Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0180

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 180/2008 tat- 28 ta’ Frar 2008 li jikkonċerna l-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għall-mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 56, 29.2.2008, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/180/oj

    29.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 56/4


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 180/2008

    tat-28 ta’ Frar 2008

    li jikkonċerna l-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għall-mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel u li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae (razza ta’ żwiemel) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(iv) tagħha,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi ta’ l-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa u l-benesseri ta’ l-annimali (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 90/426/KEE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali għall-moviment bejn l-Istati Membri u l-importazzjoni lejn il-Komunità minn pajjiżi terzi ta’ equidae ħajjin.

    (2)

    Skond l-Artikolu 19(iv) tad-Direttiva 90/426/KEE, il-Kummissjoni tista’ taħtar laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal marda waħda jew iżjed ta’ l-equidae mniżżla fl-Anness A ta’ din id-Direttiva. Flimkien ma’ dan, huwa jipprovdi funzjonijiet, ħidmiet u proċeduri rigward il-kollaborazzjoni mal-laboratorji responsabbli għad-dijanjosi ta’ mard ta’ equidae li jittieħed fl-Istati Membri li għandu jiġi stipulat mill-Kummissjoni.

    (3)

    Wara li tlestiet il-proċedura ta’ l-għażla, il-laboratorju li kien ta’ suċċess, l-Agence Française de Sécurité Sanitaire des Aliments (AFSSA), bil-laboratorji tagħha ta’ riċerka għall-patoloġija u ż-żoonożi ta’ l-annimali, Maisons-Alfort u għall-patoloġija u l-mard ta’ l-ekwini, Dozulé, Franza, għandu jinħatar bħala l-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel, għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Lulju 2008.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-ħidmiet, id-dmirijiet u r-rekwiżiti ġenerali għal-Laboratorji ta’ Referenza tal-Komunità għall-ikel u l-għalf u għas-saħħa ta’ l-annimali. Il-laboratorji ta’ referenza tal-Komunità għas-saħħa ta’ l-annimali u għall-annimali ħajjin huma mniżżla fil-Kapitolu II ta’ l-Anness VII ta’ dak ir-Regolament. Il-laboratorju nnominat ta’ referenza tal-Komunità għall-mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel għandu jiġi inkluż f’dik il-lista.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Agence Française de Sécurité Sanitaire des Aliments (AFSSA) bil-laboratorji ta’ riċerka tagħha għall-patoloġija u ż-żoonożi ta’ l-annimali u għall-patoloġija u l-mard ta’ l-ekwini, fi Franza, hija b’dan innominata bħala l-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità għal mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    2.   Il-funzjonijiet, ħidmiet u l-proċeduri rigward il-kollaborazzjoni mal-laboratorji responsabbli għad-dijanjosi ta’ mard li jittieħed ta’ l-equidae fl-Istati Membri tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità msemmija fil-paragrafu 1 huma stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Fil-Kapitolu II ta’ l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jiżdied il-punt 14 li ġej:

    “14.

    Il-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel

    AFSSA – Laboratoire d’études et de recherches en pathologie animale et zoonoses/Laboratoire d’études et de recherche en pathologie équine

    F-94700 Maisons-Alfort

    Franza.”

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Frar 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

    (2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1, verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


    ANNESS

    Funzjonijiet, ħidmiet u proċeduri tal-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità għal mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel li jirrigwardaw il-kollaborazzjoni mal-Laboratorji responsabbli għad-dijanjosi tal-mard li jittieħed ta’ l-equidae fl-Istati Membri

    Bla ħsara għall-funzjonijiet u d-dmirijiet ġenerali tal-Laboratorji ta’ Referenza tal-Komunità fis-settur tas-saħħa ta’ l-annimali skond l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorju ta’ referenza tal-Komunità (LRK) għal mard ta’ l-ekwini għajr għall-marda Afrikana taż-żwiemel għandu jkollu dawn id-dmirijiet u l-funzjonijiet li ġejjin:

    1.

    L-LRK għandu jiżgura l-kollegament bejn il-laboratorji Nazzjonali/Ċentrali ta’ l-Istati Membri għal mard ta’ l-ekwini, jew mal-fergħat tal-laboratorji dijanjositċi li għandhom x’jaqsmu mal-patoġeni individwali jew ma’ gruppi ta’ patoġeni tal-mard ta’ l-ekwini mniżżla fl-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE u li għalihom hemm referenza fl-Anness D(II)(A) tad-Direttiva 92/65/KEE, bl-eċċezzjoni tal-marda Afrikana taż-żwiemel, fejn xieraq, speċifikament billi:

    (a)

    jkun minn ta’ quddiem fl-industrija ta’ l-ekwini f’kuntatt mill-qrib ma’ l-istrutturi rilevanti għaż-żwiemel tat-tiġrija u ta’ kompetizzjoni, biex:

    (i)

    jiżgura twissija bikrija, stima u fejn possibbli jipprevedi r-riskju involut mill-mard emerġenti u minn sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi partikolari;

    (ii)

    jissorvelja s-sitwazzjoni tal-marda globalment u reġjonalment billi jirċievi regolarment kampjuni tar-raba mill-Istati Membri u mill-pajjiżi terzi marbuta ġeografikament jew kummerċjalment mal-Komunità f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kummerċ fl-equidae jew fil-prodotti ġejjin minn dawn l-annimali;

    (b)

    karetterizzazzjoni ta’ tipaġġ, antiġeni u ġenomika, fejn rilevanti u meħtieġ, per eżempju għas-segwitu epidemjoloġiku jew għall-verifika ta’ dijanjosi, mill-kampjuni msemmija fil-punt (a)(ii), u

    (i)

    komunikazzjoni mingħajr dewmien tar-riżultati ta’ investigazzjonijiet bħal dawn lill-Kummissjoni, lill-Istat Membru u lil-Laboratorju Nazzjonali/Ċentrali kkonċernat;

    (ii)

    id-determinazzjoni ta’ l-identità tal-patoġeni kawżanti, fejn meħtieġ f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-laboratorji reġjonali ta’ referenza nnominati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE);

    (ċ)

    il-bini u ż-żamma ta’ kollezzjoni aġġornata ta’ patoġeni u r-razez/karatteristiċi tagħhom u kollezzjoni aġġornata ta’ sjerji speċifiċi kontra l-mard ta’ l-ekwini;

    (d)

    jkun fdat biex iwettaq inventarju tat-tekniki użati attwalment fil-laboratorji varji biex:

    (i)

    jipproponi testijiet standardizzati u proċeduri ta’ testijiet jew sjerji ta’ referenza għall-kontroll interna ta’ kwalità;

    (ii)

    jiżviluppa proċeduri dijanjostiċi ġodda biex irendi l-importazzjonijiet ta’ l-equidae aktar siguri u l-esportazzjonijiet ta’ l-equidae aktar kompetittivi;

    (e)

    jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-aspetti kollha relatati mal-mard ta’ l-ekwini mniżżel fl-Anness A tad-Direttiva 90/426/KEE jew li għalih hemm referenza fl-Anness D(II)(A) tad-Direttiva 92/65/KEE jew suġġett għal-leġiżlazzjoni Komunitarja oħra dwar is-saħħa ta’ l-annimali; din il-ħidma tinkludi l-għotja ta’ pariri dwar tilqim possibbli, dwar it-testijiet ta’ saħħa l-aktar adattati meħtieġa għall-kummerċ u għall-importazzjonijiet, jew l-evalwazzjoni ta’ tilqim li għadu kif ġie żviluppat u dwar mistoqsijiet li jappartjenu lill-epidemjoloġija tal-mard varju ta’ l-ekwini;

    2.

    L-LRK għandu jappoġġja l-funzjonijiet tal-Laboratorji Nazzjonali/Ċentrali, partikolarment billi:

    (a)

    jaħżen u jforni lil-Laboratorji Nazzjonali/Ċentrali b’reaġenti u materjali għall-użu fid-djanjosi tal-mard ta’ l-ekwini bħall-vajrus jew patoġeni oħra u/jew antiġeni inattivati, sjerji standardizzati, linji taċ-ċelloli u reaġenti oħra għar-referenzi;

    (b)

    iż-żamma ta’ l-għarfien espert dwar il-mard ta’ l-ekwini, inkluż il-mard emerġenti, biex tkun tista’ sseħħ dijanjosi differenzjali rapida;

    (ċ)

    il-promozzjoni ta’ l-armoniżżazzjoni tad-djanjosi u l-assigurazzjoni ta’ ttestjar professjonali fil-Komunità billi jorganiżża u jopera provi komparattivi perjodiċi u eżerċizzji assikurattivi esterni ta’ kwalità dwar id-dijanjosi tal-mard ta’ l-ekwini f’livell Komunitarju u bi trasmissjoni perjodika tar-riżultati ta’ dawn il-provi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lil-Laboratorji Nazzjonali/Ċentrali;

    (d)

    l-introduzzjoni gradwali u l-kontinwazzjoni tat-twettiq tat-testijiet ta’ profiċjenza bejn il-laboratorji;

    (e)

    l-eżekuzzjoni ta’ l-istudji ta’ riċerka bl-għan ta’ l-iżvilupp ta’ metodi aħjar ta’ kontroll tal-marda f’kollaborazzjoni mal-Laboratorji Nazzjonali/Ċentrali u kif miftiehem fil-pjan annwali tax-xogħol tiegħu u l-provvediment ta’ metodi ottimi għad-dijanjosi u għad-dijanjosi differenzjali;

    3.

    L-LRK għandu jipprovi tagħrif u jwettaq taħriġ ulterjuri, partikolarment billi:

    (a)

    jiġbor id-data u t-tagħrif dwar il-metodi tad-dijanjosi u dijanjosi differenzjali użati fil-Laboratorji Nazzjonali/Ċentrali u jqassam dan it-tagħrif lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri;

    (b)

    jagħmel u jimplimenta l-arranġamenti meħtieġa għal aktar taħriġ ta’ l-esperti fil-laboratorji għad-dijanjosi bl-għan li tiġi armonizzata t-teknika dijanjostika;

    (ċ)

    iżomm ruħu aġġornat dwar l-iżviluppi fl-epidemjoloġija tal-mard ta’ l-ekwini;

    (d)

    jorganizza laqgħat anwali fejn rappreżentanti tal-Laboratorji Nazzjonali/Ċentrali jistgħu jirrevedu t-tekniki dijanjostiċi u l-progress tal-koordinazzjoni;

    4.

    L-LRK għandu wkoll:

    (a)

    iwettaq esperimenti u provi fir-raba’ f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni immirati lejn kontrolli aħjar ta’ mard speċifiku ta’ l-ekwini;.

    (b)

    jirrevedi fil-laqgħa annwali tal-Laboratorji ta’ Referenza Nazzjonali/Ċentrali r-rekwiżiti rilevanti għall-ittestjar stabbiliti fil-Manwal ta’ l-Istandards ta’ l-Annimali ta’ l-Art għat-Testijiet Dijanjostiċi u għat-Tilqim ta’ l-OIE;

    (ċ)

    jgħin lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ l-OIE (Il-Kodiċi u l-Manwal ta’ l-Istandards tas-Saħħa ta’ l-Annimali ta’ l-Art għat-testijiet u t-tilqim).


    Top