Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0393

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 393/2008 tat- 30 ta’ April 2008 dwar l-awtorizzazzjoni ta' l-astaxanthin dimethyldisuccinate bħala addittiv fl-għalf Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 117, 1.5.2008, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/07/2020; Imħassar b' 32020R0998

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/393/oj

    1.5.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 117/20


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 393/2008

    tat-30 ta’ April 2008

    dwar l-awtorizzazzjoni ta' l-astaxanthin dimethyldisuccinate bħala addittiv fl-għalf

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf ta' l-annimali (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fin-nutriment ta' l-annimali u l-bażi u l-proċeduri biex tingħata din l-awtorizzazzjoni.

    (2)

    Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, intbagħtet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni stipulata fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni ta' l-astaxanthin dimethyldisuccinate bħala addittiv fl-għalf għas-salamun u t-troti, biex tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ l-addittivi “addittivi sensorji”.

    (4)

    L-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta’ l-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2007 li l-astaxanthin dimethyldisuccinate ma tħallix effett negattiv fuq is-saħħa ta' l-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent (2). Ikkonkludiet ukoll li l-astaxanthin dimethyldisuccinate ma jippreżenta l-ebda riskju ieħor li, skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jeskludi l-awtorizzazzjoni. Hija ma tikkunsidrax li hemm il-bżonn għal ħtiġijiet speċifiċi ta' sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq. Din l-opinjoni tivverifika wkoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi ta' l-addittiv ta' l-għalf fl-għalf imressaq mil-Laboratorju ta' Referenza tal-Komunità stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (5)

    L-evalwazzjoni ta' din il-preparazzjoni turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għalhekk, l-użu ta’ din il-preparazzjoni għandu jiġi awtorizzat, kif speċifikat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta' l-addittivi “addittivi sensorji” u tal-grupp funzjonali “a (ii). Kuluranti; sustanzi li, meta jingħataw lill-annimali, iżidu l-kuluri lill-ikel li jkun ġej mill-annimali”, huma awtorizzati bħala addittivi fin-nutriment ta' l-annimali skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 30 ta’ April 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8).

    (2)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Addittivi u Prodotti jew Sustanzi użati fl-Għalf għall-Annimali intitolat “is-sikurezza u l-effettività tal-Carophyll® Stay-Pink (astaxanthin dimethyldisuccinate) bħala addittiv ta' l-għalf għas-salamun u t-troti”. Adottata fis-17 ta’ Ottubru 2007. Il-Ġurnal ta’ l-EFSA (2007) 574, p. 1-25.


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni ta’ l-addittiv

    Isem id-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

    Speċi jew kategorija ta’ l-annimal

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

    mg/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

    Kategorija: addittivi sensorji. Grupp funzjonali: A(ii) Kuluranti; sustanzi li meta jingħataw lill-annimali jżidu l-kuluri lill-ikel li jkun ġej mill-annimali

    2a(ii) 165

    Astaxanthin dimethyldisuccinate

     

    Sustanza attiva:

     

    Astaxanthin dimethyldisuccinate

    (C50H64O10, CAS Nru: 578006-46-9)

     

    Astaxanthin dimethyldisuccinate > 96 %

     

    Karotenodji oħra < 4 %

     

    Kompożizzjoni ta’ l-addittiv:

    Formulat b'matriċi organika

     

    Kriterji tal-purità:

     

    Ossidu tat-trifenilfosfina (TPPO) ≤ 100 mg/kg ta' l-addittiv

     

    Dichloromethane: ≤ addittiv ta' 600 mg/kg

     

    Metodi Analitiċi

    kromatografija likwida ta’ prestazzjoni għolja (HPLC) flimkien ma' detezzjoni ultravjola (UV) (1)

    Salamun u troti

    138

    1.

    L-użu permess mill-età ta' 6 xhur 'il quddiem jew minn piż ta' 50 g 'il quddiem.

    2.

    Sabiex jintuża fl-għalf tal-ħut, l-addittiv għandu jintuża f'forma fformulata, stabbilizzata tajjeb ma' antiossidanti awtorizzati. Jekk l-Etoksikwin jintuża fil- formulazzjoni, il-kontenut ta' l-Etoksikwin għandu jkun indikat fit-tikketta.

    3.

    Jekk l-astaxanthin dimethyldisuccinate ikun imħallat ma' kantaksantin u sorsi oħra ta' astaxanthin, il-konċentrazzjoni totali tat-taħlita ma għandhiex taqbeż l-ekwivalenti ta' 100 mg astaxanthin (2)/kg fl-għalf tal-ħut kollu.

    21 ta’ Mejju 2018


    (1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli f’dan l-indirizz elettroniku tal-Laboratorju ta' Referenza tal-Komunità: www.irmm.jrc.be/crl-feed-additives

    (2)  1,38 mg astaxanthin dimethyldisuccinate hu ekwivalenti għal 1 mg astaxanthin


    Top