Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0852

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/852/ĠAI ta’ l- 24 ta' Ottubru 2008 dwar netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni

    ĠU L 301, 12.11.2008, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/852/oj

    12.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 301/38


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/852/ĠAI

    ta’ l-24 ta' Ottubru 2008

    dwar netwerk ta’ punti ta’ kuntatt kontra l-korruzzjoni

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 30 (1), l-Artikolu 31 u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 29 tat-Trattat jipprovdi li l-objettiv ta’ l-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini livell għoli ta’ sigurtà fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għandu jintlaħaq bil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, organizzata jew le, inkluż il-korruzzjoni u l-frodi.

    (2)

    L-istrateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-bidu tal-millennju l-ġdid dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-kriminalità organizzata tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika komprensiva ta’ l-UE kontra l-korruzzjoni.

    (3)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ April 2005 dwar politika komprensiva ta’ l-UE kontra l-korruzzjoni, li tirreferi għall-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta’ Mejju 2003 dwar Politika Komprensiva ta’ l-UE kontra l-Korruzzjoni, il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-importanza tar-rwol u l-ħidma ta’ l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ politika komprensiva u li tolqot diversi aspetti kontra l-korruzzjoni kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, fi sħubija ma’ l-atturi rilevanti kollha kemm mis-soċjetà ċivili kif ukoll min-negozju.

    (4)

    Il-Kunsill Ewropew laqa’ l-iżvilupp fil-Programm ta’ l-Aja (3) (punt 2.7) ta’ kunċett strateġiku fir-rigward tal-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni transkonfini fil-livell ta’ l-UE u talab lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw ulterjorment dan il-kunċett u jagħmlu operattiv.

    (5)

    Il-kapijiet u r-rappreżentanti prinċipali tal-korpi tal-pulizija nazzjonali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE għall-monitoraġġ u l-ispezzjoni u dawk ta’ l-aġenziji tagħhom ta’ kontra l-korruzzjoni b’mandat usa’ ltaqgħu f’Novembru 2004 fi Vjenna fil-konferenza AGIS dwar it-Titjib tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea. Huma enfasizzaw l-importanza tat-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni tagħhom, inter alia, permezz ta’ laqgħat annwali, u laqgħu l-idea ta’ netwerk Ewropew ta’ kontra l-korruzzjoni bbażat fuq l-istrutturi eżistenti. B’segwitu għall-konferenza ta’ Vjenna, dawn l-Imsieħba Ewropej Kontra l-Korruzzjoni (EPAC) iltaqgħu f’Budapest f’Novembru 2006 għas-sitt laqgħa annwali tagħhom, fejn b’maġġoranza enormi, ikkonfermaw l-impenn tagħhom li jappoġġaw l-inizjattiva dwar l-istabbiliment ta’ netwerk aktar formali kontra l-korruzzjoni.

    (6)

    Sabiex jibnu fuq l-istrutturi eżistenti, l-awtoritajiet u l-aġenziji li ser jiffurmaw parti min-netwerk Ewropew ta’ kontra l-korruzzjoni jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet membri ta’ l-EPAC.

    (7)

    It-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali huwa ġeneralment (4) rikonoxxut bħala kwistjoni ċentrali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-ġlieda kontra kull forma ta’ korruzzjoni għandha tittejjeb permezz ta’ kooperazzjoni effettiva, l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet, il-kondiviżjoni ta’ l-aħjar prattika u l-iżvilupp ta’ standards professjonali għolja. L-istabbiliment ta’ netwerk ta’ kontra l-korruzzjoni fil-livell ta’ l-UE huwa kontribut importanti għat-titjib ta’ tali kooperazzjoni,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Objettiv

    Sabiex il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Ewropa tittejjeb, għandu jiġi stabbilit netwerk ta’ punti ta’ kuntatt ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem imsejjaħ in-“netwerk”). Il-Kummissjoni Ewropea, l-Europol u l-Eurojust għandhom ikunu assoċjati b’mod sħiħ ma’ l-attivitajiet tan-Netwerk.

    Artikolu 2

    Kompożizzjoni tan-netwerk

    In-netwerk għandu jikkonsisti f’awtoritajiet u aġenziji ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea bil-kompitu tal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-membri għandhom jinħatru mill-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas organizzazzjoni waħda, iżda mhux aktar minn tliet organizzazzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea għandha taħtar ir-rappreżentanti tagħha. Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-Europol u l-Eurojust jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet tan-Netwerk.

    Artikolu 3

    Kompiti tan-netwerk

    1.   In-netwerk għandu b’mod partikolari jkollu l-kompiti li ġejjin:

    1.

    għandu jikkostitwixxi forum għall-iskambju ma’ l-UE kollha ta’ informazzjoni dwar miżuri u esperjenza effettivi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

    2.

    għandu jiffaċilita l-istabbiliment u ż-żamma attiva ta’ kuntatti bejn il-membri tiegħu;

    Għal dawn il-finijiet, inter alia, għandha tinżamm aġġornata lista ta’ punti ta’ kuntatt u għandha titħaddem websajt.

    2.   Il-membri tan-netwerk għandhom, biex iwettqu l-kompiti tagħhom, jiltaqgħu ta’ l-inqas darba fis-sena.

    Artikolu 4

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Il-kooperazzjoni ġudizzjarja u dik tal-pulizija bejn l-Istati Membri għandha tkun irregolata mir-regoli rilevanti. L-istabbiliment ta’ netwerk għandu jkun mingħajr preġudizzju għal tali regoli, u mingħajr preġudizzju għar-rwol tas-CEPOL.

    Artikolu 5

    Organizzazzjoni tan-netwerk

    1.   In-netwerk għandu jorganizza lilu nnifsu, filwaqt li jibni fuq il-kollaborazzjoni informali eżistenti bejn l-EPAC.

    2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom iħallsu l-ispejjeż kollha tal-membri jew tar-rappreżentanti maħtura minnhom. L-istess regola għandha tapplika għall-Europol u għall-Eurojust.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara dak ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 24 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ALLIOT-MARIE


    (1)  ĠU C 173, 26.7.2007, p. 3.

    (2)  L-Opinjoni tal-5 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Il-Programm ta’ l-Aja fit-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1).

    (4)  Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, addottata mir-Riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali 58/4 tal-31 ta’ Ottubru 2003.


    Top