Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1216

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007 tat- 18 ta’ Ottubru 2007 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    ĠU L 275, 19.10.2007, p. 3–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/06/2014; Imħassar b' 32014R0664

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1216/oj

    19.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 275/3


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1216/2007

    tat-18 ta’ Ottubru 2007

    li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta' l-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 19(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 509/2006 irrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 ta' l-14 ta’ Lulju 1992 dwar ċertifikati ta' karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel (2). F'ġieħ iċ-ċarezza, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1848/93 (3), li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92, għandu jitħassar u jiġi ssostitwit b'Regolament ġdid.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 509/2006 jistipula li biex prodott agrikolu jew prodott ta' l-ikel ikun jista' jikkwalifika bħala speċjalità tradizzjonali garantita, għandu jkun konformi ma' speċifikazzjoni tal-prodott. Għandhom ikunu pprovduti regoli dettaljati rigward it-tagħrif li għandu jiġi inkluż fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, speċjalment l-ismijiet li għandhom ikunu rreġistrati, id-deskrizzjoni tal-prodott u tal-metodu tal-produzzjoni, u tal-verifika tal-karattru speċifiku tiegħu.

    (3)

    Għandhom ikunu stabbiliti regoli speċifiċi għal ismijiet miktubin f'ittri mhux Latini, kif ukoll għar-reġistrazzjoni ta' ismijiet f'aktar minn lingwa waħda.

    (4)

    L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 jistipula li speċifikazzjoni ta' prodott tista' tagħmel referenza għall-possibbiltà li ma' l-isem irreġistrat tkun mehmuża tikketta b'espressjoni partikulari għat-traduzzjoni f'ilsna oħrajn minbarra dak li l-isem ikun ġie rreġistrat fih. Għalkemm l-ispeċifikazzjoni m'għandhiex bilfors tipprovdi traduzzjonijiet ta' din l-espressjoni, għandu jkun ipprovdut fl-ispeċifikazzjoni t-test oriġinali li jeħtieġ ikun tradott.

    (5)

    L-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tkun ippreżentata b'mod konċiż, mingħajr ma tiddeskrivi prattiċi ta' l-imgħoddi li m'għadhomx jintużaw u mingħajr ma tirrepeti obbligi ġenerali. Għandu jiġi stabbilit tul massimu għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    (6)

    Għandu jiġi ddefinit is-simbolu tal-Komunità msemmi fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 22 ta' l-istess Regolament jistipula li mill-1 ta’ Mejju 2009 'l quddiem, is-simbolu għandu jidher bilfors fuq il-prodotti Komunitarji kollha, mingħajr preġudizzju għall-prodotti li jkunu diġà tqiegħdu fis-suq qabel dik id-data. Madankollu, peress li sa dik id-data s-simbolu jista' jintuża fuq bażi volontarja, jixraq li jiġu ddefiniti regoli rigward l-użu tas-simbolu, b'seħħ mill-1 ta’ Lulju 2008.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 509/2006 jistipula li produttur li jixtieq jipproduċi speċjalità tradizzjonali garantita għall-ewwel darba għandu jinnotifika minn qabel lill-awtoritajiet jew lill-korpi nnominati biex jivverifikaw l-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Biex ikunu żgurati t-trasparenza u l-funzjonament tajjeb tal-kontrolli, l-awtoritajiet jew il-korpi maħtura għandhom jibagħtu lill-Istat Membru, jew fil-każ ta' pajjiżi terzi, lill-Kummissjoni, l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi li għalihom jivverifikaw il-konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti.

    (8)

    Biex tkun żgurata l-implimentazzjoni koerenti tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, għandhom ikunu speċifikati proċeduri, u għandhom jiġu pprovduti mudelli għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti, għall-oġġezzjonijiet u għall-emendi.

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    1.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 għandha tinkludi t-tagħrif mitlub fil-punt 3 ta' l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    2.   It-tip ta' prodott agrikolu jew prodott ta' l-ikel għandu jiġi indikat skond il-klassifikazzjoni mogħtija fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    3.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tkun konċiża, u ma għandhiex tkun itwal minn 10 paġni għajr f'każijiet iġġustifikati.

    Artikolu 2

    Regoli speċifiċi għat-tismija

    1.   Fejn il-kitba oriġinali ta' isem għar-reġistrazzjoni ma tkunx f'ittri Latini, għandha tkun irreġistrata traskrizzjoni f'ittri Latini flimkien ma' l-isem fil-kitba oriġinali tiegħu.

    2.   Fejn ir-reġistrazzjoni tkun mitluba f'aktar minn lingwa waħda, il-forom kollha ta' l-isem li għalih tintalab ir-reġistrazzjoni għandhom jidhru fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    3.   Fejn jiġi applikat l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, u l-grupp jispeċifika li, meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, it-tikketta tista' tinkludi indikazzjoni fl-ilsna uffiċjali l-oħra li l-prodott inkiseb skond it-tradizzjoni tar-reġjun, ta' l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu toriġina l-applikazzjoni, din l-indikazzjoni għat-traduzzjoni fl-ilsna uffiċjali l-oħra għandha tidher fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

    Artikolu 3

    Regoli speċifiċi għad-deskrizzjoni tal-prodott u tal-metodu ta' produzzjoni

    1.   Fid-deskrizzjoni tal-prodott għandhom jissemmew biss il-karatteristiċi meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodott u tal-karattru speċifiku tiegħu. Ma għandhiex tirrepeti obbligi ġenerali.

    2.   Id-deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni għandha tinkludi biss il-metodu ta' produzzjoni li jkun qed jiġi segwit. Ma għandhiex tinkludi prattiċi ta' l-imgħoddi li m'għadhomx isiru.

    Għandu jiġi deskritt biss il-metodu meħtieġ għall-ksib tal-prodott speċifiku, b'mod li jippermetti r-riproduzzjoni tal-prodott.

    3.   Fost l-elementi ewlenin fid-definizzjoni tal-karattru speċifiku tal-prodott għandu jkun hemm tqabbil li juri d-differenza bejn il-prodott ikkonċernat u prodotti ta' l-istess kategorija. Jistgħu jiġu kkwotati l-istandards eżistenti bħala punt ta' riferiment jew tqabbil.

    4.   Fost l-elementi ewlenin li juru l-karattru tradizzjonali tal-prodott, iridu jkunu inklużi l-elementi ewlenin li baqgħu kif kienu, b'referenzi preċiżi u akkreditati kif xieraq.

    Artikolu 4

    Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri għall-verifika tal-karattru speċifiku

    L-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tipprovdi l-karatteristiċi li jeħtieġ li jiġu vverifikati biex jiġi żgurat il-karattru speċifiku tal-prodott, u għandha tagħti wkoll il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti u kull kemm għandhom isiru dawn il-verifiki.

    Artikolu 5

    Regoli speċifiċi għat-tikkettar

    Stat Membru jista' jistipula li isem l-awtorità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 7(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 għandu jidher fuq it-tikketta tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel li jkun ġie identifikat bħala speċjalità tradizzjonali garantita li tiġi prodotta fit-territorju ta' l-istess Stat Membru.

    Artikolu 6

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni

    1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha timtela skond il-formola fl-Anness I ta' dan ir-Regolament. Għandha tintbagħat ukoll kopja elettronika tal-formola mimlija kif xieraq.

    2.   Fejn il-grupp applikanti huwa stabbilit fi Stat Membru, ma' l-applikazzjoni għandha tkun mehmuża d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(6)(d) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006.

    Fejn il-grupp applikanti huwa stabbilit f'pajjiż terz, ma' l-applikazzjoni għandhom ikunu mehmuża d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 7(3)(d) ta' l-istess Regolament.

    3.   Id-data tat-tressiq ta' l-applikazzjoni lill-Kummissjoni hija dik li fiha l-applikazzjoni titniżżel fir-reġistru postali tal-Kummissjoni fi Brussell.

    Artikolu 7

    L-applikazzjonijiet konġunti

    1.   Fejn diversi gruppi minn Stati Membri differenti jissottomettu applikazzjoni konġunta kif ipprovdut fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-proċedura ta' oġġezzjoni msemmija fil-paragrafu 5 ta' l-istess Artikolu għandha ssir fl-Istati Membri kollha kkonċernati.

    2.   L-applikazzjoni, flimkien mad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(6)(d) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 mingħand l-Istati Membri kollha kkonċernati, għandha tkun sottomessa lill-Kummissjoni minn kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, jew minn kwalunkwe wieħed mill-gruppi applikanti fil-pajjiżi terzi kkonċernati, direttament jew permezz ta' l-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    Artikolu 8

    Oġġezzjonijiet

    1.   Tista' tinkiteb stqarrija ta' oġġezzjoni għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, skond il-formola pprovduta fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

    2.   Meta tiġi biex tiddetermina l-ammissibbiltà ta' l-oġġezzjoni skond l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-istqarrija tinkludi raġunijiet u ġustifikazzjoni għall-oġġezzjoni.

    3.   Il-perjodu ta' sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 jibda fid-data li fiha l-Kummissjoni tibgħat l-istedina lill-partijiet interessati biex jiftiehmu bejniethom.

    4.   Meta tkun intemmet il-proċedura msemmija fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, l-Istat Membru jew il-pajjiż terz applikanti għandu jikkomunika r-riżultati ta' kull konsultazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien xahar. Għal dan il-għan, jista' juża l-formola pprovduta fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Indikazzjonijiet u simboli

    1.   Is-simboli Komunitarji msemmija fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 għandu jkollhom il-forma ddefinita fl-Anness V ta' dan ir-Regolament. Il-kliem “SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA” ġewwa s-simbolu jista' jinbidel mat-terminu ekwivalenti f' ilsien uffiċjali ieħor tal-Komunità, kif stipulat fl-Anness V ta' dan ir-Regolament.

    2.   Fejn is-simboli Komunitarji jew l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 jidhru fuq it-tikketta ta' prodott, dawn għandhom ikunu akkumpanjati bl-isem irreġistrat, jew jekk l-isem ikun ġie rreġistrat f'diversi lingwi, b'forma waħda minnhom.

    Artikolu 10

    Reġistru

    1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm ir-“Reġistru ta' l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti” (minn hawn 'il quddiem “ir-Reġistru”), fis-sede tagħha fi Brussell.

    2.   Mad-dħul fis-seħħ ta' strument legali li jirreġistra isem, il-Kummissjoni għandha tniżżel fir-Reġistru t-tagħrif li ġej:

    (a)

    l-isem irreġistrat tal-prodott f' ilsien wieħed jew aktar;

    (b)

    informazzjoni dwar jekk ir-reġistrazzjoni ssirx b'riserva ta' isem jew mingħajrha;

    (c)

    informazzjoni dwar jekk il-grupp jitlobx li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006;

    (d)

    il-klassifikazzjoni tal-prodott skond l-Anness II ta' dan it-Regolament;

    (e)

    indikazzjoni tal-pajjiż(i) tal-grupp(i) li ressaq/ressqu l-applikazzjoni; kif ukoll

    (f)

    referenza għall-istrument legali li permezz tiegħu l-isem ikun qed jiġi rreġistrat.

    3.   Dwar l-ismijiet irreġistrati awtomatikament skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni għandha tniżżel fir-Reġistru t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu sal-31 ta’ Lulju 2008.

    Artikolu 11

    Emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    1.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha titħejja skond il-formola pprovduta fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament.

    2.   Fil-każ ta' applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emendi għall-ispeċifikazzjonijiet ta' prodott skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006:

    (a)

    l-informazzjoni mitluba fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 għandha tinkludi l-applikazzjoni mimlija kif xieraq imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll, fejn il-grupp applikanti huwa stabbilit fi Stat Membru, l-istqarrija msemmija fl-Artikolu 7(6)(d) ta' l-istess Regolament;

    (b)

    l-informazzjoni għall-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 għandha tinkludi l-applikazzjoni mimlija kif xieraq imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    3.   Biex emenda titqies bħala emenda żgħira, skond it-tifsira mogħtija fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, ma tistax:

    (a)

    tkun marbuta mal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott;

    (b)

    iddaħħal tibdiliet essenzjali fil-metodu ta' produzzjoni;

    (c)

    tinkludi xi tibdil fl-isem, jew fi kwalunkwe parti ta' l-isem, jew fl-użu ta' l-isem tal-prodott.

    4.   Fejn l-applikazzjoni tirrigwarda emenda temporanja għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri obbligatorji sanitarji jew fitosanitarji minn awtoritajiet pubbliċi kif stipulat fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, għandha tingħata prova li dawn il-miżuri jkunu twettqu.

    5.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tapprova emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott li tinkludi tibdil fit-tagħrif imniżżel fir-Reġistru stipulat fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tħassar id-dejta oriġinali mir-Reġistru u tniżżel fih id-dejta l-ġdida b'seħħ mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija.

    6.   It-tagħrif li jiġi sottomess lill-Kummissjoni skond dan l-Artikolu għandu jkun sew fuq karta sew f'forma elettronika. Id-data tat-tressiq ta' applikazzjoni għall-emenda lill-Kummissjoni hija dik li fiha l-applikazzjoni titniżżel fir-reġistru postali tal-Kummissjoni f'Brussell.

    Artikolu 12

    Komunikazzjoni mingħand l-awtoritajiet jew il-korpi maħtura

    1.   L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 jew il-korpi ta' kontroll imsemmija fit-tieni inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 15(1) ta' l-istess Regolament għandhom jikkomunikaw lill-Istat Membru l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi li għalihom jivverifikaw il-konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott. L-Istati Membri għandhom iżommu l-lista tal-produtturi għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri l-oħra u tal-Kummissjoni.

    2.   L-awtoritajiet jew il-korpi ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi li għalihom jivverifikaw il-konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott.

    Artikolu 13

    Tħassir

    1.   Il-Kummissjoni jista' jidhrilha li l-konformità mal-kundizzjonijiet ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal prodott agrikolu jew prodott ta' l-ikel kopert minn isem ta' speċjalità tradizzjonali garantita ma għadhiex possibbli jew ma tistax tiġi garantita, partikularment jekk il-Kummissjoni ma tkun irċeviet l-isem ta' ebda awtorità jew korp ta' kontroll imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 fi żmien 5 snin.

    2.   Qabel ma titħassar reġistrazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippermetti li l-grupp applikanti jesprimi l-opinjoni tiegħu, u tista' tistabbilixxi skadenza biex il-grupp iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu.

    3.   Meta t-tħassir iseħħ, il-Kummissjoni għandha tneħħi l-isem mir-Reġistru stipulat fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 14

    Regoli tranżitorji

    Id-dispożizzjonijet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, mingħajr ħsara għal li ġej:

    (a)

    Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 1 sa 4 għandhom japplikaw biss fir-rigward ta' proċeduri ta' reġistrazzjoni u approvazzjoni ta' emendi, fejn il-pubblikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 jew skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 ma tkunx saret qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 6, 7, 11(1), 11(2), 11(4) u 11(6) għandhom japplikaw biss fir-rigward ta' applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni jew għall-approvazzjoni ta' emendi rċevuti wara d-19 ta’ April 2006;

    (c)

    Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta' l-Artikolu 8 għandhom japplikaw biss fir-rigward ta' proċeduri ta' oġġezzjoni li għalihom il-perjodu ta' 6 xhur imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 ma jkunx beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

    (d)

    Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(4) għandhom japplikaw biss fir-rigward ta' proċeduri ta' oġġezzjoni li għalihom il-perjodu ta' 6 xhur imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 ma jkunx skada sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;

    (e)

    Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(2) għandhom japplikaw mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2008, mingħajr ħsara għall-prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq qabel din id-data.

    Artikolu 15

    Revoka

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1848/93 huwa mħassar.

    Artikolu 16

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 14(b) għandu japplika b'seħħ mill-20 ta’ April 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 208, 24.7.1992, p. 9. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1).

    (3)  ĠU L 168, 10.7.1993, p. 35. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2167/2004 (ĠU L 371, 18.12.2004, p. 8).


    ANNESS I

    (Wara li timtela din il-formola, jitħassar it-test bejn il-parenteżi kwadri)

    APPLIKAZZJONI GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA' SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA (STG)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    [Daħħal l-isem, bħal fi 3.1. hawn isfel:] “ ”

    Nru tal-KE: [għall-użu tal-KE biss]

    1.   L-isem u l-indirizz tal-grupp applikanti

    [Fil-każ ta' gruppi applikanti varji, agħti t-tagħrif rigward kull wieħed minnhom]

    Isem il-grupp jew l-organizzazzjoni (jekk rilevanti):

    Indirizz:

    Tel.:

    Indirizz e-mail:

    2.   L-Istat Membru jew il-Pajjiż Terz

    3.   L-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

    3.1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni (l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

    [Fejn ir-reġistrazzjoni tkun mitluba f'aktar minn ilsien wieħed, inkludi l-forom kollha ta' l-isem li se jintuża. Fejn jiġi applikat l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, jiġifieri l-grupp jispeċifika li, meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, it-tikketta tista' tinkludi, minbarra l-isem tal-prodott fil-lingwa oriġinali, indikazzjoni fl-ilsna uffiċjali l-oħra li l-prodott inkiseb skond it-tradizzjoni tar-reġjun, ta' l-Istat Membru jew tal-pajjiż terz li minnu toriġina l-applikazzjoni, inkludi wkoll l-indikazzjoni li għandha tiġi tradotta fl-ilsna uffiċjali l-oħra.]

    3.2.   Indika jekk l-isem

    huwa speċifiku minnu nnifsu

    jesprimi l-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel.

    [Agħti spjegazzjoni]

    3.3.   Indika jekk ir-reġistrazzjoni ta' l-isem hijiex qed tintalab taħt l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    [Agħżel waħda, “X”]

    reġistrazzjoni mar-riserva ta' l-isem

    reġistrazzjoni mingħajr ir-riserva ta' l-isem

    3.4.   It-tip tal-prodott [skond l-Anness II]

    3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel li għalih japplika l-isem taħt il-punt 3.1. (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

    3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel li għalih japplika l-isem taħt il-punt 3.1. (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

    3.7.   Il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2007)

    3.8.   Il-karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott ta' l-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2007)

    3.9.   Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri għall-verifika tal-karattru speċifiku (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

    4.   L-awtoritajiet jew il-korpi għall-verifika tal-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    [Fejn il-verifika tal-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott issir minn aktar minn awtorità waħda jew korp wieħed, inkludi tagħrif dwar kull wieħed jew waħda minnhom.]

    4.1.   L-isem u l-indirizz

    Isem:

    Indirizz:

    Tel.:

    Indirizz e-mail:

    [Agħżel waħda, “X”:]

     Pubbliku/a

     Privat/a

    4.2.   Kompiti speċifiċi ta' l-awtorità jew tal-korp

    [Inkludi biss kompiti marbutin mal-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott]


    ANNESS II

    IL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-PRODOTTI GĦALL-ISKOPIJIET TAR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 509/2006

    1.   Prodotti elenkati fl-anness I tat-trattat tal-KE maħsuba għall-konsum mill-bniedem:

    Klassi 1.1.

    Laħam frisk (u l-ġewwieni)

    Klassi 1.2.

    Prodotti tal-laħam (imsajra, immelħa, iffumigati, eċċ.)

    Klassi 1.3.

    Ġobon

    Klassi 1.4.

    Prodotti oħra ta' oriġini mill-annimali (bajd, għasel, prodotti mill-ħalib għajr il-butir, eċċ.)

    Klassi 1.5.

    Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żjut, eċċ.)

    Klassi 1.6.

    Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    Klassi 1.7.

    Ħut frisk, molluski u krustaċji u l-prodotti dderivati minnhom

    Klassi 1.8.

    Prodotti oħra msemmija fl-Anness I tat-Trattat

    2.   Prodotti ta' l-ikel msemmija fl-Anness I tar-regolament (KE) Nru 509/2006

    Klassi 2.1.

    Birra

    Klassi 2.2.

    Ċikkulata u preparazzjonijiet oħra ta' l-ikel li fihom il-kakaw

    Klassi 2.3.

    Ħelu, ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u ikel infurnat ieħor

    Klassi 2.4.

    Għaġin, imsajjar jew mhux, mimli jew mhux

    Klassi 2.5.

    Ikliet imsajra minn qabel

    Klassi 2.6.

    Zlazi ta' kondiment ippreparati

    Klassi 2.7.

    Sopop jew brodu

    Klassi 2.8.

    Xorb magħmul minn estratti tal-pjanti

    Klassi 2.9.

    Ġelati u sorbetti.


    ANNESS III

    (Wara li timtela din il-formola, jitħassar it-test bejn il-parenteżi kwadri)

    STQARRIJA TA' OĠĠEZZJONI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel bħala Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

    1.   Isem il-prodott

    [kif mogħti fil-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU)]

    2.   Referenza uffiċjali

    [kif mogħtija fil-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU)]

    Nru ta' referenza:

    Data tal-pubblikazzjoni fil-ĠU:

    3.   Dettalji ta' kuntatt

    Il-persuna li wieħed jista' jikkuntattja:

    Sur/Sra:

    Isem:

    Grupp/organizzazzjoni/individwu:

    Jew awtorità nazzjonali:

    Dipartiment:

    Indirizz:

    Tel.: +

    Indirizz e-mail:

    4.   Ir-raġuni għall-oġġezzjoni:

    Nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    Nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    Nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    Fil-każ ta' applikazzjonijiet skond l-Artikolu 13(2), l-isem jintuża b'mod legali, huwa magħruf, u huwa ekonomikament sinifikanti għal prodotti agrikoli jew prodotti ta' l-ikel simili

    5.   Dettalji ta' l-oġġezzjoni

    Agħti stqarrija li tispjega r-raġunijiet u l-ġustifikazzjoni għall-oġġezzjoni. Ipprovdi wkoll stqarrija li tispjega l-interess leġittimu ta' min joġġezzjona. (Fil-każ li l-oġġezzjoni titressaq mill-awtoritajiet nazzjonali, l-istqarrija ta' l-interess leġittimu mhix meħtieġa.) L-istqarrija ta' oġġezzjoni għandha tkun iffirmata u datata.


    ANNESS IV

    (Wara li timtela din il-formola, jitħassar it-test bejn il-parenteżi kwadri)

    NOTIFIKA TAT-TMIEM TAL-KONSULTAZZJONIJIET WARA L-PROĊEDURA TA' L-OĠĠEZZJONI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    1.   Isem il-prodott

    [kif jidher fil-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU)]

    2.   Referenza uffiċjali [kif tidher fil-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU)]

    Nru ta' referenza:

    Data tal-pubblikazzjoni fil-ĠU:

    3.   Ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet

    3.1.

    Intlaħaq ftehim ma' l-opponent(i) li ġej/jin:

    [ehmeż kopji ta' l-ittri li juru l-ftehim]

    3.2.

    Ma ntlaħaqx ftehim ma' l-opponent(i) li ġej/jin:

    4.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    L-ispeċifikazzjoni ġiet emendata

    Iva 

    Le 

    Jekk “Iva”, ehmeż l-ispeċifikazzjoni tal-prodott emendata

    5.   Data u firma

    [Isem]

    [Dipartiment / Organizzazzjoni]

    [Indirizz]

    [Tel.:+]

    [Indirizz e-mail:]


    ANNESS V

    RIPRODUZZJONI TAS-SIMBOLI U INDIKAZZJONIET KOMUNITARJI

    1.   Is-simboli Komunitarji bil-kulur jew bl-abjad u iswed

    Fejn jintużaw bil-kulur, jistgħu jintużaw kuluri diretti (Pantone) jew il-proċess ta' erba' kuluri. Il-kuluri ta' riferenza huma indikati hawn taħt.

    Is-simboli Komunitarji f'Pantone

    Image Image

    Is-simboli Komunitarji fil-proċess ta' erba' kuluri

    Image Image

    Is-simboli Komunitarji bl-abjad u iswed

    Image

    2.   Is-simboli Komunitarji bin-negattiv

    Jekk il-kulur ta' l-isfond ta' l-imballaġġ jew tat-tikketta huwa skur, is-simboli jistgħu jintużaw fil-format negattiv, billi jintuża l-kulur ta' l-isfond ta' l-imballaġġ jew tat-tikketta.

    Image

    3.   Il-kuntrast mal-kuluri ta' l-isfond

    Jekk simbolu jintuża bil-kulur fuq sfond bil-kulur li jagħmlu diffiċli biex jintgħaraf, għandu jintuża ċirku estern ta' delinjazzjoni madwar is-simbolu sabiex itejjeb il-kuntrast ma' l-isfond.

    Image

    4.   It-tipografija

    It-test għandu jkun miktub f'ittri kapitali Times Roman.

    5.   Tiċkin

    Id-daqs minimu tas-simboli tal-Komunità huwa djametru ta' 15 mm.

    6.   “Speċjalità tradizzjonali garantita” u t-taqsira tagħha fil-lingwi tal-KE

    Lingwa tal-KE

    Terminu

    Taqsira

    BG

    храна с традиционно специфичен характер

    ХТСХ

    ES

    especialidad tradicional garantizada

    ETG

    CS

    zaručená tradiční specialita

    ZTS

    DA

    garanteret traditionel specialitet

    GTS

    DE

    garantiert traditionelle Spezialität

    g.t.S.

    ET

    garanteeritud traditsiooniline eritunnus

    GTE

    EL

    εγγυημένο παραδοσιακό ιδιότυπο προϊόν

    Ε Π Ι Π

    EN

    traditional speciality guaranteed

    TSG

    FR

    spécialité traditionnelle garantie

    STG

    GA

    speisialtacht thraidisiúnta ráthaithe

    STR

    IT

    specialità tradizionale garantita

    STG

    LV

    garantēta tradicionālā īpatnība

    GTI

    LT

    garantuotas tradicinis gaminys

    GTG

    HU

    hagyományos különleges termék

    HKT

    MT

    speċjalità tradizzjonali garantita

    STG

    NL

    gegarandeerde traditionele specialiteit

    GTS

    PL

    gwarantowana tradycyjna specjalność

    GTS

    PT

    especialidade tradicional garantida

    ETG

    RO

    specialitate tradițională garantată

    STG

    SK

    zaručená tradičná špecialita

    ZTŠ

    SL

    zajamčena tradicionalna posebnost

    ZTP

    FI

    aito perinteinen tuote

    APT

    SV

    garanterad traditionell specialitet

    GTS


    ANNESS VI

    (Wara li timtela din il-formola, jitħassar it-test bejn il-parenteżi kwadri)

    APPLIKAZZJONI GĦALL EMENDA

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-prodotti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    Applikazzjoni għal emenda skond l-Artikolu 11

    [Isem irreġistrat] “ ”

    Nru tal-KE: [għall-użu tal-KE biss]

    1.   Grupp applikanti

    Isem il-grupp:

    Indirizz:

    Tel.:

    Indirizz e-mail:

    2.   L-istat membru jew il-pajjiż terz

    3.   L-intestatura fl-ispeċifikazzjoni milquta mill-emenda

    Isem il-prodott

    Riserva ta' l-isem (l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006)

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Metodu ta' produzzjoni

    Oħrajn (speċifika):

    4.   It-tip ta' emenda/i

    Emenda għall-ispeċifikazzjoni ta' l-Ispeċjalità Tradizzjonali Garantita (STG)

    Emenda temporanja għall-ispeċifikazzjoni minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri obbligatorji sanitarji jew fitosanitarji minn awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006) (agħti evidenza ta' dawn il-miżuri)

    5.   Emenda/i

    [Għal kull intestatura mmarkata fis-sezzjoni 3 ta' hawn fuq, ipprovdi spjegazzjoni qasira ta' kull emenda. Agħti wkoll stqarrija li tispjega l-interess leġittimu tal-grupp li jipproponi l-emenda.]

    6.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata


    Top