Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1165

    Regolament (KE) Nru 1165/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 2008 li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 321, 1.12.2008, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/01/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1165/oj

    1.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 321/1


    REGOLAMENT (KE) Nru 1165/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tad-19 ta' Novembru 2008

    li jikkonċerna l-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/23/KEE ta' l-1 ta  Ġunju 1993 dwar stħarriġ ta' statistika li trid tkun imwettqa dwar il-produzzjoni tal-majjal (2), id-Direttiva tal-Kunsill 93/24/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar stħarriġ ta' statistika li għandhom isiru fuq il-produzzjoni ta' annimali bovini (3) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/25/KEE ta' l-1 ta' Ġunju 1993 dwar stħarriġ ta' statistika li għandhom isiru fuq merħliet ta' nagħaġ u mogħoż (4), ġew emendati diversi drabi. Billi issa huma meħtieġa aktar emendi u simplifikazzjonijiet, dawn l-atti għandhom, għall-finijiet ta' ċarezza, jiġu sostitwiti, b'att wieħed.

    (2)

    Sabiex jiġi żgurat li l-politika agrikola komuni tiġi amministrata sew, partikolarment fejn huma kkonċernati s-swieq taċ-ċanga, tal-vitella, tal-laħam tal-majjal, tal-laħam tan-nagħaġ, tal-laħam tal-mogħoż u tal-laħam tat-tjur, il-Kummissjoni teħtieġ data regolari dwar ix-xejriet fil-bhejjem u fil-produzzjoni tal-laħam.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88 tad-29 ta' Frar 1988 dwar l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ Komunitarju dwar l-istruttura ta' l-impriżi agrikoli (5) jipprevedi programm ta' stħarriġ tal-Komunità biex jiġu prodotti statistiċi dwar l-istruttura ta' l-impriżi agrikoli sa l-2007.

    (4)

    Skond ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (6), l-istatistika kollha mill-Istati Membri mibgħuta lill-Kummissjoni li hija mqassma skond l-unitajiet territorjali għandha tuża l-klassifikazzjoni NUTS. Konsegwentement, biex tiġi stabbilita statistika reġjonali komparabbli, l-unitajiet territorjali għandhom jiġu definiti skond il-klassifikazzjoni NUTS.

    (5)

    Biex jiġi limitat il-piż fuq l-Istati Membri, il-ħtiġiet tad-data reġjonali m'għandhomx jeċċedu l-ħtiġiet stabbiliti bil-leġislazzjoni preċedenti (dment li sadanittant ikunu dehru livelli reġjonali ġodda) u d-data reġjonali għandha tkun fakultattiva meta n-numri tal-bhejjem reġjonali jkunu taħt ċerti limiti.

    (6)

    Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u din tista' tintlaħaq partikolarment bl-assistenza tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika Agrikola stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 72/279/KEE (7).

    (7)

    Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-reġim applikabbli skond id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE, dan ir-Regolament għandu jippermetti l-għoti ta' deroga għal perijodu sa sena u fil-każ tan-nagħaġ u tal-mogħoż, sa sentejn, li għandu jingħata lill-Istati Membri fejn l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sistemi statistiċi nazzjonali tagħhom tkun teħtieġ adattamenti maġġuri u jkun hemm il-possibbiltà li tikkawżaproblemi prattiċi sinifikanti.

    (8)

    Il-miżuri għall-produzzjoni ta' l-istatistika previsti f'dan ir-Regolament huma meħtieġa għat-twettiq ta' l-attivitajiet tal-Komunità. Billi l-objettiv ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta' statistika Komunitarja dwar il-bhejjem u l-laħam fl-Istati Membri, ma jistax jinkiseb suffiċjentament mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (9)

    Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar statistika Komunitarja (8) li jipprevedi qafas ta' referenza għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-ġbir ta' l-istatistika jikkonforma mal-prinċipju ta' imparzjalità, jiġifieri b'mod partikolari oġġettività u indipendenza xjentifika, kif ukoll trasparenza, affidabilita’, rilevanza, kost-effettività u konfidenzjalità ta' l-statistika.

    (10)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti lill-Kummissjoni (9).

    (11)

    B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex temenda l-Annessi I, II, IV u V. Billi tali miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju skond l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (12)

    Id-Direttivi 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE għandhom għalhekk jiġu mħassra.

    (13)

    Il-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola ġie kkonsultat.

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali komuni għall-produzzjoni sistematika ta' l-istatistika tal-Komunità dwar il-bhejjem u l-produzzjoni ta' laħam, b'mod partikolari

    (a)

    Statistika dwar annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż;

    (b)

    Statistika dwar il-qtil ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ, mogħoż u tjur; u

    (ċ)

    Tbassir ta' produzzjoni taċ-ċanga, tal-vitella, tal-laħam tal-majjal„ tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “Impriża agrikola” tfisser impriża agrikola kif definita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1166/2008 ta’... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar stħarriġ dwar strutturi tal-impriżi agrikoli u stħarriġ dwar metodi ta' produzzjoni agrikola (10);

    2.

    “Stħarriġ fuq kampjun” tfisser stħarriġ fuq kampjun kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1166/2008;

    3.

    It-terminu “annimal bovin” ifisser annimali domestiċi ta' l-ispeċi Bos TaurusBubalus bubalis, inklużi ibridi bħall-Beefalo;

    4.

    It-terminu “majjal” ifisser annimali domestiċi ta' l-ispeċi Sus scrofa domestica;

    5.

    It-terminu“nagħġa” jfisser annimali domestiċi ta' l-ispeċi Ovis aries;

    6.

    It-terminu “mogħża” jfisser annimali domestiċi tas-subspeċi Capra aegagrus hircus;

    7.

    It-terminu “tjur” ifisser għasafar domestiċi ta' l-ispeċi Gallus gallus (tiġieġ), Meleagris spp. (dundjani), Anas spp. u Cairina moschata (papri) u Anser anser dom. (wiżż). Għasafar domestiċi ta' l-ispeċi Coturnix spp. (summien), Phasianus spp. (faġani), Numida meleagris dom. (fargħun), Columbinae spp. (ħamiem), u Struthio camelus (nagħam) huma inklużi. Madankollu jeskludi għasafar imrobbijin ikkonfinati għal skopijiet ta' kaċċa u mhux għall-produzzjoni tal-laħam;

    8.

    It-terminu “biċċerija” jfisser stabbiliment reġistrat u approvat uffiċjalment użat għall-qtil u t-tlestija ta' l-annimali li l-laħam tagħhom huwa intenzjonat għall-konsum mill-bniedem.

    Definizzjonijiet oħrajn għall-għan tar-Regolament preżenti huma mniżżlin fl-Anness I.

    TAQSIMA I

    STATISTIKA DWAR IL-BHEJJEM

    Artikolu 3

    Kopertura

    1.   Kull Stat Membru għandu jipproduċi statistika dwar in-numru ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż miżmumin fl-impriżi agrikoli fit-territorju tiegħu.

    2.   L-Istati Membri li jwettqu stħarriġ fuq kampjun għandhom ikopru biżżejjed impriżi agrikoli biex jagħmlu tajjeb għal mill-inqas 95 % tal-popolazzjoni kollha, kif stabbilit mill-aħħar stħarriġ dwar l-istruttura ta' l-impriżi agrikoli.

    Artikolu 4

    Frekwenza u perijodu ta' referenza

    1.   L-istatistika dwar il-bhejjem bovini għandha ssir darbtejn fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f'Mejju/Ġunju u jum stabbilit f'Novembru/Diċembru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom tal-bovini hija inqas minn 1 500 000 ras jistgħu jipproduċu din l-istatistika darba fis-sena biss, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/Diċembru.

    2.   L-istatistika dwar il-majjali għandha ssir darbtejn fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f' Mejju/Ġunju u jum stabbilit f'Novembru/Diċembru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-majjali tagħhom hija anqas minn 3 000 000 ras jistgħu jipproduċu din l-istatistika darba fis-sena biss, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/Diċembru.

    3.   L-istatistika dwar in-nagħaġ għandha ssir darba fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/f'Diċembru, minn dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom ta' nagħaġ hija ta' 500 000 ras jew aktar.

    4.   L-istatistika dwar il-mogħoż għandha ssir darba fis-sena, b'referenza għal jum stabbilit f'Novembru/Diċembru, minn dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni ta' mogħoż hija ta' 500 000 ras jew aktar.

    Artikolu 5

    Kategoriji

    L-istatistika dwar il-bhejjem għandha tiġi prodotta għall-kategoriji mniżżlin fl-Anness II.

    Artikolu 6

    Preċiżjoni

    1.   L-Istati Membri li jwettqu l-istħarriġ għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex ir-riżultati ta' l-istħarriġ nazzjonali li jiġu estrapolati jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ta' preċiżjoni stipolati fl-Anness III.

    2.   Stat Membru li jiddeċiedi li juża sors amministrattiv, għandu jinforma lill-Kummissjoni minn qabel u għandu jipprovdi d-dettalji dwar il-metodu li ser jintuża u l-kwalità tad-data minn dak is-sors amministrattiv.

    3.   Stat Membru li jiddeċiedi li juża sorsi li mhumiex stħarriġ, għandu jiżgura li l-informazzjoni miksuba minn tali sorsi hi ta' l-anqas ta' l-istess kwalità bħall-informazzjoni miksuba mill-istħarriġ ta' l-istatisitika.

    Artikolu 7

    Skadenzi għat-trasmissjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-istatistika proviżorja dwar il-bhejjem qabel:

    (a)

    il-15 ta' Settembru ta' l-istess sena għall-istatistika ta' Mejju/Ġunju;

    (b)

    il-15 ta' Frar tas-sena ta' wara għall-istatistika ta' Novembru/Diċembru.

    2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-istatistika definittiva dwar il-bhejjem qabel:

    (a)

    il-15 ta' Ottubru ta' l-istess sena għall-istatistika ta' Mejju/Ġunju;

    (b)

    il-15 ta' Mejju tas-sena ta' wara għall-istatistika ta' Novembru/Diċembru.

    Artikolu 8

    Statistika reġjonali

    L-istatistika ta' Novembru/Diċembru għandha titqassam skond l-unitajiet territorjali NUTS 1 u NUTS 2 definiti fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003. B'eċċezzjoni dawn jistgħu jiġu pprovduti biss mill-unitajiet territorjali NUTS 1 għall-Ġermanja u r-Renju Unit. Huma fakultattivi għall-unitajiet territorjali li għandhom anqas minn 75 000 annimal bovin, 150 000 majjal, 100 000 nagħġa u 25 000 mogħża jekk dawn l-unitajiet territorjali flimkien jikkostitwixxu 5 % jew anqas tal-popolazzjoni nazzjonali ta' l-annimali rilevanti.

    TAQSIMA II

    STATISTIKA DWAR IL-QTIL TAL-BHEJJEM

    Artikolu 9

    Kopertura

    Kull Stat Membru għandu jipproduċi statistika relatata man-numru u l-piż tal-karkassi ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ, mogħoż u tjur maqtulin fil-biċċeriji fit-territorju tiegħu, li l-laħam tagħhom hu meqjus bħala tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Għandu wkoll jipprovdi stimi dwar kemm hu wiesa’ l-qtil li ma jsirx fil-biċċeriji, sabiex l-istatistika tinkludi, l-annimali bovini, l-majjali, in-nagħaġ u l-mogħoż kollha maqtulin fit-territorju tiegħu.

    Artikolu 10

    Frekwenza u perijodu ta' referenza

    1.   L-istatistika dwar qtil fil-biċċeriji għandha tiġi prodotta kull xahar minn kull Stat Membru. Il-perijodu ta' referenza għandu jkun ix-xahar kalendarju.

    2.   L-istatistika dwar qtil li ma jsirx fil-biċċeriji għandha tiġi prodotta kull sena minn kull Stat Membru. Il-perijodu ta' referenza għandu jkun is-sena kalendarja.

    Artikolu 11

    Kategoriji

    L-istatistika dwar il-qtil għandha tiġi pprovduta għall-kategoriji mniżżlin fl-Anness IV.

    Artikolu 12

    Skadenzi għat-trasmissjoni

    L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-istatistika:

    (a)

    dwar il-qtil fil-biċċeriji fi żmien 60 jum wara l-perijodu ta' referenza;

    (b)

    dwar il-qtil li ma jsirx fil-biċċeriji qabel it-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara.

    TAQSIMA III

    TBASSIR DWAR IL-PRODUZZJONI TAL-LAĦAM

    Artikolu 13

    Kopertura

    L-Istati Membri għandhom jużaw l-istatistika msemmija fit-Taqsimiet I u II, u informazzjoni oħra disponibbli, biex jipproduċu tbassir dwar il-provvista tagħhom ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż. Din il-provvista għandha tkunespressa bħala l-produzzjoni indiġena grossa, li tikkorrispondi għan-numru ta' annimali bovini, majjali, nagħaġ u mogħoż maqtulin, miżjud mal-bilanċ tal-kummerċ intra-Komunitarju u estern ta' l-annimali ħajjin ta' dawn l-ispeċi.

    Artikolu 14

    Frekwenza u perijodu ta' referenza

    1.   It-tbassir għall-annimali bovini għandu jiġi pprovdut darbtejn fis-sena minn kull Stat Membru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni bovina tagħhom hija anqas minn 1 500 000 ras jistgħu jipproduċu dan it-tbassir darba fis-sena biss.

    2.   It-tbassir għall-majjali għandu jiġi pprovdut darbtejn fis-sena minn kull Stat Membru. Dawk l-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-majjali tagħhom hija inqas minn 3 000 000 ras jistgħu jipproduċu dawn il-previżjonijiet darba fis-sena biss.

    3.   It-tbassir għan-nagħaġ għandu jiġi pprovdut darba fis-sena mill-Istati Membri li l-popolazzjoni tan-nagħaġ tagħhom hija ta' 500 000 ras jew aktar.

    4.   It-tbassir għall-mogħoż għandu jiġi pprovdut darba fis-sena mill-Istati Membri li l-popolazzjoni tal-mogħoż tagħhom hija ta' 500 000 ras jew aktar.

    5.   It-tbassir għandu jkopri:

    (a)

    tliet semestri għall-annimali bovini u erba' trimestri għall-majjali għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darbtejn fis-sena;

    (b)

    erba' semestri għall-annimali bovini u sitt trimestri għall-majjali għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darba fis-sena;

    (ċ)

    żewġ semestri għan-nagħaġ u l-mogħoż.

    Artikolu 15

    Kategoriji

    It-tbassir għandu jiġi pprovdut għall-kategoriji mniżżlin fl-Anness V.

    Artikolu 16

    Skadenzi għat-trasmissjoni

    L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni it-tbassir tal-produzzjoni tal-laħam:

    (a)

    qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-annimali bovini mill-bidu ta' l-ewwel semestru tas-sena attwali sat-tmiem ta' l-ewwel semestru tas-sena ta' wara u qabel il-15 ta' Settembru għat-tbassir mill-bidu tat-tieni semestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni semestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darbtejn fis-sena;

    (b)

    qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-annimali bovini mill-bidu ta' l-ewwel semestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni semestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darba fis-sena;

    (ċ)

    qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-majjali mill-bidu ta' l-ewwel trimestru sat-tmiem ta' l-aħħar trimestru tas-sena attwali u qabel il-15 ta' Settembru għat-tbassir mill-bidu tat-tielet trimestru tas-sena attwali sa tmiem it-tieni trimestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darbtejn fis-sena;

    (d)

    qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għall-majjali mill-bidu ta' l-ewwel trimestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni trimestru tas-sena ta' wara għall-Istati Membri li jipprovdu tbassir darba fis-sena;

    (e)

    qabel il-15 ta' Frar għat-tbassir għan-nagħaġ u l-mogħoż mill-bidu ta' l-ewwel semestru tas-sena attwali sat-tmiem tat-tieni semestru tas-sena attwali għan-nagħaġ u l-mogħoż.

    TAQSIMA IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 17

    Valutazzjoni tal-kwalità u rapporti

    1.   Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-dimensjonijiet li ġejjin ta' valutazzjoni tal-kwalità għall-istatistika li għandha tiġi mgħoddija:

    (a)

    “ir-rilevanza” tirreferi għall-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali ta' l-utenti;

    (b)

    “il-preċizjoni” tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;

    (ċ)

    “il-wasla fil-ħin” tirreferi għad-dewmien ta' żmien bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;

    (d)

    “il-puntwalità” tirreferi għad-dewmien ta' żmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data mmirata meta suppost kellha tintbagħat;

    (e)

    “l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

    (f)

    “il-komparabilità” tirreferi għall-kejl ta' l-impatt tad-differenzi fil-kunċetti statistiċi u għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew fuqq medda ta' żmien; u

    (g)

    “il-koerenza” tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.

    2.   Kull tliet snin, u għall-ewwel darba sa l-1 ta' Lulju 2011, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapport dwar il-kwalità tad-data mibgħuta.

    3.   Ir-rapporti tal-kwalità għandhom jiddeskrivu:

    (a)

    l-organizzazzjoni ta' l-istħarriġ kopert b'dan ir-Regolament u l-metodoloġija applikata;

    (b)

    il-livelli ta' preċiżjoni miksuba għall-kampjuni ta' l-istħarriġ msemmija f'dan ir-Regolament;

    (ċ)

    il-kwalità tas-sorsi utilizzati minbarra l-istħarriġ, u

    (d)

    il-kwalità tat-tbassir imsemmija f'dan ir-Regolament.

    4.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla metodoloġika jew bidla oħra li għandha effett konsiderevolifuq l-istatistika. Dan għandu jsir mhux aktar tard minn tliet xhur wara li din il-bidla tidħol fis-seħħ.

    5.   Il-prinċipju li l-ispejjeż addizzjonali u l-piżijiet jinżammu f'limiti raġonevoli għandu jittieħed f'konsiderazzjoni.

    Artikolu 18

    Miżuri ta' implimentazzjoni

    1.   Il-miżuri mfassla biex jiġu emendati l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia, billi jissupplimentawh, u li għandhom x'jaqsmu ma' modifiki għall-Annessi I, II, IV u V għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(2).

    2.   Il-prinċipju li l-benefiċċji ta' modifiki għandhom ikunu akbar mill-ispejjeż, u lill-prinċipju li l-ispejjeż u l-piżijiet addizzjonali jibqgħu f'limiti raġonevoli għandu jittieħed f'konsiderazzjoni.

    Artikolu 19

    Proċedura ta' Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 20

    Deroga

    1.   Fejn l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għas-sistema statistika nazzjonali ta' Stat Membru teħtieġ adattamenti maġġuri u x'aktarx tikkawża problemi prattiċi sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga mill-applikazzjoni tiegħu sa l-1 ta' Jannar 2010 u fil-każ ta' statistiċi dwar in-nagħaġ u l-mogħoż, sa l-1 ta' Jannar 2011.

    2.   Tali Stati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan mhux aktar tard mill-21 ta' Marzu 2009.

    Artikolu 21

    Revoka

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, id-Direttivi tal-Kunsill 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE għandhom jiġu mħassra.

    2.   Ir-referenzi magħmula għal Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    3.   B'deroga mill-Artikolu 22(2), Stat Membru li jkun ingħata deroga skond l-Artikolu 20 għandu jkompli japplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/23/KEE, 93/24/KEE u 93/25/KEE (KEE) għat-tul taż-żmien tal-perijodu tad-deroga.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, 19 ta' Novembru 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-P. JOUYET


    (1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2008.

    (2)  ĠU L 149, 21.6.1993, p. 1.

    (3)  ĠU L 149, 21.6.1993, p. 5.

    (4)  ĠU L 149, 21.6.1993, p. 10.

    (5)  ĠU L 56, 2.3.1988, p. 1.

    (6)  ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1.

    (7)  ĠU L 179, 7.8.1972, p. 1.

    (8)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.

    (9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (10)  Ara paġna 14 ta' dan Il-Ġurnal Uffiċjali.


    ANNESS I

    DEFINIZZJONIJIET

    Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

    1.   il-kategoriji ta' annimali bovini

     

    Anness II

    Annessi IV u V

    Għoġġiela

     

    Annimali bovini li għandhom 8 xhur jew inqas

    Bhejjem ta' l-ifrat żgħar

     

    Annimali bovini li għandhom aktar minn 8 xhur imma mhux aktar minn 12-il xahar

    Għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

    Għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar ta' mhux aktar minn 12-il xahar għall-qatla

     

    Barrin

     

    Annimali bovini maskili mhux kastrati li mhux inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

    Barrin kastrati

     

    Annimali bovini maskili kastrati li mhux inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

    Erħiet

    Annimali bovini femminili li għad ma welldux għoġġiela u li mhumiex inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat.

    Annimali bovini femminili li għad ma welldux għoġġiela u li mhumiex inklużi taħt għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat

    Erħiet għall-qatla

    Erħiet imrawma għall-produzzjoni tal-laħam

     

    Erħiet oħrajn

    Erħiet imrawma għar-riproduzzjoni u maħsuba biex jissostitwixxu l-baqar tal-ħalib u baqar oħrajn

     

    Baqar

    Annimali bovini femminili li kellhom għoġġiela (inklużi dawk li huma ta' età inqas minn sentejn)

    Bovini femminili li kellhom għoġġiela

    Baqar tal-ħalib:

    Baqar imrawma esklussivament jew prinċipalment għall-produzzjoni ta' ħalib għall-konsum mill-bniedem u/jew għall-ipproċessar ta' prodotti tal-ħalib, inklużi l-baqar għall-qatla (irispettivament minn jekk ġewx imsemmna jew le bejn l-aħħar darba li ġew maħluba u l-qatla tagħhom)

     

    Baqar oħrajn

    Baqar li mhumiex baqar tal-ħalib, possibilment li jinkludu kull xorta ta' baqar tal-ġarr

     

    2.   kategoriji ta' nagħaġ

    Nagħaġ femminili u ħrief femminili mqegħdin mal-muntun: membri femminili ta' l-ispeċi ovina li diġà welldu ħrief ta' l-inqas darba kif ukoll dawk li tqiegħdu mal-muntun għall-ewwel darba.

    Nagħaġ tal-ħalib: nagħaġ miżmumin esklużivament jew prinċipalment għall-produzzjoni tal-ħalib għall-konsum mill-bniedem u/jew għall-ipproċessar ta' prodotti tal-ħalib, inklużi nagħaġ imħarfa tal-ħalib (kemm jekk huma imħaxxna kemm jekk mhumiex bejn l-aħħar ħalba u l-qatla).

    Nagħaġ femminili oħrajn: nagħaġ femminili oħrajn minbarra nagħaġ tal-ħalib.

    Ħrief: nagħaġ maskili jew femminili ta' inqas minn 12-il xahar.

    3.   it-terminu “karkassa”

    (a)

    għall-annimali bovini ifisser il-ġisem sħiħ ta' l-annimal maqtul kif preżentat wara li jiġi żvinat, jitneħħewlu l-imsaren u jiġi mqaxxar, ippreżentat mingħajr ir-ras (separata mill-karkassa fil-ġog atloido-okkipitali); mingħajr is-saqajn (li għandhom jinqatgħu mill-ġog karpametakarpal jew tarsometatarsali); mingħajr l-organi li jinsabu fil-kavita torċika u abdominali, bil-kliewi jew mingħajrhom, ix-xaħam tal-kliewi u x-xaħam pelviku; u mingħajr l-organi sesswali u l-muskoli ta' magħhom u mingħajr il-bżieżel jew ix-xaħam tal-glandola mammarja.

    (b)

    għall-majjali ifisser il-ġisem ta' majjal maqtul, żvinat u li tneħħewlu l-imsaren, sħiħ jew maqsum matul il-linja tan-nofs, mingħajr ilsien, lanżit, dwiefer, organi sesswali, xaħam “flare”, kliewi u dijaframma.

    (ċ)

    għan-nagħaġ u l-mogħoż ifisser il-ġisem kollu ta' l-annimal maqtul kif ippreżentat wara li jiġi żvinat, jitneħħewlu l-imsaren u jiġi mqaxxar, ippreżentat mingħajr ir-ras (separata mill-ġog atloido-okkipitali); mingħajr is-saqajn (maqtugħin mill-ġogi karpametakarpali jew tersometatarsali); mingħajr id-denb (maqtugħ bejn is-sitt u s-seba’ verterbrae kaudali); mingħajr l-organi li jinstabu fil-vojt toraċiku u abdominali (ħlief għall-kliewi u x-xaħam tal-kliewi); u mingħajr il-bżieżel u l-organi sesswali; il-kliewi u x-xaħam tal-kliewi huma parti mill-karkassa;

    (d)

    għat-tjur tfisser imnittfa u mnaddfa, mingħajr ras u riġljen u mingħajr l-għonq, il-qalb, il-fwied u l-qnieżaħ, magħrufa bħala “65 % tiġieġ”, jew ippreżentati mod ieħor.

    4.

    It-terminu “piż tal-karkassa” ifisser il-piż tal-karkassa kiesħa, li għall-majjali, notevolment, jinkiseb billi jitnaqqas 2 % mill-piż rreġistrat sħun ta' l-anqas 45 minuta wara li l-majjal jiġi svinat, u li għall-bhejjem ta' l-ifrat jinkiseb billi jitnaqqas 2 % mill-piż rreġistrat sħun sa mhux aktar tard minn 60 minuta wara li l-annimal ikun ġie żvinat.


    ANNESS II

    KATEGORIJI TA' STATISTIKA DWAR IL-BHEJJEM

    Annimali bovini:

    annimali bovini ta' mhux aktar minn sena:

    għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar għall-qatla

    oħrajn:

    maskili

    femminili

    annimali bovini ta' aktar minn sena imma ta' anqas minn sentejn (ħlief in-nisa li jkunu welldu):

    maskili

    femminili (erħiet; annimali li għadhom ma welldux):

    annimali għall-qatla

    oħrajn

    annimali bovini ta' sentejn jew aktar:

    maskili

    femminili:

    erħiet:

    erħiet għall-qatla

    oħrajn

    baqar (annimali bovini li jkunu welldu, inklużi dawk li għandhom inqas minn sentejn):

    baqar tal-ħalib

    oħrajn

    bufli:

    bufli femminili għat-trobbija

    bufli oħrajn

    Ħnieżer:

    ħnienes b'piż ta' anqas minn 20 kg ħajjin

    majjali b'piż ta' 20 kg jew aktar iżda anqas minn 50 kg ħajjin

    majjali tas-simna, li jinkludu majjali maskili u femminili għall-qatla b'piż ħajjin:

    ta' 50 kg jew aktar iżda anqas minn 80 kg

    ta' 80 kg jew aktar iżda anqas minn 110 kg

    ta' 110 kg jew aktar

    majjali għat-tnissil b'piż ta' 50 kg jew aktar ħajjin:

    majjali maskili

    majjali femminili, li minnhom:

    majjali femminili mgħammrin għall-ewwel darba

    majjali femminili oħra, li minnhom:

    majjali femminili żgħar li għad mhux mgħammrin

    Nagħaġ:

    nagħaġ femminili u ħrief femminili mqegħdin mal-muntun:

    nagħaġ femminili tal-ħalib u ħrief femminili tal-ħalib mqegħdin mal-muntun

    nagħaġ femminili u ħrief femminili oħrajn imqegħdin mal-muntun

    nagħaġ oħra

    Mogħoż

    mogħoż li diġà welldu gidien u mogħoż li ġew mgħammra:

    mogħoż li diġà welldu gidien

    mogħoż mgħammrin għall-ewwel darba

    mogħoż oħrajn.


    ANNESS III

    ĦTIĠIET DWAR PREĊIŻJONI

    Fil-każ ta' stħarriġ dwar il-bhejjem, l-iżbalji tat-teħid tal-kampjuni għal kull Stat Membru m'għandhomx ikunu ogħla minn (b'intervall ta' konfidenza ta' 68 %):

    (a)

    1 % tan-numru totali ta' annimali bovini (5 % fejn il-popolazzjoni tal-annimali bovini hija inqas minn 1 000 000 ras);

    (b)

    1,5 % tan-numru totali ta' baqar (5 % fejn il-popolazzjoni tal-baqar hija inqas minn 500 000 ras);

    (ċ)

    2 % tan-numru totali ta' majjali (5 % fejn il-popolazzjoni tal-majjali hija inqas minn 1 000 000 ras);

    (d)

    2 % tan-numru totali ta' nagħaġ u ta' mogħoż (5 % fejn il-popolazzjoni tal-mogħoż u tan-nagħaġ hija inqas minn 1 000 000 ras).


    ANNESS IV

    KATEGORIJI TA' STATISTIKA DWAR IL-QTIL

    Annimali bovini

    għoġġiela

    bhejjem ta' l-ifrat żgħar

    erħiet

    baqar

    barrin

    barrin kastrati

    Ħnieżer

    l-ebda tqassim

    Nagħaġ

    ħrief

    oħrajn

    Mogħoż

    l-ebda tqassim

    Tajr

    tiġieġ

    dundjani

    papri

    oħrajn


    ANNESS V

    KATEGORIJI TA' TBASSIR TAL-PRODUZZJONI TAL-LAĦAM

    Annimali bovini:

    Għoġġiela u bhejjem ta' l-ifrat żgħar

    erħiet

    baqar

    barrin u barrin kastrati

    Hnieżer:

    l-ebda tqassim

    Nagħaġ:

    l-ebda tqassim

    Mogħoż:

    l-ebda tqassim.


    Top