Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0095

    Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/01/2019; Revokat u sostitwit bi 32015L2436

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/95/oj

    8.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 299/25


    DIRETTIVA 2008/95/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-22 ta’ Ottubru 2008

    biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks

    (Verżjoni kodifikata)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE ta’ l-21 ta’ Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (3) ġiet emendata fil-kontenut tagħha (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

    (2)

    Il-liġijiet dwar it-trade marks applikabbli fl-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 89/104/KEE kellhom fihom disparitajiet li setgħu fixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u setgħu wasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Kien għalhekk meħtieġ li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern.

    (3)

    Huwa importanti li ma jiġux injorati s-soluzzjonijiet u l-vantaġġi li s-sistema Komunitarja tat-trade marks tistà tippermetti lill-impriżi li jixtiequ jiksbu trade marks.

    (4)

    Ma jidhirx li hu meħtieġ li ssir approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks. Ikun biżżejjed jekk l-approssimazzjoni tkun limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġi li l-aktar direttament jinċidu fuq il-funzjonament tas-suq intern.

    (5)

    Id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi d-dritt ta’ l-Istati Membri li jkomplu jipproteġu t-trade marks miksuba permezz ta’ użu, iżda għandha tikkunsidrahom biss fir-rigward tar-relazzjoni bejniethom u t-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni.

    (6)

    L-Istati Membri għandhom jibqgħu wkoll liberi li jiffissaw id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura dwar ir-reġistrazzjoni, ir-revokazzjoni u n-nullità’ tat-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni. Jistgħu, per eżempju, jiddeterminaw il-forma tar-reġistrazzjoni tat-trade marks u l-proċeduri ta’ nullità, jiddeċiedu jekk għandhomx jiġu invokati drittijiet preċedenti fil-proċedura tar-reġistrazzjoni jew fil-proċedura ta’ nullità jew fit-tnejn u, jekk jippermettu li jiġu invokati drittijiet preċedenti fil-proċedura tar-reġistrazzjoni, li jkollhom proċedura ta’ oppożizzjoni jew proċedura ta’ eżami ex ufficio jew it-tnejn. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jiddeterminaw l-effetti tar-revokazzjoni jew tan-nullità tat-trade marks.

    (7)

    Din id-Direttiva m’għandhiex teskludi l-applikazzjoni għal trade marks ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ l-Istati Membri li jkunu diversi mil-liġi tat-trade marks, bħad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni inġusta, ir-responsabbiltà ċivili u l-protezzjoni tal-konsumatur.

    (8)

    Il-kisba ta’ l-għanijiet li għalihom taspira din l-approssimazzjoni tal-liġijiet tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark reġistrata ikunu ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha. Għal dan l-iskop, huwa meħtieġ li jkunu elenkati eżempji ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, sakemm dawn is-sinjali jkunu kapaċi jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra. Ir-raġunijiet għal rifjut jew nullità li jikkonċernaw it-trade mark stess, per eżempju, in-nuqqas ta’ kwalunkwe karattru distint, jew li jikkonċernaw konflitti bejn it-trade mark u drittijiet preċedenti, għandhom ikunu elenkati b’mod eżawrjenti, anke jekk ċerti minn dawn ir-raġunijiet huma elenkati bħala għażla għall-Istati Membri li għandhom ikunu jistgħu għalhekk iżommu jew jintroduċu dawk ir-raġunijiet fil-leġislazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-leġislazzjoni tagħhom raġunijiet għal rifjut jew nullità b’konnessjoni mal-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark li għalihom ma hemm l-ebda dispożizzjoni ta’ approssimazzjoni, dwar, per eżempju, l-eliġibbiltà għall-għoti ta’ trade mark, it-tiġdid tat-trade mark jew ir-regoli dwar il-miżati, jew relatata man-non osservanza ta’ regoli proċedurali.

    (9)

    Sabiex jiġi mnaqqas it-total tan-numru tat-trade marks reġistrati u protetti fil-Komunità u, konsegwentement, in-numru ta’ konflitti li jqumu bejniethom, huwa essenzjali li jkun meħtieġ li t-trade marks reġistrati għandhom ikunu fil-fatt użati jew, jekk mhux użati, ikunu suġġetti għal revokazzjoni. Huwa meħtieġ li jiġi provdut li trade mark ma tistax tiġi dikjarata nulla abbażi ta’ l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti mhux użata, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li japplikaw l-istess prinċipju għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew li jipprovdu li trade mark ma’ tistax tkun invokata b’suċċess fi proċeduri ta’ vjolazzjoni jekk jiġi stabbilit bħala riżultat ta’ eċċezzjoni li t-trade mark tista’ tiġi revokata. F’dawn il-każijiet kollha huma l-Istati Membri li għandhom il-kompetenza li jistabbilixxu r-regoli applikabbli ta’ proċedura.

    (10)

    Huwa fundamentali, sabiex jiġi faċilitat l-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, li jiġi żgurat li t-trade marks reġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha. Dan m’għandux madankollu jżomm l-Istati Membri milli jagħtu, fuq għażla tagħhom, protezzjoni estensiva lil dawk it-trade marks li jkollhom reputazzjoni.

    (11)

    Il-protezzjoni mogħtija lit-trade marks reġistrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, għandha tkun assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi. Il-protezzjoni għandha tapplika wkoll f’każ ta’ similarità bejn il-marka u l-merkanzija jew is-servizzi. Hu indispensabbli li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ similarità relatata mal-possibbiltà ta’ konfużjoni. Il-possibbiltà ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha jiddipendi fuq ħafna elementi u, partikolarment fuq ir-rikonoxximent tat-trade mark fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir mas-sinjal użat jew registrat, il-grad ta’ similarità bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija jew servizzi identifikati, għandha tikkostitwixxi l-kondizzjoni specifika għal tali protezzjoni. Il-metodi għad-determinazzjoni tal-possibbiltà ta’ konfużjoni u partikolarment l-oneru tal-prova, għandhom ikunu kwistjoni għar-regolamenti proċedurali nazzjonali li m’għandhomx jiġu preġudikati minn din id-Direttiva.

    (12)

    Huwa importanti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u mingħajr ma jsir preġudizzju inġust lill-interessi ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, li jiġi stipulat li dan ta’ l-aħħar ma jistax jitlob aktar dikjarazzjoni ta’ nullità u l-anqas ma jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti għal tiegħu li tagħha huwa kuxjentement ittollera l-użu għal tul ta’ żmien sostanzjali, sakemm l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma saretx in mala fede.

    (13)

    L-Istati Membri kollha huma marbuta mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali. Huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu għal kollox konsistenti ma’ dawk tal-Konvenzjoni msemmija. Din id-Direttiva m’għandhiex tinċidi fuq l-obbligi ta’ l-Istati Membri li jirriżultaw minn dik il-Konvenzjoni. Fejn il-każ ikun jeħtieġ, għandu jkun applikabbli t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 307 tat-Trattat.

    (14)

    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relatati mal-limitu ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 89/104/KE stabbilita fl-Anness I, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trade mark fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward taghħa saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni fi Stat Membru għall-fini tar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark individwali, marka kollettiva jew garanzija jew marka ta’ ċertifikazzjoni, jew li fir-rigward tagħha saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni għall-fini tar-reġistrazzjoni tagħha fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjeta’ Intelletwali jew reġistrazzjoni internazzjonali li jkollha effett fi Stat Membru.

    Artikolu 2

    Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti

    Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.

    Artikolu 3

    Raġunijiet għal rifjut jew nullità

    1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    (a)

    sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;

    (b)

    trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

    (c)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz;

    (d)

    trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

    (e)

    sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

    (i)

    l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija stess,

    (ii)

    l-għamla tal-merkanzija li tkun meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku,

    (iii)

    l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

    (f)

    trade marks li jkunu kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għal prinċipji aċċettati ta’ moralità;

    (g)

    trade marks li jkunu ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku, per eżempju dwar in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika tal-merkanzija jew servizz;

    (h)

    trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom jiġu rifjutati jew dikjarati nulli skond l-Artikolu 6 b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjeta’ Industrijali, minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi li trade mark ma tiġix reġistrata jew, jekk reġistrata, li għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk u sa fejn:

    (a)

    l-użu ta’ dik it-trade mark jista’ jkun projbit skond dispożizzjonijiet ta’ liġi diversa mil-liġi tat-trade marks ta’ l-Istat Membru konċernat jew tal-Komunità;

    (b)

    it-trade mark tkopri sinjal ta’ valur simboliku kbir, b’mod partikolari simbolu reliġjuż;

    (c)

    it-trade mark tinkludi badges, emblemi u stemmi li jkunu diversi minn dawk koperti mill-Artikolu 6 b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li jkunu ta’ interess pubbliku, sakemm ma ngħatax il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni tagħha konformement mal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru;

    (d)

    l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark saret in mala fede mill-applikant.

    3.   Trade mark m’għandhiex tiġi rifjutata reġistrazzjoni jew tiġi dikjarata nulla skond il-paragrafu 1 (b), (c) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ addizzjonalment jistipula li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni.

    4.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li, b’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, ir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew nullità, fis-seħħ f’dak l-Istat qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiexgħall-konformità mad-Direttiva 89/104/KEE, għandhom japplikaw għal trade marks li għalihom saret applikazzjoni qabel dik id-data.

    Artikolu 4

    Raġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti

    1.   Trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

    (a)

    jekk tkun identika għal trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom it-trade mark hi applikata jew reġistrata jkunu identiċi għall-merkanzija jew servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hi protetta;

    (b)

    jekk minħabba l-identità tagħha, jew similarità, għat-trade mark preċedenti u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade marks, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

    2.   L-espressjoni “trade marks preċedenti” fis-sens tal-paragrafu 1 tfisser:

    (a)

    trade marks tas-segwenti tipi b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tkun preċedenti għad-data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tenut kont, fejn ikun il-każ, tal-prijoritajiet pretiżi fir-rigward ta’ dawk it-trade marks;

    (i)

    trade marks Komunitarji;

    (ii)

    trade marks reġistrati fl-Istat Membru jew, fil-każ tal-Belġju, Lussemburgu jew l-Olanda, fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjeta’ Intelletwali;

    (iii)

    trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fl-Istat Membru;

    (b)

    trade marks Komunitarji li fir-rigward tagħhom tiġi ġustifikament invokata l-preċedenza, skond ir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (5), minn trade mark li hemm referenza għaliha fil-punt (a) (ii) u (iii), anke jekk din it-trade mark ta’ l-aħħar ġiet ċeduta jew permessa li tiskadi;

    (c)

    applikazzjoniet għat-trade marks li hemm referenza għalihom fil-punti (a) u (b), suġġett għar-reġistrazzjoni tagħhom;

    (d)

    trade marks li, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jew, fejn ikun il-każ, tal-prijorità pretiża fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, huma magħrufa sew fi Stat Membru, fis-sens li fih il-kliem “magħrufa sew” huma użati fl-Artikolu 6 a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    3.   Addizzjonalment, trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk hija tkun identika, jew simili, għal trade mark Komunitarja preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2 u għandha tiġi, jew ġiet, reġistrata għal merkanzija jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja preċedenti hi reġistrata, fejn it-trade mark Komunitarja preċedenti ikollha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu tat-trade mark ta’ l-aħħar, mingħajr raġuni valida, tieħu vantaġġ żleali minn, jew tippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark Komunitarja preċedenti.

    4.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, addizzjonalment, jistipula li trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew li, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk, u sa fejn:

    (a)

    it-trade mark tkun identika, jew simili, għal trade mark nazzjonali preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2 u għandha tiġi, jew ġiet, reġistrata għal merkanzija jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hi reġistrata, fejn it-trade mark preċedenti ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat u fejn l-użu tat-trade mark ta’ l-aħħar, mingħajr raġuni valida tieħu vantaġġ żleali minn, jew tippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

    (b)

    xi drittijiet għat-trade mark mhux reġistrata jew għal sinjal ieħor użat matul il-kummerċ ġew miksuba qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jew id-data tal-prijorità pretiża għall-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, u dik it-trade mark mhux reġistrata jew sinjal ieħor jagħtu lill-proprjetarju tagħhom id-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti;

    (c)

    l-użu tat-trade mark jista’ jkun projbit permezz ta’ dritt preċedenti divers mid-drittijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu u b’mod partikolari:

    (i)

    xi dritt għal isem;

    (ii)

    xi dritt għal immaġini personali:

    (iii)

    xi dritt ta’ l-awtur;

    (iv)

    xi dritt ta’ proprjetà industrijali;

    (d)

    it-trade mark tkun identika, jew simili, għal trade mark preċedenti kollettiva li tagħti dritt li skada f’perijodu massimu ta’ tliet snin qabel l-applikazzjoni preċedenti;

    (e)

    it-trade mark tkun identika, jew simili, għal marka, ta’ garanzija jew ċertifikazzjoni. preċedenti li tagħti dritt li skada f’perijodu qabel l-applikazzjoni li t-tul taż-żmien tiegħu ikun ffissat mill-Istat Membru;

    (f)

    it-trade mark tkun identika, jew simili, għal trade mark preċedenti li ġiet reġistrata għal merkanzija jew servizzi simili jew identiċi u li tathom dritt li skada fuq nuqqas ta’ tiġdid f’perijodu massimu ta’ sentejn qabel l-applikazzjoni, sakemm il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma tax il-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-marka sussegwenti jew ma użax it-trade mark tiegħu;

    (g)

    it-trade mark tista’ tiġi konfuża ma’ marka li kienet użata barra l-pajjiż fil-jum ta’ l-applikazzjoni u li għadha użata hemm, sakemm fid-data ta’ l-applikazzjoni l-applikant kien qed jaġixxi in mala fede.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu li, f’ċirkostanzi xierqa, ma jkunux meħtieġa r-rifjut tar-reġistrazzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew ta’ dritt preċedenti ieħor jagħti l-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti.

    6.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li, b’deroga mill-paragrafi 1 sa 5, ir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew nullità, fis-seħħ f’dak l-Istat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità sabiexmad-Direttiva 89/104/KE, għandhom japplikaw għal trade marks li għalihom saret applikazzjoni qabel dik id-data.

    Artikolu 5

    Drittijiet mogħtija minn trade mark

    1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

    (a)

    kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

    (b)

    kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

    3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:

    (a)

    li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

    (b)

    li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;

    (c)

    l-importazzjoni jew esportazzjoni tal-merkanzija taħt is-sinjal;

    (d)

    l-użu tas-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

    4.   Fejn, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru, l-użu ta’ sinjal taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jew fil-paragrafu 2 ma jistax jiġi projbit qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiexgħall-konformità mad-Direttiva 89/104/KEE fl-Istat Membru konċernat, id-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma jistgħux jiġu invokati sabiex jiġi impedit l-użu kontinwat tas-sinjal.

    5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jinċidu fuq id-dispożizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru relattivament għall-protezzjoni kontra l-użu ta’ sinjal ħlief milli sabiex issir distinzjoni tal-merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

    Artikolu 6

    Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark

    1.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

    (a)

    l-isem jew l-indirizz tiegħu stess;

    (b)

    indikazzjonijiet relatati mat-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew xi karatteristika oħra ta’ merkanzija jew servizzi;

    (c)

    it-trade mark fejn din tkun meħtieġa sabiex tindika l-iskop intiż ta’ prodott jew servizz, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aċċessorji jew spare parts,

    sakemm jużahom skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali.

    2.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fl-eżerċizzju tal-kummerċ, dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jekk dak id-dritt ikun rikonoxxut mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u fil-limiti tat-territorju li fih huwa jkun rikonoxxut.

    Artikolu 7

    Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark

    1.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

    2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju sabiex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kondizzjoni tal-merkanzija tkun mibdula jew danneġġata wara li tqiegħdet fis-suq.

    Artikolu 8

    Liċenzjar

    1.   Tista’ tingħata liċenzja fir-rigward ta’ trade mark għal x’uħud mill-merkanzija jew servizzi jew għall-merkanzija jew servizzi kollha li għalihom hija ġiet reġistrata u għall-Istat Membru konċernat kollu jew għal parti minnu. Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew non esklużiva.

    2.   Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjatarju li jikser kwalunkwe dispożizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja tiegħu dwar:

    (a)

    it-tul ta’ żmien tagħha;

    (b)

    il-forma koperta mir-reġistrazzjoni li fiha tista’ tintuża t-trade mark;

    (c)

    il-firxa tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ingħatat il-liċenzja;

    (d)

    it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal; jew

    (e)

    il-kwalità tal-merkanzija manifatturata jew tas-servizzi provduti mil-liċenzjatarju.

    Artikolu 9

    Limitazzjoni konsegwenti għal tolleranza

    1.   Fejn, fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 4(2) ittollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark sussegwenti reġistrata f’dak l-Istat Membru filwaqt li kien konxju ta’ tali użu, huwa m’għandux ikollu aktar id-dritt, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark sussegwenti jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ġiet użata t-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma saritx in mala fede.

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li l-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(4)(a) jew ta’ dritt ieħor preċedenti li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(4)(b) jew (c).

    3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti reġistrata m’għandux ikollu d-dritt jopponi għall-użu tad-dritt preċedenti, anke jekk dak id-dritt ma jistax jiġi aktar invokat kontra t-trade mark sussegwenti.

    Artikolu 10

    Użu ta’ trade marks

    1.   Jekk, f’perijodu ta’ ħames snin wara d-data tat-tlestija tal-proċedura tar-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma wżax it-trade mark ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, jew jekk tali użu ġie sospiż matul perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, it-trade mark għandha tkun suġġettibbli għas-sanzjonijiet previsti f’din id-Direttiva, sakemm m’hemmx raġunijiet tajba għan-nuqqas ta’ użu.

    Is-segwenti għandhom ukoll jikkostitwixxu użu fis-sens tal-ewwel subparagrafu:

    (a)

    l-użu tat-trade mark f’forma li tkun differenti fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma li fiha ġiet reġistrata;

    (b)

    it-twaħħil tat-trade mark fuq merkanzija jew ma’ l-imballaġġ tagħha, fl-Istat Membru konċernat, unikament għal finijiet ta’ esportazzjoni.

    2.   L-użu tat-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju jew ta’ kwalunkwe persuna li jkollha l-awtorità li tuża marka kollettiva jew marka ta’ garanzija jew ċertifikazzjoni għandu jitqies bħala użu mill-proprjetarju.

    3.   Fir-rigward ta’ trade marks reġistrati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru konċernat tad-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva 89/104/KEE:

    (a)

    fejn dispożizzjoni fis-seħħ qabel dik id-data attribwixxiet sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark matul perijodu mhux interrott, il-perijodu rilevanti ta’ ħames snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jitqies bħala li beda japplika fl-istess waqt bħal kwalunkwe perijodu ta’ nuqqas ta’ użu li diġà jkun qiegħed jiddekorri f’dik id-data;

    (b)

    fejn ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni fis-seħħ qabel dik id-data, il-perijodi ta’ ħames snin imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala li bdew jiddekorru, l-aktar kmieni, minn dik id-data.

    Artikolu 11

    Sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark fi proċeduri legali jew amministrattivi

    1.   Trade mark ma tistax tiġi dikjarata nulla għar-raġuni li hemm trade mark konfliġġenti preċedenti jekk ta’ l-aħħar ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ użu stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2), jew, skond il-każ, fl-Artikolu 10(3).

    2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax tiġi rifjutata għar-raġuni li hemm trade mark konfliġġenti preċedenti jekk ta’ l-aħħar ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-użu stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2) jew fl-Artikolu 10(3), skond il-każ.

    3.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12, fejn issir kontro-talba għar-revokazzjoni, kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li trade mark ma tistax tiġi invokata b’suċċess fi proċeduri dwar vjolazzjoni jekk jiġi stabbilit bħala riżultat ta’ eċċezzjoni li t-trade mark tista’ tiġi revokata skond l-Artikolu 12(1).

    4.   Jekk it-trade mark preċedenti ġiet użata relattivament biss għal parti mill-merkanzija jew is-servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, għandha, sabiex jiġu applikati l-paragrafi 1, 2 u 3 titqies bħala li reġistrata relattivament biss għal dik il-parti tal-merkanzija jew servizzi.

    Artikolu 12

    Raġunijiet għar-revokazzjoni

    1.   Trade mark għandha tkun suġġettibbli għar-revokazzjoni jekk, f’perijodu kontinwu ta’ ħames snin, ma tkunx ġiet użata ġenwinament fl-Istat Membru relattivament għall-merkanzija jew servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu.

    Iżda, l-ebda persuna ma tista’ tinvoka d-dritt li titlob ir-revokazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju fi trade mark fejn, matul l-intervall bejn l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħames snin u l-preżentata ta’ l-applikazzjoni għar-revokazzjoni, inbeda jew tkompla mill-ġdid l-użu ġenwin tat-trade mark.

    Il-bidu jew tkomplija mill-ġdid ta’ l-użu matul perijodu ta’ tliet xhur qabel l-preżentata ta’ l-applikazzjoni għar-revokazzjoni li beda l-aktar kmieni ma’ l-iskadenza tal-perijodu kontinwu ta’ ħames snin tan-nuqqas ta’ użu għandu jiġi injorat fejn isiru preparazzjonijiet għall-bidu jew tkomplija mill-ġdid biss wara li l-proprjetarju isir konxju li tista’ tiġi preżentata l-applikazzjoni għar-revokazzjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, it-trade mark tista’ tiġi suġġetta għar-revokazzjoni jekk, wara d-data li fiha ġiet reġistrata,

    (a)

    b’konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, saret l-isem komuni fil-kummerċ għal prodott jew servizz li fir-rigward tagħhom hija ġiet reġistrata;

    (b)

    b’konsegwenza ta’ l-użu li jagħmel minnha l-proprjetarju tagħha jew bil-kunsens tiegħu fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom hija ġiet reġistrata, hija tista’ tqarraq bil-pubbliku, partikolarment fir-rigward tan-natura, kwalità jew oriġini ġeografika ta’ dik il-merkanzija jew dawk is-servizzi.

    Artikolu 13

    Raġunijiet għar-rifjut jew revokazzjoni jew nullità fir-rigward ta’ x’uħud biss mill-merkanzija jew servizzi

    Fejn xi raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni jew għar-revokazzjoni jew nullità ta’ trade mark jeżistu fir-rigward biss ta’ x’uħud mill-merkanzija jew servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta’ dik it-trade mark, ir-rifjut tar-reġistrazzjoni jew ir-revokazzjoni jew nullità għandhom ikopru biss dik l-merkanzija jew dawk is-servizzi.

    Artikolu 14

    Stabbiliment a posteriori ta’ nullità jew revokazzjoni ta’ trade mark

    Fejn tiġi invokata l-preċedenza ta’ trade mark preċedenti li ġiet ċeduta jew li tħalliet tiskadi għal trade mark Komunitarja, in-nullità jew revokazzjoni tat-trade mark preċedenti tista’ tiġi stabbilita a posteriori.

    Artikolu 15

    Dispożizzjonijiet speċjali dwar marki kollettivi, marki ta’ garanzija u marki ta’ ċertifikazzjoni

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, l-Istati Membri li l-liġijiet tagħhom jawtorizzaw ir-reġistrazzjoni ta’ marki kollettivi jew ta’ marki ta’ garanzija jew ċertifikazzjoni jistgħu jipprovdu li dawn il-marki m’għandhomx jiġu reġistrati, jew li għandhom jiġu revokati jew dikjarati nulli, għal raġunijiet addizzjonali għal dawk speċifikati fl-Artikoli 3 u 12 fejn hekk ikun meħtieġ mill-funzjoni ta’ dawk il-marki.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 3(1)(c), l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li s-sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw l-oriġini ġeografika tal-merkanzija jew servizzi jistgħu jikkostitwixxu marki kollettivi, ta’ garanzija jew ta’ ċertifikazzjoni. Tali marka ma għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fl-eżerċizzju tal-kummerċ sinjali jew indikazzjonijiet bħal dawn, sakemm huwa jużahom skond prattika onesta f’materji industrijali jew kummerċjali; b’mod partikolari, tali marka ma’ tistax tiġi invokata kontra terza persuna li jkollha d-dritt li tuża isem ġeografiku.

    Artikolu 16

    Komunikazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali adottati fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

    Artikolu 17

    Tħassir

    Id-Direttiva 89/104/KEE, kif emendata mid-Deċiżjoni elenkata fil-Parti A ta’ l-Anness I hija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri relattivament għal-limitu ta’ żmien, indikat fl-Anness I, Parti B, għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ dik id-Direttiva.

    Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 18

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 19

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, 22 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-P. JOUYET


    (1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 44.

    (2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 76 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008.

    (3)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1.

    (4)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (5)  ĠU L 11, 14.1.1994, p. 1.


    ANNESS I

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendament tagħha

    (Imsemmija fl-Artikolu 17)

    Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE

    (ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/10/KEE

    (ĠU L 6, 11.1.1992, p. 35)

    PARTI B

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

    (Imsemmi fl-Artikolu 17)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    89/104/KEE

    fil-31 ta’ Diċembru 1992.


    ANNESS II

    Tabella ta’ Korrelazzjoni

    Direttiva 89/104/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3(1)(a) sa (d)

    Artikolu 3(1)(a) sa (d)

    Artikolu 3(1)(e) kliem introduttorju

    Artikolu 3(1)(e) kliem introduttorju

    Artikolu 3(1)(e) l-ewwel inċiż

    Artikolu 3(1)(e)(i)

    Artikolu 3(1)(e) it-tieni inċiż

    Artikolu 3(1)(e)(ii)

    Artikolu 3(1)(e) it-tielet inċiż

    Artikolu 3(1)(e)(iii)

    Artikolu 3(1)(f), (g) u (h)

    Artikolu 3(1)(f), (g) u (h)

    Artikolu 3(2), (3) u (4)

    Artikolu 3(2), (3) u (4)

    Artikolu 4

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 9

    Artikolu 10(1)

    Artikolu 10(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 10(2)

    Artikolu 10(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 10(3)

    Artikolu 10(2)

    Artikolu 10(4)

    Artikolu 10(3)

    Artikolu 11

    Artikolu 11

    Artikolu 12(1) l-ewwel sentenza

    Artikolu 12(1) l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 12(1) it-tieni sentenza

    Artikolu 12(1) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 12(1) it-tielet sentenza

    Artikolu 12(1) it-tielet subparagrafu

    Artikolu 12(2)

    Artikolu 12(2)

    Artikolu 13

    Artikolu 13

    Artikolu 14

    Artikolu 14

    Artikolu 15

    Artikolu 15

    Artikolu 16(1) u (2)

    Artikolu 16(3)

    Artikolu 16

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    Artikolu 17

    Artikolu 19

    Anness I

    Anness II


    Top