Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D1358

    Deċiżjoni Nru 1358/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm Europe for Citizens li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva

    ĠU L 350, 30.12.2008, p. 58–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0390

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/1358/oj

    30.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 350/58


    DEĊIŻJONI Nru 1358/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Diċembru 2008

    li temenda d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm “Europe for Citizens” li jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u notevolment l-Artikoli 151 u 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 (2) stabbilixxiet il-programm “Europe for Citizens” għall-perjodu 2007-2013.

    (2)

    L-Artikolu 8(3), tad-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE, jistipula li l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm minbarra dawk elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ dik id-Deċiżjoni, jiġifieri skond il-proċedura konsultattiva stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (3).

    (3)

    Dawn il-kliem tad-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE jirriżultaw f’li deċiżjonijiet oħra ta’ selezzjoni li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Deċiżjoni jiġu soġġetti għall-proċedura konsultattiva u għad-dritt ta’ skrutinju mill-Parlament Ewropew.

    (4)

    Madanakollu dawn il-deċiżjonijiet ta’ selezzjoni jikkonċernaw prinċipalment għotjiet żgħar u ma jinvolvux teħid ta’ deċiżjonijiet li jkunu politikament sensittivi.

    (5)

    Dawn il-modalitajiet ta’ proċedura jżidu minn xahrejn sa tliet xhur fil-proċess ta’ allokazzjoni tas-sussidji lill-kandidati. Dawn iwasslu għal ħafna dewmien vis-à-vis il-benefiċjarji ta’ l-allokazzjonijiet, jitfgħu piż disproporzjonat fuq l-amministrazzjoni tal-programm u ma jiġġenerawx valur miżjud meta titqies in-natura tal-għotjiet mogħtija.

    (6)

    Sabiex tkun possibbli implimentazzjoni aktar mgħaġġla u aktar effikaċi tad-deċiżjonijiet ta’ għażla, huwa meħtieġ li l-proċedura konsultattiva tiġi sostitwita minn obbligu fuq il-Kummissjoni li mingħajr dewmien tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri dwar kwalunkwe miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE mingħajr l-għajnuna ta' kumitat,

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 8(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej;

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9 u lill-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet l-oħra kollha ta' selezzjoni li tkun ħadet dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, fi żmien jumejn ta' xogħol mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet involuti. Din l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjonijiet u analiżi ta' l-applikazzjonijiet irċevuti, deskrizzjoni tal-proċedura ta' selezzjoni u ta' evalwazzjoni, u l-listi kemm tal-proġetti proposti għal finanzjament kif ukoll ta’ dawk li jkunu ġew rifjutati.”

    (2)

    L-Artikolu 9(3) għandu jiġi mħassar.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lil-Parlament Ewropew u lil-Kunsill dwar l-impatt ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta' Ġunju 2010.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strażburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LE MAIRE


    (1)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Settembru 2008 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2008.

    (2)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.

    (3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


    Top