Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0372

    2007/372/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 31 ta’ Mejju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2004/20/KE sabiex tittrasforma L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti f’Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni

    ĠU L 140, 1.6.2007, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D0771

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/372/oj

    1.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 140/52


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-31 ta’ Mejju 2007

    li temenda d-Deċiżjoni 2004/20/KE sabiex tittrasforma “L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti” f’Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni

    (2007/372/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (1),

    Billi:

    (1)

    Fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Komunità ħadet numru ta’ miżuri mmirati li jippromwovu u jiżviluppaw il-kompetittività u l-innovazzjoni sabiex jikkontribwixxu għat-tkabbir u biex jagħmlu lill-Ewropa post aktar attraenti għall-investiment u x-xogħol.

    (2)

    Dawk il-miżuri jinkludu Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (2). L-għanijiet tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ bħala s-“CIP”) huma li jrawmu l-kompetittività fl-intrapriżi, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (minn issa ‘l quddiem imsejħa “SMEs”), biex jippromwovu l-forom kollha ta’ innovazzjoni, inkluż eko-innovazzjoni, biex jiġi aċċelerat l-iżvilupp ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni u biex tiġi promossa l-effiċjenza ta’ l-enerġija u sorsi ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli. Dawn l-għanijiet għandhom jiġu segwiti permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi speċifiċi li ġejjin: il-Programm ta’ Imprenditorjat u Innovazzjoni, il-Programm għall-appoġġ tal-politika tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Informazzjoni u l-Programm Ewropa - Enerġija Intelliġenti

    (3)

    Dawn il-miżuri li ttieħdu fil-qafas ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona jinkludu wkoll ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità sabiex jittejjeb ir-rendiment ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II) (3) u li jħassar r-Regolament (KE) Nru 1382/2003. L-għanijiet tal-Marco Polo II huma li titnaqqas il-konġestjoni, jittejjeb ir-rendiment ambjentali lis-sistema tat-trasport u biex jittejjeb it-trasport inter-modali, b’hekk jingħata kontribut lis-sistemi ta’ trasport effiċjenti u sostenibbli u lill-kompetittività u l-innovazzjoni, speċjalment l-SMEs, fi ħdan il-Komunità.

    (4)

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti (minn issa ‘l quddiem imsejħa l-“IEEA”) twaqqfet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/20/KE (4), biex timmaniġġja l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta’ l-enerġija mwettqa fil-qafas ta’ Enerġija Intelliġenti – Programm Ewropa 2003-2006 (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ bħala “il-Programm IEE 2003-2006”) adottat bid-Deċiżjoni Nru 1230/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Id-Deċiżjoni 2004/20/KE tipprovdi għall-IEEA li twettaq il-funzjonijiet tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2008 sabiex tesegwixxi kuntratti u għotjiet iffirmati taħt il-programm IEE 2003-2006.

    (5)

    Analiżi tal-benefiċċju kumparat ma’ l-ispiża mwettaq mill-konsulenti esterni wriet li jekk ix-xogħol ta’ implimentazzjoni tal-programm relatat mal-programm il-ġdid ta’ l-IEE 2007-2013 jiġi afdat lill-IEEA eżistenti din tkun l-aktar għażla li tipproduċi benefiċċju għall-ispiża.

    (6)

    L-analiżi tal-benefiċċju kkumparat ma’ l-ispiża wriet ukoll li l-ħidmiet ta’ implimentazzjoni tal-programm relatati mal-Programm ta’ Imprenditorjat u Innovazzjoni fi ħdan il-qafas tas-CIP, kif ukoll Marco Polo II, jistgħu jitwettqu b’mod aktar effiċjenti minn aġenzija eżekuttiva, filwaqt li jiġi żgurat l-immaniġġjar ġenerali mill-Kummissjoni ta’ dawn il-programmi.

    (7)

    Minħabba li l-Programm IEE għall-2007-2013 ġie integrat fis-CIP, u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bil-mod li l-proġetti huma implimentati taħt is-CIP, l-IEEA għandha tiġi afdata b’ċertu ħidmiet ta’ implimentazzjoni relatati mal-Programm Imprenditorjat u Innovazzjoni, li wkoll jifforma parti mis-CIP, flimkien ma’ l-eżekuzzjoni tal-Programm IEE għall-2007-2013. Aktar minn hekk, minħabba li Marco Polo II jikkondividi għanijiet komuni mas-CIP, u b’mod partikolari mal-programm IEE, jiġifieri li tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-enerġija fit-trasport u jitnaqqas l-impatt ambjentali tiegħu, u ż-żewġ programmi jistgħu jibbenefikaw minn sinerġiji importanti, ċertu ħidmiet ta’ implimentazzjoni relatati mal-Marco Polo II għandhom ukoll jiġu delagti lill-IEEA.

    (8)

    Sabiex jiġu riflessi l-ħidmiet addizzjonali, l-IEEA għandha tiġi mibdula f’Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

    (9)

    Id-Deċiżjoni 2004/20/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

    (10)

    Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Aġenziji Eskuttivi,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2004/20/KE qed tiġi emendata kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-isem ta’ l-Aġenzija għandu jkun ‘L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni’ ”.

    (2)

    L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    It-Terminu

    L-Aġenzija għandha twettaq il-ħidmiet tagħha mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2015.”

    (3)

    L-Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Għanijiet u dmirijiet

    1.   L-aġenzija għandha tkun responsabbli sabiex twettaq il-ħidmiet li ġejjin ta’ implimentazzjoni għall-immaniġġjar ta’ l-azzjonijiet tal-Komunità fl-oqsma ta’ l-enerġija, imprenditorjat u l-innovazzjoni, inkluż eko-innovazzjoni, u trasport sostenibbli tal-merkanzija, taħt il-Programm Kwadru Kompetittività u Innovazzjoni 2007-2013 stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1639-2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ bħala ‘s-CIP’), u t-tieni Programm Marco Polo 2007-2013 stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**):

    (a)

    immaniġġjar tal-fażijiet tul il-perjodu tal-proġetti speċifiċi fil-kuntest tal-Programm Imprenditorjat u Innovazzjoni u l-Programm Ewropa – Enerġija intelliġenti stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE u t-tieni Programm Marco Polo, kif ukoll l-iċċekkjar neċessarji għal dawn l-għanijiet, billi jiġu adottati d-deċiżjonijiet relevanti fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan;

    (b)

    l-adozzjoni ta’ l-istrumenti għall-implimentazzjoni tal-budget għad-dħul u l-ħruġ ta’ finanzi u t-twettiq, meta l-Kummissjoni tkun tatha l-poter li tagħmel dan, ta’ l-operazzjonijiet kollha meħtieġa biex timmaniġġja l-miżuri ta’ implimentazzjoni u, b’mod partikolari, dawk marbuta ma’ l-għoti ta’ kuntratti u għotjiet ta’ flus taħt is-CIP u t-tieni Programm Marco Polo;

    (ċ)

    ġbir, analizzar u li jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tiggwida u tevalwa l-implimentazzjoni tas-CIP u t-tieni Programm Marco Polo.

    2.   L-Aġenzija għandha wkoll timmaniġġja l-fażijiet kollha fil-perjodu tal-miżuri ta’ implimentazzjoni delegati lilha fil-qafas tal-programmi li ġejjin:

    (a)

    Europa - Enerġija Intelliġenti (2003-2006) stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***);

    (b)

    Marco Polo (2003-2006) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****);

    Id-drittijiet u l-obbligi tal-Kummissjoni fir-rigard tal-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (b) ta’ l-ewwel sottoparagrafu huma assenjati lill-Aġenzija.

    3.   L-aġenzija tista’ tiġi inkarigata mill-Kummissjoni, wara opinjoni tal-kumitat stabbilita mill-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, sabiex twettaq ħidmiet ta’ l-istess tip taħt is-CIP jew programmi oħra tal-Komunità, fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.

    4.   3. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija għandha tiddefinixxi fid-dettal ix-xogħlijiet kollha fdati lilha u għandha tkun adattata fid-dawl ta’ kull xogħol addizzjonali li jista’ jkun fdat lill-Aġenzija. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun trasmessa, bħala informazzjoni, lill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 24 tar-regolament (KE) Nru 58/2003.

    (*)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15."

    (**)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 1."

    (***)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 29."

    (****)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 1.”"

    (4)

    L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    L-għotjiet

    L-Aġenzija għandha tirċievi għotja ta’ flus li għandha tiddaħħal fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej mill-fondi allokati għall-programm tal-Komunità Enerġija Intelliġenti – Ewropa u, meta jkun xieraq, minn programmi jew azzjonijiet oħra tal-Komunità li l-implimentazzjoni tagħhom tkun fdata lill-Aġenzija skond l-Artikolu 4(3).”

    (5)

    L-Artikolu 8 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Implimentazzjoni tal-budget amministrattiv

    L-Aġenzija għandha timplimenta l-baġit amministrattiv tagħha skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 (*****).

    (*****)  ĠU L 297, 22.9.2004, p. 6.”"

    Artikolu 2

    Ir-referenzi kollha għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti għandhom jiġu interpretati bħala għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni b’effett mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Magħmul fi Brussell, 31 ta’ Mejju 2007

    Għall-Kummissjoni

    Günter VERHEUGEN

    Viċi-President


    (1)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15

    (3)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 85.

    (5)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 29. Id-Deċiżjoni modifikata bid-Deċiżjoni Nru 787/2004/KE (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 12).


    Top