Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0739

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 739/2007 tat- 28 ta’ Ġunju 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 493/2006 dwar miżuri tranżitorji bħala parti mir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

    ĠU L 169, 29.6.2007, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/739/oj

    29.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 169/22


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 739/2007

    tat-28 ta’ Ġunju 2007

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 493/2006 dwar miżuri tranżitorji bħala parti mir-riforma ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta' l-20 ta' Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, is-sena tas-suq għall-prodotti fis-settur taz-zokkor hija għall-perjodu mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru. Madanakollu, is-sena tas-suq 2006/2007 tibda fl-1 ta' Lulju 2006 u tispiċċa fit-30 ta' Settembru 2007. B'hekk tinfirex fuq 15-il xahar, u mhux fuq 12-il xahar bħal sena normali.

    (2)

    Fid-dawl tal-perjodu tas-sena tas-suq 2006/2007, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006 (2) jistabbilixxi kwota tranżitorja għall-isoglukożju, biex tiġi assigurata allokazzjoni li tikkorrispondi ma' dik tas-sena tas-suq preċedenti.

    (3)

    Ċerti Stati Membri jallokaw xi kwoti taz-zokkor lill-impriżi li huma speċjalizzati fil-produzzjoni taz-zokkor permezz ta' l-estrazzjoni mill-karamelli. Il-produzzjoni hija regolari matul il-perjodu kollu tas-sena tas-suq, bħal fil-każ ta' l-isoglukożju. Madanakollu, il-kwantità allokata għas-sena tas-suq 2006/2007 hija, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolment (KE) Nru 318/2006, ugwali għall-kwantità allokata għas-sena tas-suq 2005/2006. Għall-finijiet ta' ekwità fost il-produtturi ta' l-isoglukożju, jeħtieġ li tiġi attribwita kwota tranżitorja lil dawn l-impriżi, b'qies għall-perjodu tas-sena tas-suq 2006/2007.

    (4)

    Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 493/2006 jiġi emendat.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ġestjoni taz-Zokkor,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 493/2006 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    għandu jiddaħħal il-paragrafu 3a, li ġej:

    “3a.   Għas-sena tas-suq 2006/2007, l-Istati Membri għandhom jallokaw lil kull impriża intitolata għal kwota ta' zokkor skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 u li użaw din il-kwota esklussivament għall-produzzjoni taz-zokkor permezz ta' l-estrazzjoni mill-karamelli, kwota tranżitorja ugwali għal 25 % ta' l-imsemmija kwota. Din il-kwota tranżitorja ma tistax tintuża ħlief għall-produzzjoni taz-zokkor permezz ta' l-estrazzjoni mill-karamelli.”

    (2)

    fil-paragrafu 4, it-termini introduttivi għandhom jiġu sostitwiti bit-test li ġej:

    “Il-kwoti tranżitorji stipulati fil-paragrafi 1, 2, 3, u 3a:”

    (3)

    il-paragrafu 6 għandu jiġi sostitwit bil-paragrafi 6 u 7 li ġejjin:

    “6.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

    (a)

    Qabel il-15 ta' Lulju 2006, kull impriża għandha tagħmel stima tal-kwoti tranżitorji allokati skond il-paragrafi 1, 2 u 3;

    (b)

    qabel it-30 ta' Ġunju 2007, kull impriża għandha tagħmel stima tal-kwoti tranżitorji allokati skond il-paragrafu 3a.

    7.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' kontroll u jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa għall-verifika tal-produzzjoni tal-prodotti stipulati fil-paragrafi 1, 2, 3 u 3a, b'mod partikolari għandhom jassiguraw li l-produzzjoni taz-zokkor tikkorrispondi maz-zokkor tal-pitravi miżrugħa qabel l-1 ta' Jannar 2006.

    Għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, qabel il-31 ta' Diċembru 2007, il-miżuri ta' kontroll adottati u r-riżultati tagħhom.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Ġunju 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 247/2007 (ĠU L 69, 9.3.2007, p. 3).

    (2)  ĠU L 89, 28.3.2006, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 119/2007 (ĠU L 37, 9.2.2007, p. 3).


    Top