Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0323

    2007/323/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Settembru 2006 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

    ĠU L 122, 11.5.2007, p. 30–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/323/oj

    Related international agreement

    11.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 122/30


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Settembru 2006

    dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

    (2007/323/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Fil-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

    (2)

    Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem il-Komunità, Ftehim mar-Repubblika tal-Paragwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru konformement mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness ma’ dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    Suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem, il-Ftehim negozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

    It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Sa meta jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 9(2) tal-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KORKEAOJA


    Top

    11.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 122/31


    FTEHIM

    bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA

    minn naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TAL-PARAGWAJ

    min-naħa l-oħra

    (minn hawn ‘il quddiem msejħa “l-Partijiet”)

    JINNUTAW li ġew konklużi ftehim ta’ servizzi bilaterali ta’ l-ajru bejn diversi Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja Ewropea,

    JINNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehim ta’ servizzi bilaterali ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

    JINNUTAW li skond il-liġi tal-Komunità Ewropea t-trasportaturi bl-ajru Komunitarji stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot ta’ l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

    JIKKUNSIDRAW il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta’ tali pajjiżi terzi li jakkwistaw sehem fi trasportaturi bl-ajru liċenzjati konformement mal-liġi tal-Komunità Ewropea,

    JAGĦRFU li ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar servizzi bilaterali ta’ l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj, li huma kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, għandhom jinġiebu konformi ma’ dawn sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj u sabiex tiġi ppreżervata l-kontinwità ta’ tali servizzi ta’ l-ajru,

    JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jiżdied il-volum totali ta’ traffiku ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Paragwaj, li jiġi milqut il-bilanċ bejn trasportaturi bl-ajru tal-Komunità u trasportaturi bl-ajru tar-Repubblika tal-Paragwaj, jew li jiġu negozjati emendi għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali eżistenti dwar servizzi ta’ l-ajru fir-rigward ta’ drittijiet tat-traffiku.

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim “Stati Membri” għandha tfisser l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, “l-Istati Membri tal-LACAC” għandha tfisser l-Istati Membri tal-Kummissjoni ta’ l-Avjazzjoni Ċivili ta’ l-Amerika Latina.

    2.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għal ċittadini ta’ l-Istat Membru li jkun Parti għall-ftehim konċernat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

    3.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness I għal trasportaturi bl-ajru jew linji ta’ l-ajru ta’ l-Istat Membru li jkun Parti għall-ftehim konċernat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għat-trasportaturi bl-ajru jew linji ta’ l-ajru nominati minn dak l-Istat Membru.

    Artikolu 2

    Nomina, Awtorizzazzjoni u Revoka

    1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness II (a) u (b) rispettivament, relattivament għan-nomina ta’ trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, għall-awtorizzazzjonijiet u permessi tiegħu mogħtija mir-Repubblika tal-Paragwaj, u relattivament għar-rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew permessi tat-trasportatur bl-ajru, rispettivament.

    Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 4 u 5 għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness II (a) u (b) rispettivament, relattivament għan-nomina ta’ trasportatur bl-ajru mir-Repubblika tal-Paragwaj, għall-awtorizzazzjonijiet u permessi tiegħu mogħtija mill-Istat Membru, u relattivament għar-rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew permessi tat-trasportatur bl-ajru, rispettivament.

    2.   Malli tirċievi nomina mingħand Stat Membru, ir-Repubblika tal-Paragwaj għandha tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi adegwati bl-anqas dewmien proċedurali, sakemm:

    (i)

    it-trasportatur bl-ajru jkun stabbilit, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta’ l-Istat Membru nominanti u jkollu Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi tal-Komunità Ewropea; u

    (ii)

    ikun eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta’ Operatur ta’ l-Ajru u l-awtorità aeronawtika relevanti tkun identifikata biċ-ċar fin-nomina; u

    (iii)

    it-trasportatur bl-ajru jkun il-proprjetà ta’, direttament jew permezz ta’ maġġoranza azzjonarja, u jkun effettivament kontrollat mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, jew minn Stati oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta’ tali Stati oħra.

    3.   Ir-Repubblika tal-Paragwaj tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur bl-ajru nominat minn Stat Membru fejn:

    (i)

    it-trasportatur bl-ajru ma jkunx stabbilit, taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta’ l-Istat Membru nominanti jew ma jkollux Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi tal-Komunità Ewropea; jew

    (ii)

    ma jkunx eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta’ Operatur ta’ l-Ajru, jew l-awtorità aeronawtika relevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fin-nomina; jew

    (iii)

    it-trasportatur bl-ajru ma jkunx il-proprjetà ta’ u ma jkunx effettivament kontrollat direttament jew permezz ta’ maġġoranza azzjonarja mill-Istati Membri u/jew minn ċittadini ta’ Stati Membri, jew minn Stati oħra elenkati fl-Anness III u/jew miċ-ċittadini ta’ tali Stati oħra; jew

    (iv)

    it-trasportatur bl-ajru jkun diġà awtorizzat li jopera taħt ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u Stat Membru ieħor u r-Repubblika tal-Paragwaj turi li, bl-eżerċizzju tad-drittijiet fuq it-traffiku taħt dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru l-ieħor, dan jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor; jew

    (v)

    it-trasportatur bl-ajru jkollu Ċertifikat ta’ Operatur ta’ l-Ajru maħruġ minn Stat Membru u ma jkun jeżisti ebda ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u dak l-Istat Membru, u lit-trasportatur bl-ajru nominat mir-Repubblika tal-Paragwaj jkunu ġew miċhuda d-drittijiet tat-traffiku lejn dak l-Istat Membru.

    Bl-eżerċizzju tad-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika tal-Paragawaj ma għandhiex tiddiskrimina bejn trasportaturi bl-ajru Komunitarji abbażi tan-nazzjonalità.

    4.   Malli jirċievi nomina mingħand ir-Repubblika tal-Paragwaj, Stat Membru għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi adegwati bl-anqas dewmien proċedurali, sakemm:

    (i)

    it-trasportatur bl-ajru jkun stabbilit fir-Repubblika tal-Paragwaj; u

    (ii)

    ir-Repubblika tal-Paragwaj ikollha u żżomm kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru u tkun responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta’ Operatur ta’ l-Ajru; u

    (iii)

    it-trasportatur bl-ajru jkun il-proprjetà ta’ u jkun effettivament kontrollat direttament jew permezz ta’ maġġoranza azzjonarja mill-Istati Membri tal-LACAC u/jew minn ċittadini ta’ Stati Membri tal-LACAC.

    5.   Stat Membru jista’ jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ trasportatur bl-ajru mir-Repubblika tal-Paragwaj fejn:

    (i)

    it-trasportatur bl-ajru ma jkunx stabbilit fir-Repubblika tal-Paragwaj; jew

    (ii)

    il-kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru ma jkunx eżerċitat jew miżmum mir-Repubblika tal-Paragwaj jew ir-Repubblika tal-Paragwaj ma tkunx responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat tiegħu ta’ Operaturi ta’ l-Ajru; jew

    (iii)

    it-trasportatur bl-ajru ma jkunx il-proprjetà ta’ u ma jkunx effettivament kontrollat direttament jew permezz ta’ maġġoranza azzjonarja mill-Istati Membri tal-LACAC u/jew minn ċittadini ta’ Stati Membri tal-LACAC; jew

    (iv)

    it-trasportatur bl-ajru jkun diġà awtorizzat li jopera taħt ftehim bilaterali bejn l-Istat Membru u Stat Membru ieħor tal-LACAC, u l-Istat Membru juri li, bl-eżerċizzju tad-drittijiet fuq it-traffiku taħt dan il-Ftehim fuq rotta li tinkludi punt f’dak l-Istat Membru ieħor tal-LACAC, dan jevita r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tat-traffiku imposti minn dak il-ftehim l-ieħor.

    Artikolu 3

    Sigurtà

    1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 għandhom jikkomplementaw l-Artikoli elenkati fl-Anness II(ċ).

    2.   Fejn Stat Membru jkun innomina trasportatur bl-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu ikun eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika tal-Paragwaj taħt id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà tal-ftehim bejn l-Istat Membru li nnomina t-trasportatur bl-ajru u r-Repubblika tal-Paragwaj għandhom japplikaw b’mod ugwali fir-rigward ta’ l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew iż-żamma ta’ l-istandards ta’ sigurtà minn dak l-Istat Membru ieħor u fir-rispett ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-operazzjoni ta’ dak it-trasportatur bl-ajru.

    Artikolu 4

    It-tassazzjoni tal-karburant ta’ l-avjazzjoni

    1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness II(d).

    2.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f’kull wieħed mill-ftehim elenkati fl-Anness II(d) m’għandu jżomm l-Istati Membri milli jimponu taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq karburant li jiġi fornut fit-territorju tagħhom għall-użu f’vettura ta’ l-ajru ta’ trasportatur bl-ajru nominat tar-Repubblika tal-Paragwaj li jopera bejn punt fit-territorju ta’ Stat Membru u punt ieħor fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    3.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-ftehim elenkati fl-Anness II(d) m’għandu jżomm Stat Membru milli jimponi, fuq bażi mhux diskriminatorja, taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq karburant li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f’vettura ta’ l-ajru ta’ trasportatur bl-ajru nominat ta’ Stat Membru li jopera bejn punt fit-territorju tar-Repubblika tal-Paragwaj u punt ieħor fit-territorju tar-Repubblika tal-Paragwaj jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-LACAC.

    Artikolu 5

    Tariffi għat-trasport

    1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jikkomplementaw l-Artikoli elenkati fl-Anness II(e).

    2.   It-tariffi li jiġu imposti mit-trasportatur jew trasportaturi bl-ajru nominati mir-Repubblika tal-Paragwaj taħt xi ftehim elenkat fl-Anness I li jkun jinkludi dispożizzjoni elenkata fl-Anness II(e) għal trasport li jseħħ kollu kemm hu fi ħdan il-Komunità Ewropea għandhom ikunu suġġetti għal-liġi tal-Komunità Ewropea. Il-liġi tal-Komunità Ewropea għandha tiġi applikata fuq bażi mhux diskriminatorja.

    3.   It-tariffi li jiġu imposti mit-trasportatur jew trasportaturi bl-ajru nominati minn Stat Membru taħt xi ftehim elenkat fl-Anness I li jkun jinkludi dispożizzjoni elenkata fl-Anness II(e) għal trasport bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u xi Stat Membru ieħor tal-LACAC għandhom ikunu suġġetti għal-liġi Paragwajana fir-rigward tal-price leadership. Il-liġi Paragwajana għandha tiġi applikata fuq bażi mhux diskriminatorja.

    Artikolu 6

    Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

    1.   Minkejja kull dispożizzjoni oħra għall-kuntrarju, xejn f’kull wieħed mill-ftehim elenkati fl-Anness I ma għandu:

    (i)

    jiffavorixxi l-adozzjoni ta’ ftehim bejn intrapriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiċi miftiehma li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni,

    (ii)

    isaħħaħ l-effetti ta’ kwalunkwe ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma bħal dawn; jew

    (iii)

    jiddelega lill-operaturi ekonomiċi privati r-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri li jipprevjenu, jgħawġu jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

    2.   Id-dispożizzjonijiet kontenuti fil-ftehim elenkati fl-Anness I li jkunu inkompatibbli mal-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu applikati.

    Artikolu 7

    Annessi ma’ dan il-ftehim

    L-Annessi ma’ dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integranti minnu.

    Artikolu 8

    Reviżjonijiet jew emendi

    Il-Partijiet jistgħu, f’kull waqt, jirrivedu jew jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens reċiproku.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom li jkunu meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ikunu tlestew.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod provviżorju mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

    3.   Dawk il-ftehim u arranġamenti oħra bejn Stati Membri u r-Repubblika tal-Paragwaj li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, ma jkunux għadhom daħlu fis-seħħ u li ma jkunux qegħdin jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness I(b). Dan il-Ftehim japplika għal kull tali ftehim u arranġament mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tiegħu.

    Artikolu 10

    Terminazzjoni

    1.   Fejn jiġi tterminat xi wieħed mill-ftehim elenkati fl-Anness I, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim relattivi għall-ftehim konċernat elenkat f’dak l-Anness għandhom jintemmu fl-istess waqt.

    2.   Fil-każ li l-ftehim kollha elenkati fl-Anness I jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess waqt.

    B’XIEHDA TA’ DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, duplikatament, fit-tnejn u għoxrin jum ta’ Frar tas-sena elfejn u sebgħa, fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża. F’każ ta’ diverġenza, it-test bl-Ispanjol għandu jipprevalixxi fuq it-testi bil-lingwi l-oħra.

    За Европейската общност

    Por la Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    Az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Pentru Comunitatea Europeană

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    För Europeiska gemenskapen

    Image

    Image

    За Република Парагвай

    Por la República del Paraguay

    Za Paraguayskou republiku

    For Republikken Paraguay

    Für die Republik Paraguay

    Paraguay Vabariigi nimel

    Για τη Δημοκρατία της Παραγoυάης

    For the Republic of Paraguay

    Pour la République du Paraguay

    Per la Repubblica del Paraguay

    Paragvajas Republikas vārdā

    Paragvajaus Respublikos vardu

    A Paraguayi Köztársaság részéről

    Għar-Repubblika tal-Paragwaj

    Voor de Republiek Paraguay

    W imieniu Republiki Paragwaju

    Pela República do Paraguai

    Pentru Republica Paraguay

    Za Paraguajskú republiku

    Za Republiko Paragvaj

    Paraguayn tasavallan puolesta

    För Republiken Paraguay

    Image


    ANNESS I

    Lista ta’ ftehim imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

    (a)

    Ftehim dwar servizzi ta’ l-ajru bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qegħdin jiġu applikati provviżorjament

    Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iffirmat f’Bonn nhar is-26 ta’ Novembru 1974, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Paragwaj – Ġermanja” fl-Anness II;

    Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Renju tal-Belġju dwar it-trasport bl-ajru skedat, iffirmat f’Asuncion nhar l-1 ta’ Settembru 1972, kif modifikat permezz tan-Nota Miftiehma iffirmata fi Brussel fit-3 ta’ Settembru 1982, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Paragwaj-Belġju” fl-Anness II;

    Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Paragwaj u l-Gvern ta’ Spanja dwar it-trasport bl-ajru, iffirmat f’Madrid nhar it-12 ta’ Mejju 1976, kif supplimentat permezz tan-Nota Miftiehma iffirmata f’Asuncion nhar it-2 ta’ Novembru 1978, permezz tan-Nota Miftiehma iffirmata f’Asuncion nhar l-1 ta’ Settembru 1985, permezz tan-Nota Miftiehma iffirmata f’Madrid nhar is-6 ta’ Ottubru 1992, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Paragwaj-Spanja” fl-Anness II;

    Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u r-Renju ta’ l-Olanda dwar it-trasport bl-ajru skedat, iffirmat fl-Aja nhar is-7 ta’ Frar 1974, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Paragwaj-Olanda” fl-Anness II.

    (b)

    Ftehim dwar servizzi ta’ l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn ir-Repubblika tal-Paragwaj u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhumiex qegħdin jiġu applikati provviżorjament.

    L-abbozz ta’ Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Paragwaj u l-Gvern tar-Repubblika Taljana dwar is-servizzi ta’ l-ajru bejn it-territorji rispettivi tagħhom, inizjalat f’Ruma fit-18 ta’ Lulju 1985 bħala Anness man-Nota Miftiehma dwar il-Konsultazzjonijiet, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Italja” fl-Anness II;

    L-abbozz ta’ Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Paragwaj u l-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq dwar servizzi ta’ l-ajru, inizjalat f’Asuncion nhar it-28 ta’ Awwissu 1998 bħala Anness B mal-Protokoll Miftiehem bejn l-awtoritajiet aeronawtiċi tar-Repubblika tal-Paragwaj u tar-Renju Unit, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Renju Unit” fl-Anness II.


    ANNESS II

    Lista ta’ Artikoli fil-ftehim elenkati fl-Anness I u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan il-ftehim

    (a)

    Nomina:

    l-Artikolu 3 tal-Ftehim Paragwaj – Ġermanja;

    l-Artikolu 3 tal-Ftehim Paragwaj – Belġju;

    l-Artikolu 3 tal-Ftehim Paragwaj – Spanja;

    l-Artikolu 4 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Italja;

    l-Artikolu 3 tal-Ftehim Paragwaj – Olanda;

    l-Artikolu 4 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Renju Unit

    (b)

    Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta’ Awtorizzazzjonijiet jew il-Permessi:

    l-Artikolu 4 tal-Ftehim Paragwaj – Ġermanja;

    l-Artikolu 4 tal-Ftehim Paragwaj – Belġju;

    l-Artikolu 4 tal-Ftehim Paragwaj – Spanja;

    l-Artikolu 5 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Italja;

    l-Artikolu 4 tal-Ftehim Paragwaj – Olanda;

    l-Artikolu 5 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Renju Unit

    (ċ)

    Kontroll regolatorju:

    l-Artikolu 10 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Italja;

    l-Artikolu 14 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Renju Unit;

    (d)

    It-Tassazzjoni tal-Karburant ta’ l-Avjazzjoni:

    l-Artikolu 6 tal-Ftehim Paragwaj – Ġermanja;

    l-Artikolu 5 tal-Ftehim Paragwaj – Belġju;

    l-Artikolu 5 tal-Ftehim Paragwaj – Spanja;

    l-Artikolu 6 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Italja;

    l-Artikolu 5 tal-Ftehim Paragwaj – Olanda;

    l-Artikolu 8 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Renju Unit.

    (e)

    Tariffi għat-Trasport fi ħdan il-Komunità Ewropea:

    l-Artikolu 9 tal-Ftehim Paragwaj – Ġermanja;

    l-Artikolu 9 tal-Ftehim Paragwaj – Belġju;

    l-Artikolu 6 tal-Ftehim Paragwaj – Spanja;

    l-Artikolu 8 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Italja;

    l-Artikolu 9 tal-Ftehim Paragwaj – Olanda;

    l-Artikolu 7 ta’ l-Abbozz ta’ Ftehim Paragwaj – Renju Unit


    ANNESS III

    Lista ta’ Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim

    (a)

    Ir-Repubblika ta l-Iżlanda (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

    (b)

    Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

    (ċ)

    Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

    (d)

    Il-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).

    Top