Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0821

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 821/2008 tat- 18 ta’ Awwissu 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1362/2000 rigward il-ftuħ ta' kwota tariffarja tal-Komunità għall-banana li toriġina fil-Messiku

    ĠU L 221, 19.8.2008, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/821/oj

    19.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 221/23


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 821/2008

    tat-18 ta’ Awwissu 2008

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1362/2000 rigward il-ftuħ ta' kwota tariffarja tal-Komunità għall-banana li toriġina fil-Messiku

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1362/2000 tad-29 ta' Ġunju 2000 li jimplimenta għall-Komunità d-dispożizzjonijiet tat-tariffa tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt skont il-Ftehim Interim dwar il-Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti Messikani (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex titqies l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2007, fid-29 ta' Novembru 2006 ġie ffirmat it-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim dwar is-Sħubija Ekonomika, il-Koordinazzjoni u l-Kooperazzjoni Politika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u l-Istati Uniti Messikani min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2007.

    (2)

    B'hekk, ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 2/2000 tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u l-Messiku tat-23 ta' Marzu 2000 (2) ġew aġġustati bid-Deċiżjoni Nru 2/2008 tal-Kunsill Konġunt bejn l-UE u l-Messiku li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt Nru 2/2000 (3), dwar il-kummerċ ta' prodotti, iċ-ċertifikazzjoni tal-oriġini u l-akkwist pubbliku. Din id-deċiżjoni tiddisponi għall-ftuħ ta' tariffa annwali ġdida għall-banana li toriġina fil-Messiku.

    (3)

    Għall-implimentazzjoni ta' din il-kwota tariffarja, ir-Regolament (KE) Nru 1362/2000 għandu jkun aġġustat. Għal dan il-għan jeħtieġ li tinfetaħ kwota tariffarja għall-banana li toriġina fil-Messiku u li tingħalaq il-kwota tariffarja għall-banana li nfetħet fl-2004 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1553/2004 (4) li ma baqax japplika mill-1 ta' Jannar 2006 b'konsegwenza tal-introduzzjoni tar-reġim tariffarju biss mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1964/2005 tad-29 ta' Novembru 2005 dwar ir-rati tat-tariffi għall-banana [traduzzjoni mhux uffiċjali] (5).

    (4)

    Skont id-Deċiżjoni Nru 2/2008, il-kwota tariffarja l-ġdida għandha tinfetaħ mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena kalendarja. Din il-kwota għandha tapplika għall-ewwel darba mit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 2/2008 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data u għandu jidħol fis-seħħ minnufih.

    (5)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1362/2000 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 5b għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “5b.   Id-dazju doganali applikabbli għall-prodotti bil-kodiċi NM 0803 00 19 fi ħdan il-kwota tariffarja bin-numru tas-serje Nru 09.1834 fl-Anness għandu jkun EUR 70/tunnellata.”

    (b)

    Il-paragrafu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “6.   Bl-eċċezzjoni tal-kwoti tariffarji bin-numri tas-serje Nru 09.1834, Nru 09.1854, Nru 09.1873 u Nru 09.1899, il-kwoti tariffarji elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom jinfetħu kull sena għal perjodu ta' tnax-il xahar mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju. Dawn il-kwoti għandhom jinfetħu għall-ewwel darba fl-1 ta' Lulju 2000.

    Il-kwota tariffarja bin-numru tas-serje Nru 09.1834 għandha tinfetaħ mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena kalendarja. Għas-sena 2008, din il-kwota għandha tapplika mid-29 ta’ Lulju 2008.

    Il-kwota tariffarja bin-numru tas-serje Nru 09.1873 għandha tinfetaħ mill-1 ta' Mejju 2004 sal-31 ta' Diċembru 2004 u minn hemm 'il quddiem mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena kalendarja, sakemm il-kwota tibqa' applikabbli.”

    (2)

    L-Anness huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mid-29 ta’ Lulju 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Awwissu 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 157, 30.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 502/2005 (ĠU L 83, 1.4.2005, p. 12).

    (2)  ĠU L 157, 30.6.2000, p. 10.

    (3)  ĠU L 198, 26.7.2008, p. 55.

    (4)  ĠU L 282, 1.9.2004, p. 3.

    (5)  ĠU L 316, 2.12.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1528/2007 (ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1).


    ANNESS

    It-Tabella fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1362/2000 hija emendata hekk:

    (1)

    Bejn ir-ringiela bin-numru tas-serje 09.1845 u r-ringiela bin-numru tas-serje 09.1847 tiżdied din ir-ringiela:

    Nru tas-serje

    Kodiċi tan-NM

    Deskrizzjoni

    Volum tal-kwota tariffarja annwali

    (piż nett, sakemm mhux speċifikat xort'oħra)

    Dazju tal-kwota tariffarja

    (riduzzjoni %)

    “09.1834

    0803 00 19

    Banana, friska (għajr għall-pjantaġġini)

    2 000 tunnellata

    Dazju fiss li għandu jiġi applikat”

    (2)

    Ir-ringiela għall-kwota tariffarja bin-numru tas-serje 09.1871 titneħħa.


    Top