Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0671

    2008/671/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta’ Awwissu 2008 dwar l-użu armonizzat ta’ l-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5875 – 5905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4145) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 220, 15.8.2008, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/10/2020; Imħassar b' 32020D1426 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/671/oj

    15.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 220/24


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-5 ta’ Awwissu 2008

    dwar l-użu armonizzat ta’ l-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS)

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 4145)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/671/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u partikolarment l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill (2) u l-Parlament Ewropew (3) saħqu dwar l-importanza tat-titjib tas-sigurtà fit-toroq fl-Ewropa. Is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) huma fil-qofol ta’ approċ integrat għas-sigurtà fit-toroq (4) billi jżidu tekonoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) ma’ l-infrastruttura u l-mezzi tat-trasport biex jiġu evitati sitwazzjonijiet tat-traffiku potenzjalment perikolużi u jitnaqqsu l-inċidenti.

    (2)

    Użu effettiv u koerenti ta’ l-ispettru tar-radju huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ tagħmir ġdid bla wajers fil-Komunità (5).

    (3)

    L-ITS jinkludu sistemi kooperattivi bbażati fuq komunikazzjoni minn vettura għall-oħra, mill-vetturi għall-infrastruttura, u mill-infrastruttura għall-vettura għat-trasferiment ta’ l-informazzjoni f’ħin reali. Dawk is-sistemi potenzjalment joffru titjib importanti fl-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport, fis-sigurtà għal kull min juża t-toroq, u fil-kumdità tal-mobilità. Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, il-komunikazzjonijiet bejn vetturi u l-infrastruttura tat-toroq iridu jkunu rapidi u li tista’ toqgħod fuqhom.

    (4)

    Minħabba l-mobilità tal-vetturi u l-bżonn li jkun assigurat l-ilħiq tas-suq intern u t-tisħiħ tas-sigurtà fit-toroq fl-Ewropa kollha, l-ispettru użat mis-sistemi kooperattivi ta’ l-ITS għandu jkun disponibbli b’mod armonizzat fl-Unjoni Ewropea kollha.

    (5)

    Skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, fil-5 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni ordnat lill-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni (CEPT) biex tivverifika r-rekwiżiti ta’ l-ispettru għall-applikazzjonijiet kruċjali għas-sigurtà fil-kuntest ta’ l-ITS u sistemi kooperattivi u biex twettaq studji fuq il-kompatibilità teknika bejn applikazzjonijiet ta’ l-ITS kruċjali għas-sigurtà u servizzi ta’ radju fil-faxex ta’ frekwenzi kkunsidrati potenzjalment milqutin. Is-CEPT intalab ukoll jiżviluppa l-aħjar pjanijiet għall-kanali għall-frekwenzi identifikati għall-ITS.

    (6)

    Ir-riżultati relevanti ta’ dan ix-xogħol magħmul mis-CEPT isawru l-bażi teknika ta’ din id-Deċiżjoni.

    (7)

    Fir-rapport tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2007 (Rapport 20 tas-CEPT), is-CEPT ikkonkludiet li l-frekwenzi ta’ 5 GHz, b’mod partikolari l-faxxa bejn il-5 875 u l-5 905 MHz, kienu adattati għal applikazzjonijiet ta’ l-ITS relatati mas-sigurtà, li jtejbu s-sigurtà fit-triq billi jzidu l-informazzjoni lis-sewwieq u lill-vettura dwar l-ambjent, vetturi oħrajn u utenti tat-triq oħrajn. Barra minn hekk, l-ITS huma kompatibbli mas-servizzi studjati kollha f’ dik il-faxxa, u mas-servizzi eżistenti l-oħrajn kollha studjati taħt il-5 850 MHz u ’l fuq mill-5 925 MHz, sakemm joqogħdu għal ċerti limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet kif stabbiliti fir-Rapport tas-CEPT. L-għażla ta’ din il-faxxa tkun ukoll konformi ma’ l-ispettru użat f’reġjuni oħrajn fid-dinja u għalhekk tinkoraġġixxi armonizzazzjoni globali. Barra minn hekk, l-ITS ma jkunux jistgħu jesiġu protezzjoni minn stazzjonijiet fl-art (earth stations) ta’ servizz ta’ satellita fissa (FSS) u emissjonijiet mhux mixtieqa minn tagħmir ta’ l-ITS għandhom ikunu limitati biex ikun protett l-FSS.

    (8)

    L-istandard armonizzat EN 302 571 qed ikun finalizzat mill-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) b’konformità ma’ l-istudji ta’ kompatibbiltà li għamlet is-CEPT biex tagħti preżunzjoni ta’ konformità ma’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 1999/5/KE tad-9 ta’ Marzu 1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir tar-radju u t-tagħmir terminali tat-telekomunikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (6), b’hekk tassigura li t-tagħmir ta’ l-ITS konformi ma jikkawżax interferenza li tagħmel ħsara. It-trażmettituri ta’ l-ITS huma mistennija li jimmassimizzaw l-użu ta’ l-ispettru u jikkontrollaw il-qawwa trażmessa fil-livell minimu biex jużaw l-ispettru allokat lill-ITS b’mod effettiv u b’hekk jevitaw interferenza li tagħmel ħsara.

    (9)

    Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, l-istandard jipprevedi li jkun hemm kontroll tal-qawwa tat-trażmettitur (TPC) fuq faxxa ta’ mill-inqas 30 dB fir-rigward tal-qawwa totali ta’ trażmissjoni massima ta’ 33 dBm mean e.i.r.p. Jekk xi manifatturi jagħżlu li ma jużawx it-tekniki identifikati f’dan l-istandard, kwalunkwe metodi alternattivi jkun jeħtiġilhom li jipprovdu ta’ l-anqas l-istess livell ta’ mitigazzjoni kontra l-interferenza bħal dik ta’ l-istandard.

    (10)

    L-armonizzazzjoni skond din id-Deċiżjoni ma għandhiex teskludi l-possibbilità lil xi Stat Membru li japplika, fejn huwa ġġustifikat, perjodi ta’ transizzjoni jew ftehim ta’ qsim ta’ l-ispettru tar-radju.

    (11)

    Huwa mistenni li l-Istati Membri jkollhom l-ispettru għad-dispozzjoni tal-komunikazzjoni ta’ l-ITS bejn vetturi fi żmien sitt xhur li matulhom għandhom jallokaw l-faxxa ta’ frekwenzi 5 875–5 905 MHz skond din id-Deċiżjoni. Madankollu, għal komunikazzjonijiet ta’ l-ITS bejn infrastruttura u vettura u bejn vettura u infrastruttura, jista’ jkun diffiċli għal xi Stati Membri li f’dan il-perjodu ta’ żmien jiffinalizzaw kwadru ta’ liċenzjar xieraq jew mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-installazzjoni ta’ infrastuttura mal-ġenb tat-triq ta’ operaturi ta’ l-ITS differenti. Kwalunkwe dewmien wara dan iż-żmien biex l-ispettru jitqiegħed għad-disponibbilità jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-adozzjoni wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ta’ l-ITS relatati mas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu jiġu limitat u ġġustifikat fil-pront.

    (12)

    B’kunsiderazzjoni ta’ l-iżviluppi tas-suq u l-evoluzzjoni ta’ teknoloġiji, l-ambitu u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jista’ jkollhom bżonn jiġu rreveduti fil-futur, b’mod partikolari abbażi ta’ informazzjoni dwar dawn l-iżviluppi u l-evoluzzjoni pprovduti mill-Istati Membri

    (13)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Ispettru tar-Radju.

    ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbilità u l-użu effiċjenti tal-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 905 MHz għal applikazzjonijiet ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelligenti (ITS) relatati mas-sigurtà, fil-Komunità.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “Sistemi ta’ Trasport Intelligenti” tfisser firxa ta’ sistemi u servizzi, ibbażati fuq teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, fosthom ipproċessar, kontroll, pożizzjonament, komunikazzjoni u elettronika, li huma applikati għal sistemi ta’ trasport fit-toroq.

    (2)

    “il-qawwa medjana ekwivalenti irradjata iżotropikament (mean equivalent isotropically radiated power) (e.i.r.p)” tfisser e.i.r.p. matul il-waqt tat-trażmissjoni li jikkorrispondi għall-akbar qawwa, jekk jiġi implimentat il-kontroll tal-qawwa

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni biex jagħżlu l-faxxa ta’ frekwenzi 5 875–5 905 MHz għas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti u fl-inqas żmien prattikabbli raġonevoli wara din l-għażla, jagħmlu disponibbli dik il-faxxa ta’ frekwenzi fuq bażi mhux esklużiva.

    Din l-għażla għandha tkun konformi mal-parametri stabbiliti fl-Anness.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jitolbu perjodi ta’ transizzjoni u/jew ftehim ta’ qsim ta’ l-ispettru tar-radju, skond l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni ta’ l-Ispettru tar-Radju.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom iżommu l-użu tal-faxxa ta’ frekwenzi 5 875–5 905 MHz taħt sorveljanza u għandhom jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni biex tkun tista’ ssir reviżjoni ta’ din id-Deċiżjoni jekk ikun neċessarju.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Awwissu 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill 15101/03 tal-5 ta’ Diċembru 2003 u l-Konklużjonijiet ta’ Verona 2 tas-26 ta’ Ottubru 2004.

    (3)  ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 220.

    (4)  COM(2006) 314.

    (5)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 15530/04 u 15533/04 tat-3.12.2004.

    (6)  ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).


    ANNESS

    Parametri Tekniċi għall-applikazzjonijiet relatati mas-sikurezza tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-faxxa ta’ frekwenzi 5 875 -5 905 MHz

    Parametru

    Valur

    Densità tal-qawwa spettrali massima (e.i.r.p. medju)

    23 dBm/MHz

    Qawwa ta’ trażmissjoni massima (e.i.r.p. medju)

    33 dBm

    Aċċess għall-kanal u regoli ta’ l-okkupazzjoni

    Għandhom jiġu użati tekniki biex itaffu l-interferenza li jipprovdu minn ta’ l-anqas prestazzjoni ekwivalenti għat-tekniki deskritti fl-istandards armonizzati adottati skond id-Direttiva 1999/5/KE. Dawn jirrikjedu trażmettitur b’kontroll tal-qawwa (TPC) b’fax ta’ 30 dB minn ta’ l-anqas.


    Top