Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0971

    2008/971/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ekwivalenza ta’ Materjal Riproduttiv tal-Foresti prodott f’pajjiżi terzi

    ĠU L 345, 23.12.2008, p. 83–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/971/oj

    23.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 345/83


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Diċembru 2008

    dwar l-ekwivalenza ta’ Materjal Riproduttiv tal-Foresti prodott f’pajjiżi terzi

    (2008/971/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE 22 ta’ Diċembru 1999 dwar il-marketing ta’ materjali riproduttivi tal-foresti (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 19(1) u (2) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Ir-regoli nazzjonali għaċ-ċertifikazzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-foresti fil-Kanada, il-Kroazja, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti tal-Amerika jipprevedu spezzjoni uffiċjali fil-post li għandha titwettaq matul il-ġbir u l-ipproċessar taż-żrieragħ u l-produzzjoni tan-nebbiet għat-tħawwil.

    (2)

    Skont dawk ir-regoli, is-sistemi għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ materjal bażiku u l-produzzjoni sussegwenti tal-materjal riproduttiv minn dan il-materjal bażiku għandhom isegwu l-Iskema tal-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni ta’ Materjal Riproduttiv tal-Foresti Użat fil-Kummerċ Internazzjonali (l-Iskema tal-OECD taż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti). Barra minn hekk, dawk ir-regoli jeħtieġu li ż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji “sors identifikat” u “magħżula” ikunu ċċertifikati uffiċjalment u l-pakketti taż-żrieragħ magħluqa uffiċjalment skont l-Iskema tal-OECD taż-Żrieragħ u tal-Pjanti tal-Foresti.

    (3)

    Eżami ta’ dawk ir-regoli wera li l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-materjal bażiku jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 1999/105/KE. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni għall-kondizzjonijiet rigward il-kwalità taż-żerriegħa, il-purità tal-ispeċi u l-kwalità tan-nebbiet għat-tħawwil, ir-regoli ta’ dawn il-pajjiżi terzi jeħtieġu l-istess assigurazzjonijiet fir-rigward tal-kondizzjonijiet applikabbli għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji “sors identifikat” u “magħżula” bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 1999/105/KE. Għaldaqstant, ir-regoli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ materjal tal-forestrija tal-kategoriji “sors identifikat” u “magħżula” fil-Kanada, il-Kroazja, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti tal-Amerika għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva 1999/105/KE, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet addizzjonali fir-rigward taż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil.

    (4)

    Ir-regoli ta’ dawn il-pajjiżi terzi msemmijin qabel ma jistgħux, madankollu, jitqiesu bħala ekwivalenti għall-kategoriji “kwalifikati” u “eżaminati” li għalihom l-Iskema ta’ l-OECD taż-Żrieragħ u tal-Pjanti tal-Foresti ma tapplikax. Huwa għalhekk xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jiġi limitat għall-materjal riproduttiv li jaqa’ fil-kategoriji “sors identifikat” u “magħżula”.

    (5)

    Id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 1999/105/KE għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ din id-Deċizjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ atti.

    (6)

    Il-materjal riproduttiv tal-foresti li jikkonforma mal-kondizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (2). Fejn applikabbli, il-materjal riproduttiv tal-foresti modifikat ġenetikament għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (3).

    (7)

    Huwa xieraq li l-kondizzjonijiet addizzjonali għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil fir-rigward tal-kwalità u l-purità tal-ispeċi stabbiliti permezz ta’ din id-Deċiżjoni jirriflettu dawk previsti bid-Direttiva 1999/105/KE.

    (8)

    Biex ikun garantit l-istess livell ta’ traċċabilità bħal dak previst fid-Direttiva 1999/105/KE, huwa xieraq li jiġu inklużi f’din id-Deċizjoni regoli li jikkonċernaw il-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewlieni għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil mad-dħul tagħhom fil-Komunità. Dan iċ-Ċertifikat Ewlieni għandu jkun ibbażat fuq iċ-Ċertifikat uffiċjali ta’ Provenjenza tal-OECD u għandu jindika li l-materjal huwa importat taħt reġim ta’ ekwivalenza.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom il-materjal riproduttiv tal-foresti tal-kategoriji “sors identifikat” u “magħżula” prodott f’pajjiż terz elenkat fl-Anness I għandu jiġi importat fil-Komunità.

    Dan japplika bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II u fid-Direttivi 2000/29/KE u 2001/18/KE.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/105/KE għandhom japplikaw għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Ekwivalenza

    1.   Is-sistemi għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-materjal bażiku u l-produzzjoni sussegwenti ta’ materjal riproduttiv minn dan il-materjal bażiku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi stabbiliti fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni jew taħt is-superviżjoni uffiċjali ta’ dawn l-awtoritajiet, għandhom jitqiesu ekwivalenti għal dawk imwettqin mill-Istati Membri skont id-Direttiva 1999/105/KE.

    2.   Iż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil tal-kategoriji “sors identifikat” u “magħżula” tal-ispeċi elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 1999/105/KE, prodotti fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni u iċċertifikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness, għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għaż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil li jikkonformaw mad-Direttiva 1999/105/KE, bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Ċertifikat Ewlieni

    Meta ż-żrieragħ u n-nebbiet għat-tħawwil jidħlu fil-Komunità, il-fornitur li jimporta dan il-materjal għandu jgħarraf lill-Korp Uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru qabel l-importazzjoni. Il-Korp Uffiċjali għandu joħroġ Ċertifikat Ewlieni bbażat fuq iċ-Ċertifikat uffiċjali ta’ Provenjenza tal-OECD qabel ma l-materjal jitqiegħed fis-suq.

    Iċ-Ċertifikat Ewlieni għandu jindika li l-materjal ġie importat skont reġim ta’ ekwivalenza.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

    Artikolu 6

    Indirizzati

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. BACHELOT-NARQUIN


    (1)  ĠU L 11, 15.1.2000, p. 17.

    (2)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (3)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.


    ANNESS I

    Pajjiżi u awtoritajiet

    Pajjiż (*)

    Awtorità responsabbli għall-approvazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni

    CA

    National Forest Genetic Resources Centre/Centre national des ressources génétiques forestières

    Natural Resources Kanada/Ressources naturelles Kanada

    Canadian Forest Service - Atlantic/Service canadien des forêts - Atlantique

    PO Box 4000, Fredericton/Frédéricton

    New Brunswick/Nouveau-Brunswick E3B 5P7

    CH

    Federal Office for Environment (FOEN)

    Department of the Environment, Transport, Energy and Communications (UVEK)

    Forest Division

    Federal Plant Protection Service

    Birmensdorf

    HV

    Forest Research Institute

    Cvjetno naselje 41

    10450 Jastrebarsko

    NO

    Norwegian Forest Genetic Resource Centre

    Norwegian Forest and Research Institute

    PO Box 115

    N-1431 Ås

    SR

    Directorate for forest

    Ministeru tal-Agrikultura, il-Forestrija u l-Ġestjoni tal-Ilma

    Omladinskih brigada 1

    11 000 Belgrad

    TR

    Ministry of Environnement and Forestry (Çevre ve Orman Bakanlığı) - General directorate for afforestation and erosion control (Ağaçlandirma ve erozyon kontrolu genel müdürlüğü)

    Gazi – Ankara

    US

    National Tree Seed Laboratory

    USDA Forest Service

    Purdue University

    West Lafayette, Indiana


    (*)  CA – Kanada, CH – L-Iżvizzera, HV – Il-Kroazja, NO – In-Norveġja, SR – Is-Serbja, TR – It-Turkija, US – L-Istati Uniti tal-Amerika


    ANNESS II

    A.   Kondizzjonijiet relatati maż-żerriegħa prodotta f’pajjiżi terzi.

    1.

    Iż-żerriegħa għandha tiġi iċċertifikata uffiċjalment bħala li ġejja minn materjal bażiku approvat u l-pakketti għandhom jingħalqu skont ir-regoli nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Iskema tal-OECD taż-Żrieragħ u l-Pjanti tal-Foresti. Għandha titwaħħal tikketta uffiċjali tal-OECD ma’ kull lott ta’ żrieragħ flimkien ma’ kopja taċ-Ċertifikat uffiċjali ta’ Provenjenza tal-OECD jew dokument mill-fornitur li jagħti l-informazzjoni kollha kontenuta fiċ-Ċertifikat uffiċjali ta’ Provenjenza tal-OECD, flimkien mal-isem tal-fornitur.

    2.

    Fil-każ taż-żrieragħ, it-tikketta tal-OECD jew id-dokument tal-fornitur għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni addizzjonali evalwat li ġejja, kemm jista’ jkun possibbli, b’teknika aċċettabbli internazzjonalment:

    (a)

    purità: il-perċentwali bil-piż taż-żerriegħa pura, żrieragħ oħra u materja inattiva tal-prodott kummerċjalizzat bħala lott ta’ żrieragħ;

    (b)

    il-perċentwali tal-ġerminazzjoni taż-żerriegħa pura, jew, meta l-perċentwali tal-ġerminazzjoni jkun impossibbli jew imprattikabbli li jiġi evalwat, il-perċentwali ta’ vijabbiltà evalwat b’referenza għal metodu speċifiku;

    (ċ)

    il-piż ta’ 1 000 żerriegħa pura;

    (d)

    in-numru ta’ żerriegħa ġerminabbli għal kull kilogramma tal-prodott kummerċjalizzat bħala żerriegħa, jew, meta n-numru ta’ żerriegħa ġerminabbli ma jkunx possibbli jew imprattikabbli li jiġi kkalkulat, in-numru taż-żrieragħ vijabbli għal kull kilogramma.

    3.

    B’deroga għall-paragrafu 2, l-informazzjoni addizzjonali msemmija fih rigward il-proċeduri tal-eżami taż-żrieragħ, bl-użu ta’ teknika aċċettati internazzjonalment jista’ jiġi pprovdut mill-fornitur li jimporta ż-żrieragħ qabel ma jkunu kummerċjalizzati għall-ewwel darba fil-Komunità.

    4.

    Sabiex iż-żrieragħ tal-wiċċ tar-raba’ tas-sena attwali jkunu disponibbli mingħajr dewmien, iż-żrieragħ jistgħu jitqiegħdu fis-suq mill-fornitur li jimportahom, sal-ewwel xerrej, mingħajr ma jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti tal-paragrafi 2(b) u 2(d). Il-fornitur li jimporta dak il-materjal għandu jiddikjara malajr kemm jista’ jkun li jirrispetta r-rekwiżiti tal-paragrafi 2(b) u (d).

    5.

    Ir-rekwiżiti tal-paragrafi 2(b) u 2(d) ma japplikawx fil-każ ta’ kwantitajiet żgħar ta’ żrieragħ, kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 2301/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE fir-rigward tad-definizzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ta’ żrieragħ (1).

    6.

    Il-lottijiet taż-żrieragħ għandhom jilħqu livell minimu ta’ purità tal-ispeċi ta’ 99 %. Madankollu, fil-każ ta’ speċi relatati mill-qrib, b’esklużjoni ta’ ibridi artifiċjali, il-purità tal-ispeċi tal-lott tal-frott jew taż-żrieragħ, fejn tilħaqx id-99 %, għandha tiġi ddikjarata fuq it-tikketta jew id-dokument tal-fornitur.

    7.

    Bħala deroga mill-paragrafu 1, iż-żrieragħ fi kwantitajiet xierqa jistgħu jiġu derivati minn materjal bażiku mhux approvat:

    (a)

    għal testijiet, għanijiet xjentifiċi jew għall-konservazzjoni ġenetika;

    (b)

    fejn l-unitajiet taż-żrieragħ jidhru biċ-ċar li mhumiex maħsuba għal għanijiet ta’ forestrija.

    B.   Kondizzjonijiet relatati man-nebbiet għat-tħawwil prodotti f’pajjiżi terzi.

    1.

    Il-produzzjoni tan-nebbiet għat-tħawwil għandha ssir f’mixtla rreġistrata mal-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi stabbiliti fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni jew taħt is-superviżjoni uffiċjali ta’ dawn l-awtoritajiet, fil-pajjiż terz. Għandha titwaħħal Tikketta tal-OECD ma’ kull kunsinna flimkien ma’ kopja taċ-Ċertifikat uffiċjali ta’ Provenjenza tal-OECD jew dokument mill-fornitur li jagħti l-informazzjoni kollha kontenuta fiċ-Ċertifikat uffiċjali ta’ Provenjenza tal-OECD u l-isem tal-fornitur.

    2.

    In-nebbiet għat-tħawwil għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII, Parti D, tad-Direttiva 1999/105/KE.

    3.

    In-nebbiet għat-tħawwil li għandhom jiġu kummerċjalizzati għall-utent aħħari f’reġjuni li għandhom klima Mediterranja għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII, Parti E, tad-Direttiva 1999/105/KE.


    (1)  ĠU L 348, 21.12.2002, p. 75.


    Top