EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0657

657/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 657/2006 ta’ l- 10 ta’ April 2006 li jemenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 fir-rigward tar-Renju Unit u jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 98/351/KE u 1999/514/KE Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 116, 29.4.2006, p. 9–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 330M, 28.11.2006, p. 378–382 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/657/oj

28.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

378


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 657/2006

ta’ l-10 ta’ April 2006

li jemenda r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 fir-rigward tar-Renju Unit u jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 98/351/KE u 1999/514/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerta enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha.

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE tas-16 ta’ Marzu 1998 rigward miżuri ta’ emerġenza li tikkonċerna l-miżuri ta’ emerġenza biex ikun hemm protezzjoni kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina, li temenda d-Deċiżjoni 94/474/KE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/239/KE, kif emendata mid-Deċiżjoni 98/692 (4), u b’ mod partikolari l-Artikolu 6(5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 98/256/KE hija ppreżervata bħala miżura transizzjonali mill-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(2)

Id-Deċiżjoni 98/256/KE tipprojbixxi l-esportazzjoni mir-Renju Unit ta’ bhejjem ħajjin u prodotti dderivati minn bhejjem li jkunu nqatlu fir-Renju Unit li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari u dik ta’ l-għalf jew li huma maħsuba għall-użu fil-kożmetiċi jew fil-prodotti mediċinali jew farmaċewtiċi. Hemm proviżjoni ta’ ċerti derogi, l-iktar għall-esportazzjoni taċ-ċanga u prodotti taċ-ċanga li jaqgħu taħt l-Iskema ta' Esportazzjoni Bbażata fuq id-Data (DBES).

(3)

Iż-żewġ kondizzjjonijiet li kellhom jintlaħqu qabel it-tneħħija possibbli ta’ l-embargo tar-Renju Unit kienu l-inċidenza ta’ inqas minn 200 każ ta’ l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) għal kull miljun annimal bovin adult u l-konklużjoni pożittiva minn spezzjoni ta’ l-Uffiċċju Veterinarju u ta’ l-Ikel (FVO) fir-rigward ta’ l-infurzar tal-kontrolli tal-BSE fir-Renju Unit u l-istat ta’ preparazzjoni tiegħu sabiex jikkonforma mal-leġiżlazzjoni Komunitarja b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini u tat-testjar.

(4)

Fis-Seduta Ġenerali tagħha f’Mejju 2003, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) biddlet il-kriterji li jiddefinixxu l-limitu bejn pajjiżi b’riskju moderat (kategorija 4) u pajjiżi b’riskju għoli (kategorija 5). Il-limitu kien ġie ffissat għal 200 każ ta’ BSE għal kull miljun annimal adult fil-popolazzjoni, għall-pajjiżi li jkunu qed iwettqu sorveljanza attiva.

(5)

F’Ġunju 2003, fuq il-bażi li l-inċidenza tal-BSE fir-Renju Unit kienet qed toqrob lejn il-figura ta’ 200, u li għalhekk dan ma kellux jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala pajjiż OIE ta’ riskju għoli, ir-Renju Unit talab biex jingħata permess li jagħmel kummerċ skond l-istess regoli li japplikaw għal Stati Membri oħrajn. B’ appoġġ għal din it-talba, ir-Renju Unit ressaq dokumentazzjoni li tinkludi stimi ta’ l-inċidenza assoluta bbażata fuq ir-riżultati tas-sistema ta’ testijiet parzjali infurzata fir-Renju Unit.

(6)

L-opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar il-perikli bijoloġiċi ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ikel (EFSA) tal-21 ta’ April 2004 dwar il-ġustifikazzjoni xjentifika għall-proposta ta’ emendi għall-Iskema ta’ l-Esportazzjoni Bbażata fuq id-Dati tar-Renju Unit u għar-regola ta’ Iktar minn Tletin Xahar (OTM) tikkonkludi li l-bhejjem li twieldu jew trabbew fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awissu 1996 għandhom jinżammu lil hinn mill-katini alimentari u dawk ta' l-għalf, minħabba l-inċidenza ogħla tal-BSE għal dak il-grupp. Għall-bhejjem li twieldu wara dik id-data, l-opinjoni tikkonkludi li r-riskju tal-BSE għall-konsumaturi huwa f'firxa komparabbli ma dik ta’ Stati Membri oħrajn. Mill-1 ta’ Awissu 1996, kull laħam u għadam imfarrak tal-mammiferi ġew ipprojbiti fl-għalf għall-annimali tal-biedja fir-Renju Unit.

(7)

Fit-12 ta’ Mejju 2004 l-EFSA ppubblikat l-opinjoni tagħha dwar l-istat ta’ riskju moderat. Din l-opinjoni tindika li l-inċidenza fir-Renju Unit għandha taqa’ taħt il-200 bejn Lulju u Diċembru 2004. Fil-laqgħa plenarja tagħha tad-9 u l-10 ta’ Marzu 2005, l-EFSA kkonkludiet li d-data ta’ sorveljanza mill-aħħar sitt xhur ta' l-2004 kkonfermat il-konklużjonijiet ta' l-opinjoni tagħha ta' Mejju 2004 u li skond il-klassifikazzjoni ta' l-OIE r-Renju Unit jista' jiġi kkunsidrat bħala pajjiż li għandu stat ta' riskju moderat rigward il-BSE għall-popolazjoni kollha tiegħu ta’ bhejjem.

(8)

Fid-19 ta’ Lulju 2004, l-FVO ippubblikat ir-rapport ta’ missjoni fil-Gran Brittanja u fl-Irlanda ta’ Fuq mis-26 ta’ April sas-7 ta’ Mejju 2004 li tikkonċerna ħarsa ġenerali fir-rigward tal-miżuri protettivi kontra l-BSE. Ir-rapport ikkonkluda li s-sistema fis-seħħ fl-Irlanda ta’ Fuq kienet il-biċċa l-kbira sodisfaċenti iżda ġew innotati ċertu nuqqasijiet f’bosta oqsma fil-Gran Brittanja li jeħtieġu iktar tisħiħ.

(9)

Fit-28 ta’ Settembru 2005 l-FVO ippubblikat ir-rapport ta’ missjoni fil-Gran Brittanja mis-6 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Ġunju 2005 li tikkonċerna l-miżuri protettivi kontra l-BSE. Il-missjoni ta’ segwiment ikkonkludiet li progress sodisfaċenti kien ġie nnotat f’bosta kwestjonijiet.

(10)

Fis-7 ta’ Novembru 2005 ir-Renju Unit biddel ir-regola OTM bir-regola ta’ qabel l-1996. L-annimali bovini li twieldu qabel l-1 ta’ Awissu 1996 għandhom jiġu esklużi permanentament mill-katina alimentari u ta’ l-għalf. Minn Ottubru 2004, ir-Renju Unit japplika l-istess programm ta’ monitoraġġ ta’ l-Istati Membri l-oħrajn għall-popolazzjoni ta’ annimali bovini li twieldu wara l-31 ta’ Lulju 1996. Il-programm ta’ monitoraġġ kurrenti applikabbli għall-annimali li jaqgħu taħt l-iskema ta’ distruzzjoni preċedenti prevista fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 716/96 tad-19 ta’ April 1996 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq taċ-ċanga fir-Renju Unit (5) għandu jiġi emendat.

(11)

Fid-dawl ta’ l-istat tar-riskju moderat għall-popolazzjoni tal-bhejjem u r-rapporti favorevoli tal-missjoni FVO, ir-restrizzjonijiet relatati mal-BSE dwar il-kummerċ ta’l-annimali bovini u l-prodotti tagħhom jistgħu jitneħħew.

(12)

Il-kondizzjonijiet għat-tneħħija ta’ l-embargo ġew sodisfatti għal kollox fil-15 ta’ Ġunju 2005, id-data tat-tmiem tal-missjoni FVO fil-Gran Brittanja. Għalhekk l-effett ta’ dan ir-Regolament fuq il-laħam u fuq prodotti oħrajn li huma derivati minn annimali mill-biċċeriji għandu jiġi llimitat għal-laħam u prodotti li huma derivati minn annimali maqtula wara dik id-data.

(13)

Id-Deċiżjoni 98/256/KE għadha, għalhekk, tiġi rrevokata u r-regoli stipolati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom b'hekk isiru applikabbli b'mod sħiħ.

(14)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/598/KE (6) ir-Renju Unit huwa pprojbit milli jqiegħed fis-suq prodotti derivati minn annimali bovini li twieldu jew li ġew imrobbija fir-Renju Unit qabel l-1 ta' Awissu 1996. B’mod simili, ir-Renju Unit għandu jaċċerta li l-annimali bovini li twieldu jew li trabbew fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Awissu 1996 ma jintbagħtux mit-territorju tagħhom lejn Stati membri oħra jew lejn pajjiżi terzi.

(15)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, is-sinsla tad-dahar ta' l-annimali bovini ta' età ogħla minn 24 xahar hija kkunsidrata bħala materjal speċifiku ta' riskju. Ir-Renju Unit jibbenefika minn deroga li tippermetti l-użu tas-sinsla tad-dahar meħuda minn annimali bovini ta’ taħt l-età ta’ 30 xahar. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jistabbilixxi għar-Renju Unit lista estiża ta’ materjal speċifiku ta’ riskju.

(16)

Wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kurrenti, il-limitu ta’ l-età għat-tneħħija tas-sinsla tad-dahar ta’ l-annimali bovini u l-lista ta’ materjali speċifiċi ta’ riskju applikabbli fi Stati Membri oħrajn għandhom japplikaw ukoll fir-Renju Unit. Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(17)

Fid-dawl tad-differenza kurrenti tal-limitu ta’ l-età limitu għat-tneħħija tas-sinsla tad-dahar bħala materjal speċifikat ta’ riskju fir-Renju Unit u fl-Istati Membri l-oħrajn, għar-raġunijiet ta’ kontroll l-effetti immedjati dan ir-Regolament m’għandhomx japplikaw għas-sinsla tad-dahar ta’ annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit wara il-31 ta’ Lulju 1996 u maqtula qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Tali sinsla tad-dahar u prodotti derivati minn tali sinsla tad-dahar ma jistgħux jintbagħtu mir-Renju Unit lejn Stati Membri jew pajjiżi terzi

(18)

Fl-interess taċ-ċarezza u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/351/KE tad-29 ta’ Mejju 1998 li tiffissa d-data li fiha jistgħu jibdew jintbagħtu prodotti bovini mill-Irlanda ta’ Fuq taħt l-Iskema ta’ Merħliet Iċċertifikati għall-Esportazzjoni bis-setgħa ta’ Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 98/256/KE (7) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/514/KE tat-23 ta’ Lulju 1999 li tistipola data meta t-tluq mir-Renju Unit tal-prodotti bovini li jaqgħu taħt l-iskema ta’ esportazzjoni bbażata fuq id-data jista’ jibda permezz ta’ l-Artikolu 6(5) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/256/KE (8) għandha tiġi rrevokata.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III u XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skond l-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Deċiżjonijiet 98/256/KE, 98/351/KE u 1999/514/KE huma rrevokati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar l-10 ta’ April 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 399/2006 (ĠU L 55, 25.2.2006, p. 5).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/33/KE (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14).

(3)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2004/41/KE ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33).

(4)  ĠU L 113, 15.4.1998, p. 32. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/670/KE (ĠU L 228, 24.8.2002, p. 22).

(5)  ĠU L 99, 20.4.1996, p. 14. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2109/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 25).

(6)  ĠU L 204, 5.8.2005, p. 22.

(7)  ĠU L 157, 30.5.1998, p. 110.

(8)  ĠU L 195, 28.7.1999, p. 42.


ANNESS

L-Annessi III u XI tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

1.

Fl-Anness III, Kapitolu A, Sezzjoni I, punt 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-monitoraġġ ta' annimali mixtrija biex jinqerdu skond ir-Regolament (KE) Nru 716/96

L-annimal kollha li twieldu bejn l-1 ta’ Awwissu 1995 u l-1 ta’ Awwissu 1996 li ġew maqtula sabiex jiġu meqruda skond ir-Regolament (KE) Nru 716/96 għandhom jiġu ttestjati għall-BSE.”

2.

L-Anness XI huwa emendat hekk:

(a)

Fil-Parti A, punti 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.

It-tessuti li ġejjin huma indikati bħala materjal speċifikat ta' riskju:

(i)

il-kranju minbarra x-xedaq u inklużi l-moħħ u l-għajnejn, u s-sinsla tad-dahar ta’ l-annimali bovini li għandhom ’il fuq minn 12-il xahar, il-kolonna vertebrali minbarra l-vertebri tad-denb, il-proċessi spinali u trasversi tal-vertebri ċervikali, toraċiki u tal-ġenbejn u l-kresta ta' l-ossu sagru medjana u l-ġwienaħ ta’ l-ossu sagru, iżda inklużi l-gangliji radikali dorsali ta’ l-annimali bovini ta’ ‘l fuq minn 24 xahar fl-età, u t-tunsilli, l-intestini mid-duwodenu sar-rektum u l-mindil ta’ l-annimali bovini ta’ kull età;

(ii)

il-kranju inkluż il-moħħ u l-għajnejn, it-tonsilli u n-nerv li jgħaddi minn ġos-sinsla ta' annimali ovini u kaprini ta' età aktar minn 12-il xahar jew li għandhom sinna inċiżiva permanenti li ħarġet mill-ħanek, u l-milsa u l-ileu ta' annimali ovini u kaprini ta' kull età.

L-età speċifikata f’(i) għat-tneħħija tal-kolonna vertebrali bovina tista' tiġi aġġustata billi jiġi emendat dan ir-Regolament fid-dawl tal-probabbiltà statistika li l-BSE tinstab fil-gruppi ta' età rilevanti tal-popolazzjoni bovina Komunitarja, ibbażata fuq ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-BSE kif stabbilit mill-Kapitolu A.I ta' l-Anness III.

2.

B'deroga mill-punt 1 (i), tista' tittieħed deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2) biex jiġi permess l-użu tal-kolonna vertebrali u l-gangliji radikali dorsali minn annimali bovini:

(a)

imwielda, imrobbijja b'mod kontinwu u maqtula ġewwa Stati Membri li għalihom evalwazzjoni xjentifika tkun stabbiliet li l-okkorrenza ta' l-BSE f'annimali bovini tal-post hija improbabbli ħafna, jew improbabbli iżda mhux eskulża; jew

(b)

imwielda wara d-data illi fiha tkun bdiet tiġi nfurżata b'mod effettiv il-projbizzjoni ta' l-għalf ta' l-proteina mammifera lill-annimali li jixtarru fi Stati Membri bil-BSE irrapportata fl-annimali tal-post jew li għalihom l-evalwazzjoni xjentifika tkun iddeterminat li l-okkorrenza ta' BSE f'annimali bovini tal-post hija possibbli.

L-Iżvezja tista’ tibbenefika minn din id-deroga fuq il-bażi ta’ l-evidenza mressqa u vvalutata preċedentament. Stati Membri oħra jistgħu japplikaw għal din id-deroga billi jipprovdu evidenza ta' appoġġ lill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-punt (a) jew (b), kif xieraq.

L-Istati Membri li jibbenefikaw minn din id-deroga għandhom, flimkien mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness III, Kapitolu A, Taqsima I, jiżguraw li wieħed mit-testijiet rapidi approvati u elenkati fl-Anness X, Kapitolu C, punt 4, jiġi applikat lill-annimali bovini kollha ta' eta ta' 'l fuq minn 30 xahar li:

(i)

mietu fl-istabbiliment agrikolu jew waqt it-trasport, iżda li ma ġewx maqtula għall-konsum mill-bnedmin, bl-eċċezzjoni ta' dawk l-annimali mejta f'żoni mbiegħda b'popolazzjoni baxxa ta' annimali u li jinstabu fi Stati Membri fejn l-okkorrenza tal-BSE mhijiex probabbli;

(ii)

kienu soġġetti għal qtil normali għall-konsum uman.

Esperti mill-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post biex jivverifikaw aktar l-evidenza mogħtija skond l-Artikolu 21.”

(b)

Il-Parti D hija emendata kif ġej:

(i)

jitħassar punt 1

(ii)

jiżdied il-punt 5 li ġej:

“5.

(a)

Bla ħsara għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/598/KE, ir-Renju Unit għandu jiżgura li annimali bovini mwielda jew imrobbija fit-territorju tiegħu qabel l-1 ta’ Awwissu 1996 ma jintbagħtux mit-territorju tagħhom lejn Stati Membri oħrajn jew lejn pajjiżi terzi.

(b)

Ir-Renju Unit għandu jaċċerta li ebda laħam jew prodotti derivati tal-laħam minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit wara il-31 ta’ Lulju 1996 u maqtula qabel il-15 ta’ Ġunju 2005 jitilqu mit-territorju tagħha lejn Stati Membri oħrajn u lejn pajjiżi terzi.

(c)

Ir-Renju Unit għandu jaċċerta li s-sinsla tad-dahar minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit wara il- 31 ta’ lulju 1996 u maqtula qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir- Regolament u prodotti derivati minn tali sinsla tad-dahar m’għandhomx jitilqu mit-territorju tagħha lejn Stati Membri oħrajn jew lejn pajjiżi terzi.”


Top