Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D1004

    Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, rispettivament, li jistabbilixxu proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni

    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 187–189 (FR)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 178–179 (CS, DA, IT, LV, PL, SL)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 185–186 (SV)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 180–182 (EL)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 167–168 (HU)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 181–182 (PT)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 186–187 (SK)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 183–184 (ES)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 182–183 (NL)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 179–180 (ET, EN, LT)
    ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 649–649 (MT)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 178–180 (DE)
    ĠU L 410, 30.12.2006, p. 180–181 (FI)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/1004/oj

    Related international agreement
    Related international agreement

    32006D1004

    Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Diċembru 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, rispettivament, li jistabbilixxu proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni

    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0187 - 0189
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0183 - 0184
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0178 - 0179
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0178 - 0180
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0179 - 0180
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0180 - 0182
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0167 - 0168
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0182 - 0183
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0181 - 0182
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0186 - 0187
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0180 - 0181
    Official Journal L 410 , 30/12/2006 P. 0185 - 0186
    Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0649 - 0649


    20061221

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    tal- 21 ta’ Diċembru 2006

    dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, rispettivament, li jistabbilixxu proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni

    (2006/1004/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi l-Ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, rispettivament, li jistabbilixxu proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni ġew innegozjati u għandhom jiġu approvati,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija, rispettivament, li jistabbilixxu proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni huma b'dan approvati f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim u ta' l-Annessi huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex jorbtu lill-Komunità u sabiex jittrażmettu, f'isem il-Komunità, in-nota prevista fl-Artikolu 16 tal-Ftehim [1].

    Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Korkeaoja

    [1] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim sejra tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat tal-Kunsill.

    --------------------------------------------------

    20061221

    Ftehim

    bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija li jistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Komunità",

    minn naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Bulgarija",

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-Partijiet Kontraenti",

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim ta' l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra [1], u b'mod partikolari l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1,

    WARA LI KKUNSIDRAW il-proċedura ta' informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni applikata fi ħdan il-Komunità Ewropea [2],

    META JITQIES l-impenn tal-Partijiet Kontraenti sabiex jippromwovu relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi bejniethom,

    META TITQIES il-koperazzjoni li għaddejja bejn il-Partijiet Kontraenti fil-qasam tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ u l-ftehim komuni milħuq fi ħdan il-qafas ta' dik il-koperazzjoni sabiex tiġi estiża din il-proċedura ta' informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni li ġiet applikata fil-Komunità għall-Bulgarija,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-fini ta' dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1) "prodott": kwalunkwe prodott manifatturat b'mod industrijali u kwalunkwe prodott agrikolu, inklużi l-prodotti tal-ħut;

    2) "servizz": kwalunkwe servizz tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, fis-sens ta' kwalunkwe servizz li normalment jiġi provdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali tar-riċevitur tas-servizzi.

    Għall-finijiet ta' din id-definizzjoni:

    - "mill-bogħod": tfisser li s-servizz huwa provdut mingħajr ma jkunu preżenti fl-istess ħin il-partijiet,

    - "b'mezzi elettroniċi": tfisser li s-servizz jintbagħat inizjalment u jiġi riċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) u ż-żamma tad-data, u trażmess, imwassal u riċevut kompletament b'wajer, bir-radju, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi elettromanjetiċi oħra,

    - "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi": tfisser li s-servizz huwa provdut permezz tat-trażmissjoni tad-data fuq talba individwali.

    Hemm disposta fl-Anness I lista indikattiva tas-servizzi li mhumiex koperti minn din id-definizzjoni.

    Dan il-ftehim m'għandux japplika għal:

    - servizzi ta' xandir tar-radju,

    - servizzi ta' xandir tat-televiżjoni koperti mill-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE [3].

    3) "speċifikazzjoni teknika": speċifikazzjoni inkluża f'dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta' prodott bħal-livelli tal-kwalità, ir-rendiment, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott fir-rigward ta' l-isem li bih jinbiegħ il-prodott, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi tat-testijiet, l-ippakkjar, l-immarkar jew l-ittikkettar u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità.

    Din id-definizzjoni tkopri wkoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni li ntużaw fir-rigward tal-prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tal-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali, u tal-prodotti mediċinali kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE [4], kif ukoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni relatati ma' prodotti oħra, fejn dawn għandhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom.

    4) "rekwiżiti oħra": rekwiżit, għajr għal speċifikazzjoni teknika, impost fuq prodott sabiex jipproteġi, b'mod partikolari, lill-konsumaturi jew lill-ambjent, u li jaffettwa liċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun tqiegħed fis-suq, bħall-kundizzjonijiet ta' l-użu, tar-riċiklaġġ, ta' l-użu mill-ġdid jew tar-rimi, fejn kundizzjonijiet ta' dan it-tip jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew tat-tqegħid fis-suq tiegħu;

    5) "regola dwar is-servizzi": rekwiżit ta' natura ġenerali relatat mal-bidu u ma' l-issuktar ta' l-attivitajiet ta' servizz fi ħdan it-tifsira tal-punt 2, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw lill-fornitur tas-servizz, lis-servizzi u lir-riċevitur tas-servizzi, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe regola li mhix immirata speċifikament għas-servizzi definiti fih.

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għar-regoli relatati ma' kwistjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi tal-mezzi ta' telekomunikazzjoni, definiti bħala "servizzi li l-provvista tagħhom tikkonsisti b'mod sħiħ jew b'mod parzjali fit-trażmissjoni u fir-rotta tas-sinjali fuq netwerk ta' mezzi ta' telekomunikazzjoni permezz ta' proċessi ta' mezzi ta' telekomunikazzjoni, bl-eċċezzjoni tax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni" [5].

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għar-regoli relatati ma' kwistjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kif inhuma elenkati b'mod mhux eżawrjenti fl-Anness II għal dan il-ftehim.

    Bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 11, dan il-Ftehim m'għandux japplika għar-regoli li ddaħħlu fis-seħħ minn jew għal swieq irregolati fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE [6] jew minn jew għal swieq jew korpi oħrajn li jwettqu funzjonijiet ta' ikklerjar jew ta' pagament għal dawk is-swieq.

    Għall-finijiet ta' din id-definizzjoni:

    - regola għandha titqies li hija speċifikament immirata għas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni fejn, wara li tqiesu d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet u l-parti operattiva tagħha, l-għan u l-oġġett speċifiku tad-dispożizzjonijiet individwali tagħha kollha jew ta' wħud minnhom ikun li jiġu rregolati servizzi ta' dan it-tip b'mod espliċitu u mmirat,

    - regola m'għandhiex titqies li hija speċifikament immirata għas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni jekk taffettwa servizzi ta' dan it-tip b'mod impliċitu jew inċidentali biss.

    6) "regolament tekniku": speċifikazzjonijiet tekniċi u rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, tal-provvista ta' servizz, ta' l-istabbiliment ta' operatur ta' servizz jew l-użu f'wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Istati Membri", jew f'parti kbira minnu, jew fil-Bulgarija jew f'parti kbira minnha, kif ukoll liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri jew tal-Bulgarija, ħlief dawk provduti fl-Artikolu 12, li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' prodott jew li jiprojbixxu l-provvista jew l-użu ta' servizz, jew l-istabbiliment ta' fornitur tas-servizz.

    Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

    - liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru jew tal-Bulgarija li jirreferu jew għal speċifikazzjonijiet tekniċi jew għal rekwiżiti oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għal kodiċijiet professjonali jew kodiċijiet ta' prattika li min-naħa tagħhom jirreferu għal speċifikazzjonijiet tekniċi jew għal rekwiżiti oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li konformità magħhom tikkonferixxi preżunzjoni ta' konformità ma' l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija aktar 'il fuq,

    - ftehim volontarji li għalihom hija parti kontraenti awtorità pubblika u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għall-konformità ma' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ma' rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi, esklużi -speċifikazzjonijiet ta' l-offerti għax-xiri pubbliku,

    - speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra jew regoli dwar servizzi li huma konnessi ma' miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta' prodotti jew ta' servizzi billi jinkoraġixxu l-konformità ma' speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra jew regoli dwar servizzi ta' dan it-tip; speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi konnessi mas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali mhumiex inklużi.

    Dan jinkludi regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri u li jidhru f'lista [7] mfassla mill-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Kummissjoni") fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE. Il-Bulgarija għandha tfassal lista ta' dan it-tip u tgħaddiha lill-Kummissjoni fl-ewwel ġurnata ta' l-ewwel xhar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

    Biex tiġi emendata din il-lista għandha tintuża l-istess proċedura.

    7) "abbozz ta' regolament tekniku": it-test ta' speċifikazzjoni teknika jew rekwiżit ieħor jew ta' regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bl-għan li jiddaħħal fis-seħħ jew li fl-aħħar mill-aħħar jiddaħħal fis-seħħ bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta' preparazzjoni fejn ikunu għadhom jistgħu jsiru emendi sostanzjali.

    Artikolu 2

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu li jkunu meħtieġa skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew li l-Bulgarija tqis li jkunu meħtieġ għall-protezzjoni tal-persuni, b'mod partikolari tal-ħaddiema, meta jintużaw il-prodotti, sakemm miżuri ta' dan it-tip ma jaffettwawx lill-prodotti.

    Artikolu 3

    1. Suġġett għall-Artikolu 12, il-Komunità għandha tinnotifika lill-Bulgarija bl-abbozz tar-regolamenti tekniċi notifikati lilha mill-Istati Membri tagħha. Fejn dawn ir-regolamenti tekniċi sempliċement jittrasponu t-test sħiħ ta' standard internazzjonali jew Ewropew, l-informazzjoni dwar l-istandard rilevanti għandha tkun biżżejjed. Għandha wkoll tħalli li l-Bulgarija jkollha dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jagħmlu d-dħul fis-seħħ ta' regolament tekniku ta' dan it-tip meħtieġ, fejn dawn ma jkunux diġà ġew iċċarati fl-abbozz.

    2. Suġġett għall-Artikolu 12, il-Bulgarija bl-istess mod għandha tinnotifika lill-Komunità bl-abbozz tar-regolamenti tekniċi tagħha. Fejn dawn ir-regolamenti tekniċi sempliċement jittrasponu t-test sħiħ ta' standard internazzjonali jew Ewropew, l-informazzjoni dwar l-istandard rilevanti għandha tkun biżżejjed. Għandha wkoll tħalli li l-Komunità jkollha dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jagħmlu d-dħul fis-seħħ ta' regolament tekniku ta' dan it-tip meħtieġ, fejn dawn ma jkunux diġà ġew iċċarati fl-abbozz.

    Artikolu 4

    Test sħiħ ta' l-abbozz tar-regolament tekniku notifikat għandu jkun disponibbli fil-lingwa oriġinali kif ukoll fi traduzzjoni sħiħa f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 5

    1. Fejn ikun xieraq, u sakemm ma jkunx diġà ntbagħat b'komunikazzjoni minn qabel, test sħiħ fil-lingwa oriġinali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji bażiċi prinċipalment u direttament ikkonċernati għandu wkoll ikun ikkomunikat fl-istess ħin, jekk l-għarfien ta' test ta' dan it-tip ikun meħtieġ sabiex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet ta' l-abbozz tar-regolament tekniku notifikat.

    2. Fejn, b'mod partikolari, l-abbozz ifittex li jillimita t-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' sustanza kimika, ta' preparazzjoni jew ta' prodott minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika jew ta' protezzjoni tal-konsumaturi jew ta' l-ambjent, l-Istati Membri u l-Bulgarija għandhom ukoll jgħaddu jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha rilevanti relatata mas-sustanza konċernata, mal-preparazzjoni konċernata jew mal-prodott ikkonċernat u mas-sostituti magħrufa u disponibbli, fejn informazzjoni ta' din it-tip tista' tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura fuq is-saħħa pubblika u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u ta' l-ambjent, flimkien ma' analiżi tar-riskju mwettqa kif inhu xieraq skond il-prinċipji ġenerali għall-valutazzjoni tar-riskju tas-sustanzi kimiċi kif imsemmija fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru. 793/93 [8] fil-każ ta' sustanza eżistenti jew fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 67/548/KEE [9], fil-każ ta' sustanza ġdida.

    Artikolu 6

    L-Istati Membri u l-Bulgarija għandhom jerġgħu jikkomunikaw l-abbozz bil-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jekk jagħmlu bidliet fl-abbozz li jkollhom l-effett li jbiddlu l-ambitu tiegħu b'mod sinifikanti, fejn iqassru l-programm oriġinarjament previst għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew ir-rekwiżiti, jew jagħmlu lil dawn ta' l-aħħar aktar restrittivi. It-trażmissjoni ta' dawn il-komunikazzjonijiet għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Artikolu 7

    Kull Parti Kontraenti tista' titlob aktar informazzjoni dwar abbozz ta' regolament tekniku notifikat skond dan il-ftehim.

    Artikolu 8

    1. Il-Komunità u l-Bulgarija jistgħu jagħmlu kummenti dwar l-abbozzi tar-regolamenti tekniċi kkomunikati. Il-kummenti tal-Bulgarija għandhom jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni u l-kummenti tal-Komunità għandhom jiġu mgħoddija mill-Kummissjoni lill-Bulgarija.

    2. L-Istati Membri u l-Bulgarija għandhom iqisu kemm jista' jkun possibbli kummenti ta' dan it-tip fil-preparazzjoni sussegwenti tar-regolament tekniku.

    3. Fir-rigward ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' rekwiżiti oħra jew regoli dwar servizzi msemmija fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 6 ta' l-Artikolu 1, il-kummenti tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkonċernaw biss aspetti li jistgħu jfixklu l-kummerċ jew, fir-rigward tar-regoli dwar is-servizzi, il-moviment ħieles tas-servizzi jew il-libertà ta' l-istabbiliment ta' operaturi tas-servizzi u mhux l-aspetti fiskali jew finanzjarji tal-miżura.

    4. Meta jkun invokat perjodu ta' pawsa ta' sitt xhur skond ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 98/34/KE, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bulgarija b'dan.

    Artikolu 9

    L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u tal-Bulgarija għandhom jipposponu l-adozzjoni ta' l-abbozz ta' regolamenti tekniċi notifikati għal tliet xhur mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-test ta' l-abbozz tar-regolament.

    Artikolu 10

    Il-perjodu ta' pawsa msemmi fl-Artikolu 9 m'għandux japplika f'dawk il-każijiet fejn:

    - għal raġunijiet urġenti, li jkunu r-riżultat ta' ċirkostanzi serji u imprevedibbli relatati mal-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sigurtà pubblika, mal-protezzjoni ta' l-annimali jew mal-preżervazzjoni tal-pjanti u, għar-regoli dwar is-servizzi, ukoll għall-politika pubblika, notevolment il-protezzjoni tal-minorenni, l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jippreparaw regolamenti tekniċi fi żmien qasir ħafna sabiex idaħħluhom fis-seħħ u jintroduċuhom immedjatament mingħajr ma tkun possibbli l-ebda konsultazzjoni jew

    - għal raġunijiet urġenti li jkunu r-riżultat ta' ċirkostanzi serji relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà u ta' l-integrità tas-sistema finanzjarja, notevolment il-protezzjoni tad-depożitaturi, ta' l-investituri u tal-persuni assigurati, l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ u jimplimentaw regoli dwar is-servizzi finanzjarji immedjatament.

    Għandhom jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-ġustifikazzjoni għall-miżuri urġenti għandha tkun iddettaljata u spjegata b'mod ċar b'enfasi partikolari fuq l-imprevedibbiltà u s-serjetà tal-periklu ffaċċjat mill-awtoritajiet ikkonċernati kif ukoll il-ħtieġa assoluta għal azzjoni immedjata sabiex jiġi rrimedjat.

    Artikolu 11

    1. It-test finali fil-lingwa oriġinali tar-regolament tekniku għandu wkoll jiġi kkomunikat.

    2. L-arranġamenti amministrattivi għan-notifiki msemmija hawn fuq huma disposti fl-Anness III.

    Artikolu 12

    1. L-Artikoli 3 sa 10 m'għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u tal-Bulgarija jew għal Ftehim volontarji li permezz tagħhom l-Istati Membri jew il-Bulgarija:

    - safejn l-Istati Membri huma konċernati, jikkonformaw ma' atti tal-Komunità li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' regoli dwar is-servizzi, u safejn hija konċernata l-Bulgarija jittrasponu f'liġi nazzjonali atti tal-Komunità li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' regoli dwar is-servizzi,

    - safejn l-Istati Membri huma konċernati, jissodisfaw l-obbligi li ġejjin minn Ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew regoli dwar is-servizzi komuni fil-Komunità,

    - safejn hija konċernata l-Bulgarija, jissodisfaw l-obbligi li ġejjin minn Ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew regoli dwar is-servizzi komuni fil-Bulgarija u fil-Komunità,

    - jagħmlu użu minn klawżoli ta' salvagwardja provduti f'atti tal-Komunità li jorbtu,

    - japplikaw l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2001/95/KE [10],

    - jirrestrinġu lilhom infushom għall-implimentazzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

    - jirrestrinġu lilhom infushom għall-emenda ta' regolament tekniku fi ħdan it-tifsira tal-punt 6 ta' l-Artikolu 1, skond talba tal-Kummissjoni, bl-għan li jitneħħa ostaklu għall-kummerċ jew, fil-każ tar-regoli dwar is-servizzi, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' l-operaturi tas-servizzi.

    2. L-Artikoli 9 u 10 m'għandhomx japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u tal-Bulgarija li jipprojbixxu l-manifattura sakemm dawn ma jfixklux il-moviment liberu tal-prodotti.

    3. L-Artikoli 9 u 10 m'għandhomx japplikaw għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għar-rekwiżiti oħra jew għar-regoli dwar servizzi msemmija fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 6 ta' l-Artikolu 1.

    Artikolu 13

    L-informazzjoni provduta skond dan il-Ftehim għandha titqies bħala kunfidenzjali meta ssir talba sabiex titqies b'dan il-mod. Madankollu, kemm il-Komunità kif ukoll il-Bulgarija, sakemm jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, jistgħu jikkonsultaw lil persuni naturali jew legali, inklużi persuni fis-settur privat, għal opinjoni esperta.

    Artikolu 14

    1. Il-Partijiet Kontraenti, fi ħdan il-qafas tal-koperazzjoni stabbilita bejn l-esperti tal-Komunità u tal-Bulgarija fil-qasam tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ, għandu jkollhom konsultazzjonijiet regolari kemm sabiex ikun żgurat il-funzjonament sodisfaċenti tal-proċedura stabbilita f'dan il-Ftehim kif ukoll sabiex jiskambjaw opinijonijiet dwar il-kummenti li ġew sottomessi minn kwalunkwe Parti Kontraenti dwar abbozz ta' regolament tekniku notifikat skond dan il-Ftehim. Barra minn hekk, b'kunsens komuni, il-Partijiet Kontraenti jista' jkollhom laqgħat ad hoc addizzjonali sabiex jittrattaw każijiet speċifiċi ta' interess partikolari għal kwalunkwe Parti Kontraenti.

    2. Il-Bulgarija għandha taħtar espert sabiex jirrapreżentaha fil-laqgħat tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE, fil-parti li tikkonċerna s-"servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni" u r-"regolamenti tekniċi". L-espert irid ikun membru tas-servizzi tal-gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija. L-espert m'għandux ikollu d-dritt li jivvota.

    3. Il-Kummissjoni għandha tinforma, fil-ħin, lill-espert bid-dati tal-laqgħat, u bil-punti fl-aġenda tal-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni rilevanti lill-espert.

    4. Fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, il-Kumitat jista' jiltaqa' mingħajr ma jkun preżenti l-espert li jirrapreżenta lir-Repubblika tal-Bulgarija. F'dak il-każ il-Bulgarija għandha tiġi informata.

    Artikolu 15

    Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji fejn huwa applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

    Artikolu 16

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xhar wara d-data li fiha l-Partijiet Kontraenti jkunu skambjaw Noti li jikkonfermaw li l-proċeduri rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim ġew ikkompletati.

    Artikolu 17

    Dan il-Ftehim għandu jiskadi fid-data ta' l-adeżjoni tal-Bulgarija ma' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 18

    Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Sloven, bis-Slovakk, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bil-Bulgaru, b'kull test ugwalment awtentiku.

    Għall-Komunità Ewropea

    Għar-Repubblika tal-Bulgarija

    [1] ĠU L 358, 31.12.1994, p. 3.

    [2] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18).

    [3] Id-Direttiva 89/552/KEE tal-Kunsill tat- 3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 1).

    [4] Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34).

    [5] Din id-definizzjoni hija applikabbli permezz tad-Direttiva 98/48/KE li tagħmel referenza għad-Direttiva 90/387/KEE tat- 28 ta' Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tal-mezzi ta' telekomunikazzjoni permezz ta' l-implimentazzjoni tal-provvista ta' netwerk miftuħ (ĠU L 192, 24.7.1990, p. 1). Id-Direttiva ta' l-aħħar ġiet revokata mid-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 3). Madankollu, id-definizzjoni ta' "servizzi tal-mezzi ta' telekomunikazzjoni" li tinsab fid-Direttiva 90/387/KEE għandha tinżamm għall-finijiet tad-Direttiva 98/48/KE.

    [6] Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2006/31/KE (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 60).

    [7] ĠU C 23, 27.1.2000, p. 3.

    [8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 793/93 tat- 23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1). Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

    [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas- 27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi (ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1).

    [10] Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 011, 15.1.2002, p. 4).

    --------------------------------------------------

    20061221

    ANNESS I

    Lista indikattiva tas-servizzi li mhumiex koperti mit-tieni subparagrafu tal-punt 2 ta' l-Artikolu 1

    1. Is-servizzi li mhumiex provduti "mill-bogħod"

    Is-servizzi provduti fil-preżenza fiżika tal-fornitur u tar-riċevitur, anki jekk ikunu jinvolvu l-użu ta' apparati elettroniċi:

    (a) eżamijiet mediċi jew trattament fi klinika ta' tabib billi jintuża tagħmir elettroniku fejn il-pazjent ikun fiżikament preżenti;

    (b) konsultazzjoni ta' katalogu elettroniku f'ħanut bil-klijent fil-post;

    (ċ) prenotazzjoni ta' biljetti ta' l-ajru f'aġenzija ta' l-ivvjaġġar fil-preżenza fiżika tal-klijent permezz ta' netwerk ta' kompjuters;

    (d) logħob elettroniku disponibbli f'sala ta' logħob elettroniku (video-arcade) fejn il-klijent ikun fiżikament preżenti.

    2. Is-servizzi li mhumiex provduti "b'mezzi elettroniċi"

    Is-servizzi li jkollhom kontenut materjali anki jekk ikunu provduti permezz ta' apparati elettroniċi:

    (a) magni awtomatiċi li jqassmu flus kontanti jew biljetti (karti tal-flus, biljetti tal-ferrovija);

    (b) aċċess għal netwerks ta' toroq, żoni ta' parkeġġ ta' karozzi, eċċ., li jitolbu ħlas għall-użu, anki jekk ikun hemm apparati elettroniċi fid-daħla/fil-ħruġ li jikkontrollaw l-aċċess u/jew jiżguraw li jingħata l-ħlas korrett.

    Servizzi off-line: distribuzzjoni ta' CD roms jew ta' softwer fuq disketti.

    Servizzi li mhumiex provduti permezz ta' sistemi ta' pproċessar elettroniku/inventarju:

    (a) servizzi ta' telefonija bil-leħen;

    (b) servizzi ta' telefax/telex;

    (ċ) servizzi provduti permezz ta' telefonija bil-leħen jew bil-fax;

    (d) konsultazzjoni ta' tabib bit-telefon/telefax;

    (e) konsultazzjoni ta' avukat bit-telefon/telefax;

    (f) tqegħid fis-suq dirett bit-telefon/telefax.

    3. Servizzi li mhumiex provduti "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi"

    Is-servizzi provduti bit-trażmissjoni tad-data mingħajr talba individwali għar-riċezzjoni fl-istess ħin minn numru mhux limitat ta' riċevituri individwali (trażmissjoni minn punt wieħed għal diversi punti):

    (a) servizzi ta' xandir tat-televiżjoni (inklużi servizzi ta' kważi vidjo meta jintalab (near-video on-demand)), koperti mill-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE;

    (b) servizzi ta' xandir tar-radju;

    (ċ) teletext (fuq it-televiżjoni).

    --------------------------------------------------

    20061221

    ANNESS II

    Lista indikattiva tas-servizzi finanzjarji koperti mit-tielet subparagrafu tal-punt 5 ta' l-Artikolu 1

    - Servizzi ta' investiment

    - Operazzjonijiet ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni

    - Servizzi bankarji

    - Operazzjonijiet relatati mal-fondi tal-pensjonijiet

    - Servizzi relatati ma' negozjar fil-futures jew fl-options

    Servizzi ta' dan it-tip jinkludu b'mod partikolari:

    (a) servizzi ta' investiment imsemmija fl-Anness għad-Direttiva 2004/39/KE; servizzi ta' l-intrapriżi ta' investiment kollettiv,

    (b) servizzi koperti minn attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku msemmi fl-Anness għad-Direttiva 2006/48/KE [1];

    (ċ) operazzjonijiet koperti minn attivitajiet ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni msemmija:

    - fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/239/KEE [2],

    - fid-Direttiva 64/225/KEE [3],

    - fid-Direttiva 92/49/KEE [4] u fid-Direttiva 2002/83/KE [5].

    [1] Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (formulazzjoni mill-ġdid) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

    [2] L-Ewwel Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill ta' l- 24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).

    [3] Id-Direttiva 64/225/KEE tal- 25 ta' Frar 1964 dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni (ĠU 56, 4.4.1964, p. 878/64). Direttiva kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1973.

    [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat- 18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/68/KE.

    [5] Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/68/KE.

    --------------------------------------------------

    20061221

    ANNESS III

    Skond l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, il-komunikazzjonijiet b'mezzi elettroniċi li ġejjin huma meqjusa meħtieġa:

    1) riċevuti ta' notifika. Dawn jistgħu jiġu kkomunikati qabel jew flimkien mat-trażmissjoni tat-test sħiħ;

    2) it-test sħiħ ta' l-abbozz notifikat;

    3) għarfien li t-test ta' l-abbozz wasal, li jkun fih inter alia, id-data ta' skadenza rilevanti tal-perjodu ta' pawsa;

    4) messaġġi li jitolbu informazzjoni supplimentari;

    5) risposti li jitolbu informazzjoni supplimentari;

    6) kummenti;

    7) talbiet għal laqgħat ad hoc;

    8) risposti għal talbiet għal laqgħat ad hoc;

    9) talbiet għal testi finali;

    10) informazzjoni li ssejjaħ perjodu ta' pawsa ta' sitt xhur.

    Il-komunikazzjonijiet li ġejjin, għal issa, jistgħu jiġu trażmessi bil-fax, madankollu l-mezzi elettroniċi huma preferibbli:

    11) testi legali jew dispożizzjonijiet regolatorji bażiċi;

    12) it-test finali;

    L-arranġamenti amministrattivi dwar il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu miftiehma b'mod konġunt mill-Partijiet Kontraenti.

    --------------------------------------------------

    20061221

    Ftehim

    bejn il-Komunità Ewropea u r-Rumanija li jistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Komunità"

    minn naħa waħda, u

    R-RUMANIJA,

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-Partijiet Kontraenti",

    WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim ta' l-Ewropa li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra [1], u b'mod partikolari l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tiegħu,

    WARA LI KKUNSIDRAW il-proċedura ta' informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni li ġiet applikata fi ħdan il-Komunità Ewropea [2],

    META JITQIES l-impenn tal-Partijiet Kontraenti sabiex jippromwovu relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi bejniethom,

    META TITQIES il-koperazzjoni li għaddejja bejn il-Partijiet Kontraenti fil-qasam tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ u l-ftehim komuni milħuq fi ħdan il-qafas ta' dik il-koperazzjoni sabiex tiġi estiża din il-proċedura ta' informazzjoni dwar ir-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni li ġiet applikata fil-Komunità għar-Rumanija,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-fini ta' dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1) "prodott": kwalunkwe prodott manifatturat b'mod industrijali u kwalunkwe prodott agrikolu, inklużi l-prodotti tal-ħut;

    2) "servizz": kwalunkwe servizz tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, fis-sens ta' kwalunkwe servizz normalment provdut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi.

    Għall-finijiet ta' din id-definizzjoni:

    - "mill-bogħod": tfisser li s-servizz huwa provdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti fl-istess ħin,

    - "b'mezzi elettroniċi": tfisser li s-servizz jintbagħat inizjalment u jiġi riċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) u ż-żamma tad-data, u trażmess, imwassal u riċevut kompletament b'wajer, bir-radju, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi elettromanjetiċi oħra,

    - "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi": tfisser li s-servizz huwa provdut permezz tat-trażmissjoni tad-data fuq talba individwali.

    Hemm disposta fl-Anness I lista indikattiva tas-servizzi li mhumiex koperti minn din id-definizzjoni.

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għal:

    - servizzi ta' xandir tar-radju,

    - servizzi ta' xandir tat-televiżjoni koperti mill-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE [3].

    3) "speċifikazzjoni teknika": speċifikazzjoni inkluża f'dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa minn prodott bħal-livelli ta' kwalità, ir-rendiment, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi r-rekwiżiti applikabbli għall-prodott fir-rigward ta' l-isem li bih jinbiegħ il-prodott, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi tat-testijiet, l-ippakkjar, l-immarkar jew l-ittikkettar u l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità.

    Din id-definizzjoni tkopri wkoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni li jintużaw fir-rigward tal-prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 38(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tal-prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u mill-annimali, u tal-prodotti mediċinali kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/83/KE [4], kif ukoll il-metodi u l-proċessi ta' produzzjoni relatati ma' prodotti oħra, fejn dawn għandhom effett fuq il-karatteristiċi tagħhom.

    4) "rekwiżiti oħra": rekwiżit, għajr għal speċifikazzjoni teknika, impost fuq prodott sabiex jipproteġi, b'mod partikolari, lill-konsumaturi jew lill-ambjent, u li jaffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun tqiegħed fis-suq, bħall-kundizzjonijiet ta' l-użu, tar-riċiklaġġ, ta' l-użu mill-ġdid jew tar-rimi, fejn kundizzjonijiet ta' dan it-tip jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew it-tqegħid fis-suq tiegħu;

    5) "regola dwar is-servizzi": rekwiżit ta' natura ġenerali relatat mal-bidu u ma' l-issuktar ta' attivitajiet ta' servizz fi ħdan it-tifsira tal-punt 2, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw lill-fornitur tas-servizz, lis-servizzi u lir-riċevitur tas-servizzi, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe regola li mhix immirata speċifikament għas-servizzi ddefiniti fih.

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għar-regoli relatati ma' kwistjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi tal-mezzi ta' telekomunikazzjoni, iddefiniti bħala "servizzi li l-provvista tagħhom tikkonsisti b'mod sħiħ jew b'mod parzjali fit-trażmissjoni u fir-rotta tas-sinjali fuq netwerk ta' mezzi ta' telekomunikazzjoni permezz ta' proċessi ta' mezzi ta' telekomunikazzjoni, bl-eċċezzjoni tax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni" [5].

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għar-regoli relatati ma' kwistjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, kif inhuma elenkati b'mod mhux eżawrjenti fl-Anness II għal dan il-Ftehim.

    Bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 11, dan il-Ftehim m'għandux japplika għar-regoli li ddaħħlu fis-seħħ minn jew għal swieq irregolati fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE [6] jew minn jew għal swieq jew korpi oħrajn li jwettqu funzjonijiet ta' kklerjar jew ta' pagament għal dawn is-swieq.

    Għall-finijiet ta' din id-definizzjoni:

    - regola għandha titqies li hija speċifikament immirata għas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni fejn, wara li tqiesu d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet u l-parti operattiva tagħha, l-għan u l-oġġett speċifiku tad-dispożizzjonijiet individwali tagħha kollha jew ta' wħud minnhom ikun li jiġu rregolati servizzi ta' dan it-tip b'mod espliċitu u mmirat,

    - regola m'għandhiex titqies li hija speċifikament immirata għas-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informazzjoni jekk taffettwa servizzi ta' dan it-tip b'mod impliċitu jew inċidentali biss.

    6) "regolament tekniku": speċifikazzjonijiet tekniċi u rekwiżiti oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, tal-provvista ta' servizz, ta' l-istabbiliment ta' operatur ta' servizz jew ta' l-użu f'wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Istati Membri", jew fir-Rumanija jew f'parti kbira minnha, kif ukoll liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri jew tar-Rumanija, ħlief dawk provduti fl-Artikolu 12, li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' prodott jew li jiprojbixxu l-provvista jew l-użu ta' servizz, jew l-istabbiliment ta' fornitur tas-servizz.

    Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

    - liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta' Stat Membru jew tar-Rumanija li jirreferu jew għal speċifikazzjonijiet tekniċi jew għal rekwiżiti oħra jew għal regoli dwar servizzi, jew għal kodiċijiet professjonali jew kodiċijiet ta' prattika li min-naħa tagħhom jirreferu għal speċifikazzjonijiet tekniċi jew għal rekwiżiti oħra jew għal regoli dwar -servizzi, li konformità magħhom tikkonferixxi preżunzjoni ta' konformità ma' l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija aktar 'il fuq,

    - Ftehim volontarji li għalihom hija parti kontraenti awtorità pubblika u li jipprovdu, fl-interess ġenerali, għall-konformità ma' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ma' rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi, bl-esklużjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' offerti għax-xiri pubbliku,

    - speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi li huma konnessi ma' miżuri fiskali jew finanzjarji li jaffettwaw il-konsum ta' prodotti jew ta' servizzi billi jinkoraġixxu l-konformità ma' speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi ta' dan it-tip; speċifikazzjonijiet tekniċi jew rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi konnessi mas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali mhumiex inklużi.

    Dan jinkludi regolamenti tekniċi imposti mill-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri u li jidhru f'lista [7] mfassla mill-Kummissjoni tal-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Kummissjoni") fil-qafas tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE. Ir-Rumanija għandha tfassal lista ta' dan it-tip u tgħaddiha lill-Kummissjoni fl-ewwel ġurnata ta' l-ewwel xhar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

    Biex tiġi emendata din il-lista għandha tintuża l-istess proċedura.

    7) "abbozz ta' regolament tekniku": it-test ta' speċifikazzjoni teknika jew rekwiżit ieħor jew ta' regola dwar is-servizzi, inklużi dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bl-għan li jiddaħħal fis-seħħ jew li fl-aħħar mill-aħħar jiddaħħal fis-seħħ bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta' preparazzjoni fejn ikunu għadhom jistgħu jsiru emendi sostanzjali.

    Artikolu 2

    Dan il-Ftehim m'għandux japplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu li jkunu meħtieġa skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew li r-Rumanija tqis li jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tal-persuni, b'mod partikolari tal-ħaddiema, meta jintużaw il-prodotti, sakemm miżuri ta' dan it-tip ma jaffettwawx lill-prodotti.

    Artikolu 3

    1. Suġġett għall-Artikolu 12, il-Komunità għandha tinnotifika lir-Rumanija bl-abbozzi tar-regolamenti tekniċi notifikati lilha mill-Istati Membri tagħha. Fejn dawn ir-regolamenti tekniċi sempliċement jittrasponu t-test sħiħ ta' standard internazzjonali jew Ewropew, l-informazzjoni dwar l-istandard rilevanti għandha tkun biżżejjed. Għandha wkoll tħalli li r-Rumanija jkollha dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jagħmlu d-dħul fis-seħħ ta' regolament tekniku ta' dan it-tip meħtieġ, fejn dawn ma jkunux diġà ġew iċċarati fl-abbozz.

    2. Suġġett għall-Artikolu 12, ir-Rumanija għandha bl-istess mod tinnotifika lill-Komunità Ewropea bl-abbozzi tar-regolamenti tekniċi tagħha. Fejn dawn ir-regolamenti tekniċi sempliċement jittrasponu t-test sħiħ ta' standard internazzjonali jew Ewropew, l-informazzjoni dwar l-istandard rilevanti għandha tkun biżżejjed. Għandha wkoll tħalli li l-Komunità jkollha dikjarazzjoni tar-raġunijiet li jagħmlu d-dħul fis-seħħ ta' regolament tekniku ta' dan it-tip meħtieġ, fejn dawn ma jkunux diġà ġew iċċarati fl-abbozz.

    Artikolu 4

    Test sħiħ ta' l-abbozz tar-regolament tekniku notifikat għandu jkun disponibbli fil-lingwa oriġinali kif ukoll fi traduzzjoni sħiħa f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjonià Ewropea.

    Artikolu 5

    1. Fejn ikun xieraq, u sakemm ma jkunx diġà ntbagħat b'komunikazzjoni preċedenti, test sħiħ fil-lingwa oriġinali tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji bażiċi prinċipalment u direttament ikkonċernati għandu wkoll ikun ikkomunikati fl-istess ħin, jekk l-għarfien ta' test ta' dan it-tip ikun meħtieġ sabiex jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet ta' l-abbozz tar-regolament tekniku notifikat.

    2. Fejn, b'mod partikolari, l-abbozz ifittex li jillimita t-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' sustanza kimika, ta' preparazzjoni jew ta' prodott minħabba raġunijiet ta' saħħa pubblika jew ta' protezzjoni tal-konsumaturi jew ta' l-ambjent, l-Istati Membri u r-Rumanija għandhom ukoll jgħaddu jew sommarju jew ir-referenzi tad-data kollha rilevanti relatata mas-sustanza, mal-preparazzjoni jew mal-prodott ikkonċernat u mas-sostituti magħrufa u disponibbli, fejn informazzjoni ta' dan it-tip tista' tkun disponibbli, u jikkomunikaw l-effetti antiċipati tal-miżura fuq is-saħħa pubblika u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u ta' l-ambjent, flimkien ma' analiżi tar-riskju mwettqa kif inhu xieraq skond il-prinċipji ġenerali għall-valutazzjoni tar-riskju ta' sustanzi kimiċi kif imsemmija fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 [8] fil-każ ta' sustanza eżistenti jew fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 67/548/KEE [9], fil-każ ta' sustanza ġdida.

    Artikolu 6

    L-Istati Membri u r-Rumanija għandhom jerġgħu jikkomunikaw l-abbozz fil-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jekk jagħmlu bidliet fl-abbozz li jkollhom l-effett li jbiddlu l-ambitu tiegħu b'mod sinifikanti, fejn iqassru l-programm previst oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu speċifikazzjonijiet jew rekwiżiti, jew jagħmlu lil dawn ta' l-aħħar aktar restrittivi. It-trażmissjoni ta' dawn il-komunikazzjonijiet għandha ssir skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Artikolu 7

    Kull Parti Kontraenti tista' titlob aktar informazzjoni dwar abbozz ta' regolament tekniku notifikat skond dan il-Ftehim.

    Artikolu 8

    1. Il-Komunità u r-Rumanija jistgħu jagħmlu kummenti dwar l-abbozzi tar-regolamenti tekniċi kkomunikati. Il-kummenti tar-Rumanija għandhom jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni u l-kummenti tal-Komunità għandhom jiġu mgħoddija mill-Kummissjoni lir-Rumanija.

    2. L-Istati Membri u r-Rumanija għandhom iqisu kemm jista' jkun possibbli kummenti ta' dan it-tip fil-preparazzjoni sussegwenti tar-regolament tekniku.

    3. Fir-rigward ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' rekwiżiti oħra jew regoli dwar is-servizzi msemmija fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 6 ta' l-Artikolu 1, il-kummenti tal-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkonċernaw biss aspetti li jistgħu jfixklu l-kummerċ jew, fir-rigward tar-regoli dwar is-servizzi, il-moviment liberu tas-servizzi jew il-libertà ta' l-istabbiliment ta' operaturi tas-servizzi u mhux l-aspetti fiskali jew finanzjarji tal-miżura.

    4. Meta jkun invokat perjodu ta' pawsa ta' sitt xhur skond ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 98/34/KE, il-Kummissjoni għandha tinforma lir-Rumanija b'dan.

    Artikolu 9

    L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u tar-Rumanija għandhom jipposponu l-adozzjoni ta' l-abbozz tar-regolamenti tekniċi notifikati għal tliet xhur mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-test ta' l-abbozz tar-regolament.

    Artikolu 10

    Il-perjodu ta' pawsa msemmi fl-Artikolu 9 m'għandux japplika f'dawk il-każijiet fejn:

    - għal raġunijiet urġenti, li jkunu r-riżultat ta' ċirkostanzi serji u imprevedibbli relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, mal-protezzjoni ta' l-annimali jew mal-preservazzjoni tal-pjanti u, għar-regoli dwar is-servizzi, ukoll għall-politika pubblika, notevolment il-protezzjoni tal-minorenni, l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jippreparaw regolamenti tekniċi fi żmien qasir ħafna sabiex idaħħluhom fis-seħħ u jintroduċuhom immedjatament mingħajr ma tkun possibbli l-ebda konsultazzjoni jew

    - għal raġunijiet urġenti li jkunu r-riżultat ta' ċirkostanzi serji relatati mal-protezzjoni tas-sikurezza u ta' l-integrità tas-sistema finanzjarja, notevolment il-protezzjoni tad-depożitaturi, ta' l-investituri u tal-persuni assigurati, l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jdaħħlu fis-seħħ u jimplimentaw regoli dwar is-servizzi finanzjarji immedjatament.

    Għandhom jingħataw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-ġustifikazzjoni għall-miżuri urġenti għandha tkun iddettaljata u spjegata b'mod ċar b'enfasi partikolari fuq l-imprevedibbiltà u s-serjetà tal-periklu ffaċċjat mill-awtoritajiet konċernati kif ukoll il-ħtieġa assoluta għal azzjoni immedjata sabiex jiġi rrimedjat.

    Artikolu 11

    1. It-test finali fil-lingwa oriġinali tar-regolament tekniku għandu wkoll jiġi kkomunikat.

    2. L-arranġamenti amministrattivi għan-notifiki imsemmija hawn fuq huma disposti fl-Anness III.

    Artikolu 12

    1. L-Artikoli 3 sa 10 m'għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u tar-Rumanija jew għal Ftehim volontarji li permezz tagħhom l-Istati Membri jew ir-Rumanija:

    - safejn l-Istati Membri huma konċernati jikkonformaw ma' atti tal-Komunità li jorbtu li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' regoli dwar is-servizzi, u safejn hija konċernata r-Rumanija jittrasponu f'liġi nazzjonali atti tal-Komunità li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' regoli dwar is-servizzi,

    - safejn l-Istati Membri huma konċernati, jissodisfaw l-obbligi li ġejjin minn Ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' regoli dwar is-servizzi komuni fil-Komunità,

    - safejn hija konċernata r-Rumanija, jissodisfaw l-obbligi li ġejjin minn Ftehim internazzjonali li jirriżultaw fl-adozzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi jew ta' regoli dwar is-servizzi komuni fir-Rumanija u fil-Komunità,

    - jagħmlu użu minn klawżoli ta' salvagwardja provduti f'atti tal-Komunità li jorbtu,

    - japplikaw l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2001/95/KE [10],

    - jirrestrinġu lilhom infushom għall-implimentazzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

    - jirrestrinġu lilhom infushom għall-emenda ta' regolament tekniku fi ħdan it-tifsira tal-punt 6 ta' l-Artikolu 1, skond talba tal-Kummissjoni, bl-għan li jitneħħa ostaklu għall-kummerċ jew, fil-każ tar-regoli dwar is-servizzi, għall-moviment liberu tas-servizzi jew għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' l-operaturi tas-servizzi.

    2. L-Artikoli 9 u 10 m'għandhomx japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u tar-Rumanija li jipprojbixxu l-manifattura sakemm dawn ma jfixklux il-moviment liberu tal-prodotti.

    3. L-Artikoli 9 u 10 m'għandhomx japplikaw għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għar-rekwiżiti oħra jew għar-regoli dwar is-servizzi msemmija fit-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 6 ta' l-Artikolu 1.

    Artikolu 13

    L-informazzjoni provduta skond dan il-ftehim għandha titqies bħala kunfidenzjali meta ssir talba sabiex titqies b'dan il-mod. Madankollu, kemm il-Komunità kif ukoll ir-Rumanija, sakemm jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa, jistgħu jikkonsultaw lil persuni naturali jew legali, inklużi persuni fis-settur privat, għal opinjoni esperta.

    Artikolu 14

    1. Il-Partijiet Kontraenti, fi ħdan il-qafas tal-koperazzjoni stabbilita bejn l-esperti tal-Komunità u tar-Rumanija fil-qasam tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ, għandu jkollhom konsultazzjonijiet regolari kemm sabiex ikun żgurat il-funzjonament sodisfaċenti tal-proċedura stabbilita f'dan il-Ftehim kif ukoll sabiex jiskambjaw l-opinjonijiet dwar il-kummenti li jkunu ġew sottomessi minn kwalunkwe Parti Kontraenti dwar abbozz ta' regolament tekniku notifikat skond dan il-Ftehim. Barra minn hekk, b'kunsens komuni, il-Partijiet Kontraenti jista' jkollhom laqgħat ad hoc addizzjonali sabiex jittrattaw każijiet speċifiċi ta' interess partikolari għal kwalunkwe Parti Kontraenti.

    2. Ir-Rumanija għandha taħtar espert sabiex jirrapreżentaha fil-laqgħat tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE, fil-parti li tikkonċerna s-"servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni" u r-"regolamenti tekniċi". L-espert irid ikun membru tas-servizzi tal-gvern tar-Rumanija. L-espert m'għandux ikollu d-dritt li jivvota.

    3. Il-Kummissjoni għandha tinforma, fil-ħin, lill-espert bid-dati tal-laqgħat u bil-punti fuq l-aġenda tal-Kumitat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni rilevanti lill-espert.

    4. Fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu, il-Kumitat jista' jiltaqa' mingħajr ma jkun preżenti l-espert li jirrapreżenta lir-Rumanija. F'dak il-każ ir-Rumanija għandha tiġi informata.

    Artikolu 15

    Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom huwa applikat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u fil-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Rumanija.

    Artikolu 16

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xhar wara d-data li fiha l-Partijiet Kontraenti jkunu skambjaw Noti li jikkonfermaw li l-proċeduri rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim ikunu ġew ikkompletati.

    Artikolu 17

    Dan il-Ftehim għandu jiskadi fid-data ta' l-adeżjoni tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 18

    Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, fil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Sloven, bis-Slovakk, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bir-Rumen, b'kull test ugwalment awtentiku.

    Għall-Komunità Ewropea

    Għar-Rumanija

    [1] ĠU L 357, 31.12.1994, p. 2

    [2] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE (ĠU L 217, 5.8.1998, p. 18).

    [3] Id-Direttiva 89/552/KEE tal-Kunsill tat- 3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60).

    [4] Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34).

    [5] Din id-definizzjoni hija applikabbli permezz tad-Direttiva 98/48/KE li tagħmel referenza għad-Direttiva 90/387/KEE tat- 28 ta' Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tal-mezzi ta' telekomunikazzjoni permezz ta' l-implimentazzjoni tal-provvista ta' netwerk miftuħ. (ĠU L 192, 24.7.1990, p. 1). Id-Direttiva ta' l-aħħar ġiet revokata mid-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 3). Madankollu, id-definizzjoni ta' "servizzi tal-mezzi ta' telekomunikazzjoni" li tinsab fid-Direttiva 90/387/KEE għandha tinżamm għall-finijiet tad-Direttiva 98/48/KE.

    [6] Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2006/31/KE (ĠU L 114, 27.4.2006, p. 60).

    [7] ĠU C 23, 27.1.2000, p. 3.

    [8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat- 23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti (ĠU L 84, 5.4.1993, p. 1).

    [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas- 27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sustanzi perikolużi (ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, 30.4.2004, p. 1).

    [10] Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 011, 15.1.2002, p. 4).

    --------------------------------------------------

    20061221

    ANNESS I

    Lista indikattiva tas-servizzi li mhumiex koperti mit-tieni subparagrafu tal-punt 2 ta' l-Artikolu 1

    1. Is-servizzi li mhumiex provduti "mill-bogħod"

    Is-servizzi provduti fil-preżenza fiżika tal-fornitur u tar-riċevitur, anki jekk ikunu jinvolvu l-użu ta' apparati elettroniċi:

    (a) eżamijiet mediċi jew trattament fi klinika ta' tabib billi jintuża tagħmir elettroniku fejn il-pazjent ikun fiżikament preżenti;

    (b) konsultazzjoni ta' katalogu elettroniku f'ħanut bil-klijent fil-post;

    (ċ) prenotazzjoni ta' biljetti ta' l-ajru f'aġenzija ta' l-ivvjaġġar fil-preżenza fiżika tal-klijent permezz ta' netwerk ta' kompjuters;

    (d) logħob elettroniku disponibbli f'sala tal-logħob elettroniku (video-arcade) fejn il-klijent ikun fiżikament preżenti.

    2. Is-servizzi li mhumiex provduti "b'mezzi elettroniċi"

    Is-servizzi li jkollhom kontenut materjali anki jekk ikunu provduti permezz ta' apparati elettroniċi:

    (a) magni awtomatiċi li jqassmu flus kontanti jew biljetti (karti tal-flus, biljetti tal-ferrovija);

    (b) aċċess għal netwerks ta' toroq, żoni ta' parkeġġ tal-karozzi, eċċ., li jitolbu ħlas għall-użu, anki jekk ikun hemm apparati elettroniċi fid-daħla/fil-ħruġ li jikkontrollaw l-aċċess u/jew jiżguraw li jingħata l-ħlas korrett.

    Servizzi off-line: distribuzzjoni ta' CD roms jew ta' softwer fuq disketti.

    Servizzi li mhumiex provduti permezz ta' sistemi ta' pproċessar elettroniku/inventarju:

    (a) servizzi ta' telefonija bil-leħen;

    (b) servizzi ta' telefax/telex;

    (ċ) servizzi provduti permezz ta' telefonija bil-leħen jew bil-fax;

    (d) konsultazzjoni ta' tabib bit-telefon/telefax;

    (e) konsultazzjoni ta' avukat bit-telefon/telefax;

    (f) tqegħid fis-suq dirett bit-telefon/telefax.

    3. Servizzi li mhumiex provduti "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi"

    Servizzi provduti bit-trażmissjoni tad-data mingħajr talba individwali għar-riċezzjoni fl-istess ħin minn numru mhux limitat ta' riċevituri individwali (trażmissjoni minn punt wieħed għal diversi punti):

    (a) servizzi ta' xandir tat-televiżjoni (inklużi servizzi ta' kważi vidjo meta jintalab (near-video on-demand)), koperti mill-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE;

    (b) servizzi ta' xandir tar-radju;

    (ċ) teletext (fuq it-televiżjoni).

    --------------------------------------------------

    20061221

    ANNESS II

    Lista indikattiva tas-servizzi finanzjarji koperti mit-tielet subparagrafu tal-punt 5 ta' Artikolu 1

    - Servizzi ta' investiment

    - Operazzjonijiet ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni

    - Servizzi bankarji

    - Operazzjonijiet relatati mal-fondi tal-pensjonijiet

    - Servizzi relatati ma' negozjar fil-futures jew fl-options

    Servizzi ta' dan it-tip jinkludu, b'mod partikolari:

    (a) servizzi ta' investiment imsemmija fl-Anness għad-Direttiva 2004/39/KE; servizzi ta' intrapriżi ta' investiment kollettiv,

    (b) servizzi koperti minn attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku msemmija fl-Anness għad-Direttiva 2006/48/KE [1],

    (ċ) operazzjonijiet koperti minn attivitajiet ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni msemmija:

    - fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/239/KEE [2],

    - fid-Direttiva 64/225/KEE [3],

    - fid-Direttiva 92/49/KEE [4] u fid-Direttiva 2002/83/KE [5].

    [1] Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (formulazzjoni mill-ġdid) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).

    [2] L-Ewwel Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill ta' l- 24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).

    [3] Id-Direttiva 64/225/KEE tal- 25 ta' Frar 1964 dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni (ĠU 56, 4.4.1964, p. 878/64). Direttiva kif emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1973.

    [4] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat- 18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/68/KE.

    [5] Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/68/KE.

    --------------------------------------------------

    20061221

    ANNESS III

    Skond l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, il-komunikazzjonijiet b'mezzi elettroniċi li ġejjin jitqiesu meħtieġa:

    1) riċevuti ta' notifika. Dawn jistgħu jiġu kkomunikati qabel jew flimkien mat-trażmissjoni tat-test sħiħ;

    2) it-test sħiħ ta' l-abbozz notifikat;

    3) għarfien li t-test ta' l-abbozz wasal, li jkun fih inter alia, id-data ta' skadenza rilevanti tal-perjodu ta' pawsa;

    4) messaġġi li jitolbu informazzjoni supplimentari;

    5) risposti li jitolbu informazzjoni supplimentari;

    6) kummenti;

    7) talbiet għal laqgħat ad hoc;

    8) risposti għal talbiet għal laqgħat ad hoc;

    9) talbiet għal testi finali;

    10) informazzjoni li ssejjaħ perjodu ta' pawsa ta' sitt xhur.

    Il-komunikazzjonijiet li ġejjin, għal issa, jistgħu jiġu trażmessi bil-fax, madankollu l-mezzi elettroniċi huma preferibbli:

    11) testi legali jew dispożizzjonijiet regolatorji bażiċi;

    12) it-test finali.

    L-arranġamenti amministrattivi dwar il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu miftiehma b'mod konġunt mill-Partijiet Kontraenti.

    --------------------------------------------------

    Top