(51)

It-tielet nett, fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, is-settur tal-frott u tal-ħaxix kien għalkollox miftuħ għall-kompetizzjoni, u kkaratterizzat minn kummerċ intra-Komunitarju f’saħħtu (12). L-eżistenza ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur hija xhieda oħra tal-importanza tal-kummerċ intra-Komunitarju tal-frott u l-ħaxix, kif ukoll tax-xewqa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni fis-suq komuni. Għaldaqstant, il-miżuri kkonċernati, li kellhom l-għan li jimmanipulaw il-prezzijiet u l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq, kellhom mnejn jolqtu l-kummerċ u jgħawġu l-kompetizzjoni. Fejn jidħlu l-miżuri ddestinati għas-swieq mhux Komunitarji, il-ġurisprudenza tal-Qorti tindika li, fid-dawl tal-interdipendenza tas-swieq li fihom joperaw il-produtturi tal-Komunità, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li l-għajnuna tgħawweġ il-kompetizzjoni intra-Komunitarja billi ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-operaturi, anki jekk l-għajnuna tibbenefika prodotti għall-esportazzjoni lil hinn mill-Komunità (13). B’hekk jintlaħqu bis-sħiħ il-kriterji li jikkonċernaw l-effett fuq il-kummerċ u t-tfixkil tal-kompetizzjoni.

(52)

Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-finanzjament mill-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jeħtieġ li ssir analiżi fil-fond li tifli bir-reqqa, fost l-oħrajn, l-argumenti tal-Istat Franċiż kif ukoll ta’ FEDECOM rigward in-natura tal-kontributi settorjali bħala riżorsi tal-Istat.

(53)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, biex benefiċċju jitqies bħala għajnuna tal-Istat, għandu jkun ingħata, l-ewwel nett, b’mod dirett jew indirett permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u t-tieni nett, għandu jkun imputabbli għall-Istat (14).

(54)

Il-Kummissjoni tinnota li ONIFLHOR huwa entità pubblika. Għaldaqstant, l-appoġġ finanzjarju minn ONIFLHOR għall-“pjanijiet ta’ kontinġenza” jikkostitwixxu biċ-ċar riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, il-miżuri mwettqa fil-kuntest tal-pjanijiet huma imputabbli għall-Istat, billi kien ONIFLHOR li, għal kull sena tas-suq, kien jistabbilixxi l-miżuri li kellhom jittieħdu, kien iqabbad lis-sezzjoni nazzjonali kkonċernata biex twettaq l-implimentazzjoni tagħhom, u kien jiddeċiedi l-ammonti allokati kif ukoll l-ammonti tal-kontributi settorjali.

(55)

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti (15), il-Kummissjoni tqis li l-fatt li miżura imputabbli għall-Istat ġiet iffinanzjata parzjalment minn kontributi mingħand l-impriżi kkonċernati ma jneħħix min-natura tagħha bħala għajnuna mill-Istat, billi dan jiddependi mill-arranġamenti u mill-effetti tas-sistema. In-natura obbligatorja jew volontarja tal-kontributi m’għandha x’taqsam xejn mal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Għaldaqstant, għandha tiġi rrifjutata l-allegazzjoni mingħand FEDECOM li l-miżuri mwettqa fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” mhumiex għajnuniet minħabba n-natura privata tal-kontributi settorjali.

(56)

B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-miżuri mwettqa fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” kienu ffinanzjati mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u kienu imputabbli għall-Istat.

(57)

Madankollu, il-Kummissjoni xtaqet tivverifika li l-applikabbiltà possibbli tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti fil-qasam tar-riżorsi tal-Istat ma tqegħidx f’dubju dan ir-raġunament. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jitfakkru d-deliberazzjonijiet ewlenin tal-Qorti fil-Każ ta’ Pearle (16). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti indikat li d-dħul minn kontribut obbligatorju impost fuq l-impriżi kollha f’ċertu settur, miġbur minn entità intermedjarja pubblika, jista’ jitqies bħala riżorsi tal-Istat biss jekk jintlaħqu l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin b’mod kumulattiv: a) il-miżuri ffinanzjati mill-kontributi obbligatorji jiġu ddeterminati mis-settur ikkonċernat; b) il-finanzjament jiġi 100 % mill-kontributi mingħand l-impriżi tas-settur; c) il-kontributi jiġu allokati b’mod obbligatorju għall-finanzjament tal-miżura, mingħajr il-possibbiltà li jintervjeni l-Istat billi jiddetermina jew jimmodifika l-użu ta’ dawk ir-riżorsi; d) il-partijiet li jħallsu l-kontributi huma wkoll il-benefiċjarji tal-miżura.

(58)

F’dan il-każ, il-finanzjament ma kienx jiġi 100 % mill-kontributi mingħand l-impriżi tas-settur. Mingħajr dubju, il-kriterji ta’ Pearle ma jintlaħqux. Madankollu, wieħed għandu jinnota li fis-sentenza ta’ Pearle, il-Qorti ddeċidiet fir-rigward ta’ sitwazzjoni differenti u b’għan differenti. Il-Qorti xtaqet tidentifika b’mod partikulari l-kriterji li jippermettu l-istabbiliment taċ-ċirkustanzi li fihom ir-rwol imwettaq mill-Istat fil-ħolqien ta’ miżura ffinanzjata bis-sħiħ mis-settur benefiċjarju tant ikun marġinali li l-miżura kkonċernata ma titqiesx li tilħaq il-kriterji kollha tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(59)

F’dan il-każ, deher ċar li l-Istat kellu rwol ċentrali fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet (mill-għażla tal-miżuri sal-kofinanzjament tagħhom). B’hekk, iż-żewġ sitwazzjonijiet (dan il-każ u l-każ tas-sentenza ta’ Pearle) ma tantx jistgħu jitqabblu.

(60)

Barra minn hekk, il-Qorti ta’ Prim’Istanza dan l-aħħar ħarġet sentenza fir-rigward tar-rwol notorju mwettaq mill-Istat Franċiż fi skema ta’ għajnuna oħra fis-settur tal-agrikultura, li kien wassal biex il-Qorti tqis il-kontributi settorjali bħala riżorsi tal-Istat, fost l-oħrajn minħabba l-fatt li kienu talbu l-addozzjoni ta’ att minn awtorità pubblika sabiex jinħass l-effett tagħhom (17).

(61)

F’dan il-każ, l-għażla ewlenija mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kienet li jissieħbu jew le mal-inizjattiva tal-Istat. Mill-ġdid, fil-każ li jagħżlu li ma jisseħbux, il-produtturi kkonċernati kienu jitilfu l-benefiċċju tal-fondi allokati għall-pjanijiet ta’ kontinġenza minn ONIFLHOR, fatt li kkostitwixxa inċentiv qawwi biex jieħdu sehem fl-inizjattiva.

(62)

B’qies għall-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonferma li analiżi fid-dawl tal-erba’ kriterji tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE tippermetti l-konklużjoni li l-miżuri marbutin mal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” kienu sewwasew għajnuna mill-Istat.

2.   Illegalità tal-għajnuna

(63)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma għarrfux lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-għajnuniet inkwistjoni, kif inhu mitlub mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE. Għaldaqstant, il-miżuri jikkostitwixxu għajnuniet illegali fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (18).

(64)

Ta’ min wieħed jinnota li hawnhekk l-eżami tal-Kummissjoni jkopri biss il-perjodu mill-31 ta’ Lulju 1992 sa llum, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jiddikjara li s-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu soġġetti għal perjodu limitat ta’ 10 snin. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna illegali inkwistjoni hija inkompatibbli mal-organizzazzjoni tas-suq komuni, tista’ tordna l-ikupru tagħha biss għall-perjodu stipulat. Il-perjodu stipulat jista’ jiġi interrott minn kwalunkwe miżura meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna illegali. F’dan il-każ, il-perjodu stipulat ġie interrott minn ittra tal-Kummissjoni lil Franza bid-data tal-31 ta’ Lulju 2002. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinkludi l-perjodu ta’ qabel il-31 ta’ Lulju 1992 fil-konsiderazzjonijiet tagħha.

3.   Eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna

(65)

L-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE jinkludi ċerti derogi għall-prinċipju ġenerali tal-inkompatibbiltà tal-għajnuniet mill-Istat mat-Trattat tal-KE.

(66)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Franċiżi ma ressqu l-ebda argument li juri li l-għajnuna eżaminata hija kompatibbli mas-suq komuni.

(67)

It-tieni nett, ta’ min wieħed iqis li ċerti obbligi stipulati fit-Trattat tal-KE evidentement mhumiex applikabbli għal dan il-każ, partikularment dawk stipulati fl-Artikolu 87(2), li jkopru l-għajnuna ta’ natura soċjali, l-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkaġunati minn diżastri naturali, u l-għajnuna marbuta mar-reunifikazzjoni tal-Ġermanja. L-istess jgħodd għad-derogi pprovduti fl-Artikolu 87(3)(a)(b) u (d) tat-Trattat tal-KE, billi l-għajnuniet ikkonċernati ma kinux maħsubin biex jiffavorixxu l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjun fejn il-livell tal-għixien huwa baxx b’mod anormali, jew fejn hemm livell serju ta’ qgħad, u lanqas ma kienu maħsubin għal proġetti ta’ interess komuni Ewropew jew bħala kumpens minħabba tfixkil serju tal-ekonomija tal-Istat, jew għall-promozzjoni tal-kultura jew għall-konservazzjoni tal-wirt.

(68)

L-unika deroga li aktarx tapplika għal dan il-każ hija dik ipprovduta fl-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat tal-KE, li jistipula li “għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Biex tibbenefika minn din id-deroga, l-għajnuna għandha tkun konformi mar-regoli Komunitarji applikabbli għall-għajnuniet mill-Istat.

3.1.   Identifikazzjoni tal-linji gwida applikabbli għall-għajnuna illegali

(69)

Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni tal-għajnuniet mill-Istat illegali [titlu mhux uffiċjali] (19), kull għajnuna illegali fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandha tiġi eżaminata skont ir-regoli u l-linji gwida fis-seħħ fiż-żmien li tingħata l-għajnuna.

(70)

B’hekk, l-għajnuniet mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002 (meta l-għajnuniet intemmu) għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tar-regoli stipulati fil-linji gwida għall-għajnuniet mill-Istat fis-settur agrikolu (20). Min-naħa l-oħra, kull għajnuna mogħtija qabel dik id-data għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u l-prattiċi fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2000.

3.2.   Inkompatibbiltà tal-għajnuna

(71)

Skont it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, il-“pjanijiet ta’ kontinġenza” kienu jipprovdu miżuri maħsubin biex jaffaċċjaw il-kriżijiet imqajma minn offerta żejda ta’ prodotti Franċiżi fis-suq Komunitarju, partikularment permezz tas-sussidjar tal-prezzijiet tal-bejgħ, għall-ħżin jew għall-qerda ta’ parti mill-ħsad, kif ukoll permezz ta’ inċentivi finanzjarji għall-ipproċessar tal-prodotti friski. Fis-swieq lil hinn mill-Unjoni Ewropea, sussidji għall-esportazzjoni kieku kienu jgħinu bl-istess mod biex iħaffu l-bejgħ tal-prodotti Franċiżi żejda, u kienu jsaħħu l-pożizzjoni kompetittiv tal-operaturi. Jidher li tali għajnuniet ingħataw skont il-prezz u l-kwantità prodotta.

(72)

Dawn l-għajnuniet mhumiex koperti mil-linji gwida msemmija aktar ’il fuq, u lanqas minn regoli Komunitarji oħra fl-istess qasam. Jidher ċarissmu li jikkostitwixxu għajnuniet għall-operat bil-għan li jiffaċilitaw il-bejgħ tal-prodotti Franċiżi billi jimmanipulaw il-prezzijiet tal-bejgħ jew il-kwantitajiet offerti fis-swieq. Tali interventi huma strettament ipprojbiti mir-regolamentazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

(73)

Ta’ min wieħed jiftakar li, kif iddeċiedu l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti ta’ Prim’Istanza, l-għajnuniet għall-operat, jiġifieri l-għajnuniet bil-għan li jikkumpensaw l-ispejjeż li l-impriżi normalment iġarrbu fit-tmexxija ġenerali tal-attivitajiet tagħhom, fil-prinċipju kienu ta’ xkiel għall-kompetizzjoni sal-punt li, minn naħa, ma kienu jiffaċilitaw “l-iżvilupp” tal-ebda settur ekonomiku, u min-naħa l-oħra, taw lill-benefiċjarju appoġġ finanzjarju artifiċjali li wassal għal aktar tagħwiġ tal-kompetizzjoni u laqat il-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni (21).

(74)

B’mod partikulari, is-swieq agrikoli tal-Unjoni Ewropea huma rregolati b’mod eżawrjenti permezz tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq (OKS). L-għan tal-OKS huwa li, fost l-oħrajn, tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi tas-settur ikkonċernat fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Miżuri ta’ appoġġ għas-suq bħal dawk imdaħħla u ffinanzjati minn Franza, imsejsa fuq il-prezzijiet u l-kwantitajiet prodotti, imorru kontra l-għanijiet tal-OKS tal-frott u l-ħaxix, u għandhom mnejn ifixklu serjament il-funzjonijiet tagħha. F’dan il-każ, l-OKS ikkonċernata kienet dik tal-frott u l-ħaxix, li kienet ibbażata, għall-perjodu 1992-2002, rispettivament fuq ir-Regolamenti (KEE) Nru 1035/72 u (KE) Nru 2200/96.

(75)

Kif saħqet kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja (22), kull intervent ta’ Stat Membru fil-mekkaniżmi tas-suq, għajr dawk speċifikament stipulati minn Regolament Komunitarju, isogru li jfixklu l-funzjonament tal-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, kif ukoll li joħolqu vantaġġi mhux ġustifikabbli għal ċerti gruppi ekonomiċi fil-Komunità. B’mod partikulari, fil-ġurisprudenza riċenti tagħha (23), il-Qorti fakkret għal darb’oħra li, fl-oqsma koperti minn organizzazzjoni komuni, aktar u aktar fejn organizzazzjoni tkun imsejsa fuq reġim komuni tal-prezzijiet, l-Istati Membri ma jistgħux ikomplu jintervjenu, permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali deċiżi b’mod unilaterali, fil-mekkaniżmu tal-formazzjoni tal-prezzijiet irregolati mill-organizzazzjoni komuni fl-istadji tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq.

(76)

Ta’ min wieħed jinnota li l-mekkaniżmi nazzjonali tal-għajnuna għall-prezzijiet bħal dawk ikkonċernati f’dan il-każ jikkompromettu s-sistema komuni tal-prezzijiet, u b’mod aktar ġenerali wkoll lill-għan tal-mekkaniżmi maħluqin mir-Regolamenti Komunitarji dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, anki fejn ikollhom l-għan li jiffaċilitaw il-bejgħ tal-prodotti nazzjonali fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Fil-fatt, dawn ir-Regolamenti jolqtu wkoll il-bejgħ ta’ prodotti Komunitarji fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, u b’hekk jarmonizzaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fost il-produtturi Komunitarji.

(77)

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri ta’ għajnuna deskritti ma jistgħu jgawdu mill-ebda deroga prevista fit-Trattat tal-KE, minħabba li jgħawġu l-kompetizzjoni u mhumiex iġġustifikati fir-rigward tal-interess komuni.

VI.   KONKLUŻJONI

(78)

L-għajnuniet mill-Istat mogħtija minn Franza fil-forma ta’ “pjanijiet ta’ kontinġenza” favur il-produtturi tal-frott u l-ħaxix bejn l-1992 u l-2002 huma inkompatibbli mas-suq komuni.

(79)

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li Franza wettqet il-miżuri ta’ għajnuna msemmija kontra l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE.

(80)

Fejn l-għajnuna illegali hija inkompatibbli mas-suq komuni, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistipula li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jieħu lura l-għajnuna mill-benefiċjarju. Dan ir-rimborż huwa meħtieġ sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet tapplika qabel, u jinvolvi t-tħassir tal-vantaġġi kollha finanzjarji li gawdew minnhom il-benefiċjarji tal-għajnuna illegali mid-data li din ingħatat.

VII.   PROĊEDURA TA’ RKUPRU

(81)

Skont l-Artikolu 15(64) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, is-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra għajnuna għandhom ikunu soġġetti għal perjodu limitat ta’ għaxar snin. Dan il-perjodu limitat għandu jibda dakinhar li l-għajnuna illegali tku ingħatat lill-benefiċjarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna f’forma ta’ skema ta’ għajnuna. Madankollu, kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna illegali, għandha tinterrompi l-perjodu limitat, u dan il-perjodu jibda jiskorri mill-bidu. Billi l-Kummissjoni ħadet l-ewwel miżura tagħha fil-31 ta’ Lulju 2002, f’dan il-każ il-Kummissjoni ma tistax tirkupra għajnuniet ta’ qabel il-31 ta’ Lulju 1992.

(82)

Ir-rati ta’ interess applikabbli għall-irkupru tal-għajnuniet identifikati bħala inkompatibbli, kif ukoll ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-rati, huma speċifikati fil-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (24), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (25).

(83)

L-għajnuniet għandhom jitħallsu lura skont il-proċeduri stipulati mil-leġiżlazzjoni Franċiża, sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni.

(84)

L-għajnuna għandha tiġi rkuprata mill-benefiċjarji tal-għajnuna. Kif indikat aktar ’il fuq, il-benefiċjarji aħħarija huma fil-prinċipju l-produtturi membri tal-organizzazzjonijiet professjonali li ħadu sehem fil-pjanijiet ta’ kontinġenza. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, jista’ jagħti l-każ li l-għajnuna ma ġietx ittrasferita lill-produtturi mill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi. Għaldaqstant, l-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħand il-produtturi, għajr fejn l-Istat Membru jista’ juri li l-għajnuna ma ġietx ittrasferita mill-organizzazzjoni ta’ produtturi; f’dan il-każ l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand l-organizzazzjoni ta’ produtturi.

(85)

F’dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-għajnuna, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tikkwantifika l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura (26). F’dan il-każ, jidher ċar min-natura stess tal-miżuri meħuda fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” (ara l-punti 17 u sussegwenti ta’ din id-Deċiżjoni) li kienu maħsubin essenzjalment biex jippermettu lill-produtturi jgawdu minn prezz tal-bejgħ (jew ħlas marbut mal-bejgħ) ogħla mill-prezz reali mħallas mix-xerrej tal-merkanzija. B’hekk, l-ammont li għandu jiġi rkuprat jikkonsisti fid-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti. Fil-każ ta’ għajnuniet għall-qerda ta’ parti mill-ħsad, l-ammont li għandu jiġu rkuprat huwa t-totalità tal-ammonti mħallsa għal dik il-qerda. F’ċerti każijiet, b’mod partikulari l-każ speċifiku tal-miżuri ta’ ħżin temporanju tal-prodotti, il-miżuri meħuda setgħu jikkonsistu wkoll fit-tħaffif tal-ispejjeż normalment imġarrba mill-benefiċjarji (speċjalment l-ispejjeż tal-ħżin). Għaldaqstant, l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi għall-ispejjeż li l-benefiċjarji tal-għajnuna ma kellhomx iħallsu.

(86)

Skont l-obbligi Komunitarji tagħha, huwa f’idejn Franza li tipproċedi għall-irkupru tal-ammonti kkonċernati. Fl-ipoteżi li Franza ssib diffikultajiet imprevisti biex tirkupra l-għajnuna, tista’ tinforma lill-Kummissjoni b’dawn il-problemi sabiex tkun tista’ tevalwahom. F’dak il-każ, skont id-dmir ta’ kooperazzjoni ġenwina msemmi speċjalment fl-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom jikkollaboraw f’bonafidi sabiex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li josservaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, fuq kollox id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuniet,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuniet mill-Istat mogħtija fil-kuntest tal-“pjanijiet ta’ kontinġenza” lill-produtturi tal-frott u l-ħaxix, imwettqa minn Franza illegalment kontra l-Artikolu 83(3) tat-Trattat tal-KE, bejn is-snin 1992 u 2002, huma inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   Franza għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tirkupra l-għajnuniet inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

2.   L-għajnuniet li għandhom jiġu rkuprati jinkludu interessi mid-data meta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħhom.

3.   L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

4.   L-irkupru għandu jsir minnufih u skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Franza għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Franza għandha tissottometti lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej:

(a)

il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna li rċieva kull benefiċjarju;

(b)

l-ammont totali (dak prinċipali u l-interess ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji;

(ċ)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu jew li huma ppjanati biex tintlaħaq il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji rċevew l-ordni biex iħallsu lura l-għajnuna.

2.   Franza għandha tgħarraf lill-Kummissjoni bil-progress tal-miżuri nazzjonali adottati biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni, sakemm tiġi rkuprata l-għajnuna kollha msemmija fl-Artikolu 1.

3.   Wara l-perjodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1, fuq talba tal-Kummissjoni, Franza għandha tressaq rapport dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tintlaħaq il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jipprovdi wkoll tagħrif iddettaljat dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-interessi ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Jannar 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 233, 22.9.2005, p. 21.

(2)  B’mod speċjali, il-liġi tas-6 ta’ Ottubru 1982, u l-liġi nru 2001-6 tal-4 ta’ Jannar 2001.

(3)  Liġi nru 99-574 tad-9 ta’ Lulju 1999, Artikolu 59 III, IV (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża, 10.7.1999).

(4)  Digriet nru 90-879 tat-28 ta’ Settembru 1990, Artikolu 4 (Il-Ġurnal Uffiċċjali tar-Repubblika Franċiża, 30.9.1990).

(5)  Rapport tal-laqgħa dwar il-Frott u l-Ħaxix tal-11 ta’ April 2001, noti mill-Ministeru tal-Agrikultura, Anness Nru 19.

(6)  Rapport tal-Laqgħa Ġenerali tal-OP tas-Sajd tal-31 ta’ Awwissu 2000 f’ Nîmes, Anness Nru 20.

(7)   ĠU L 297, 21.11.1996, p. 1.

(8)  Din it-tabella tqis il-korrezzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi b’ittra tat-28 ta’ Diċembru 2005.

(9)   ĠU L 118, 20.5.1972, p. 1.

(10)  Sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Marzu 1991, Italja vs Il-Kummissjoni (C-303/88, ECR 1991, p. I-1433), paragrafu 57. 57

(11)  Sentenza tal-Qorti tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs. Il-Kummissjoni (Każ 730/79, ECR 1980, p. 2671), paragrafi 11 u 12.

(12)  Pereżempju, fis-sena 2000 il-kummerċ intra-Komunitarju tal-ħaxix ammonta għal 6 727 000 tunnellata, u tal-frott għal 5 609 000 tunnellata. Franza hija minn dejjem wieħed mill-aktar pajjiżi produtturi importanti tal-frott u tal-ħaxix fl-UE, bi 3 681 000 tunnellata frott u 7 989 000 tunnellata ħaxix prodotti fis-sena 2000.

(13)  Sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs. Il-Kummissjoni (C-142/87, ECR 1987, p. 2589), paragrafu 35.

(14)  Sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Marzu 1991, Italja vs Il-Kummissjoni (C-303/88, ECR I-1433), paragrafu 11. Sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs. Il-Kummissjoni (C-482/99, ECR 2002, p. I-4397), paragrafu 24. Sentenza tal-Qorti tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C-126/01, ECR 2003, p. I-13769), paragrafu 24.

(15)  Sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, ECR 1977, p. 595) u Sentenza tal-Qorti tal-11 ta’ Novembru 1987 (259/85, Franza vs. Il-Kummissjoni, ECR 1987, p. 4393), paragrafu 23.

(16)  Sentenza tal-Qorti tas-15 ta’ Lulju 2004, Pearle e.a. (C-345/02, ECR 2004, p. I-7139). Il-miżura ddisputata kienet kampanja pubbliċitarja favur is-settur tal-ottika, iffinanzjata bis-sħiħ minn “kontribut obbligatorju” attribwit lill-impriżi fis-settur. Dan il-ħlas kien impost minn entità professjonali rregolata mil-liġi pubblika. Din l-entità ma setgħet qatt tiddisponi liberament mill-kontributi miġbura b’dak il-mod.

(17)  Sentenza tal-Qorti tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat Père & Fils e.a. vs. Il-Kummissjoni (T-136/05, ECR p. II-4063).

(18)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(19)   ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(20)   ĠU C 28, 1.2.2000, p. 2.

(21)  Sentenza tal-Qorti tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs. Il-Kummissjoni (T-459/93, ECR II-1675), paragrafi 48 u 77.

(22)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond (imsejħa s-sentenza tal-“Pigs Marketing Board”) (83/78, ECR 1978, p. 2347), paragrafu 60.

(23)  Sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ Mejju 2005, Kuipers (C-283/03, ECR 2005, p. I-3761), paragrafi 42, 49 u 53.

(24)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(25)   ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1.

(26)  Sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni vs. Franza (C-441/06, għadha ma ġietx ippubblikata), paragrafu 29.


Top