Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0539

2006/539/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ l-1949 bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika

ĠU L 224, 16.8.2006, p. 22–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/539/oj

Related international agreement
Related international agreement

16.8.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 224/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2006

dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ l-1949 bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika

(2006/539/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37, flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 300(2), u t-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Komunità għandha kompetenza esklussiva li tadotta miżuri għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ħut u li tidħol fi ftehim ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.

(2)

Il-Komunità hija Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li teħtieġ lill-membri kollha tal-komunità internazzjonali li jikkoperaw fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(3)

Il-Komunità ffirmat u rratifikat fid-19 ta' Diċembru 2003 l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar fl-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokks Komuni ta’ Ħut u Stokks ta’ Ħut b'Tendenza Kbira li jpassi (2).

(4)

Il-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali (IATTC) ġiet stabbilita mill-Konvenzjoni bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika, konkluża fl-1949. Matul il-61 Laqgħa tagħha f’Ġunju 1998, l-IATTC adottat Riżoluzzjoni li biha l-Partijiet Kontraenti ftiehmu li jfasslu Konvenzjoni ġdida biex issaħħaħ il-Kummissjoni u taġġorna l-istatut tagħha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

(5)

Il-Komunità ġiet mistiedna tieħu sehem bis-sħiħ f’dan il-proċess mill-bidu, u kellha rwol attiv fih. Il-proċess intemm bl-adozzjoni tal-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ l-1949 bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika (il-Konvenzjoni ta’ Antigwa), fis-70 Laqgħa ta' l-IATTC, li saret mill-24 sas-27 ta' Ġunju 2003 f'Antigwa, il-Gwatemala.

(6)

Il-Konvenzjoni ta’ Antigwa nfetħet għall-firem fl-14 ta’ Novembru fl-2003 f’Washington DC, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u baqgħet hekk sal-31 ta’ Diċembru 2004, skond l-Artikolu XXVII tagħha.

(7)

Il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni fit-13 ta’ Diċembru 2004, f’konformità mad-Deċiżjoni 2005/26/KE adottata mill-Kunsill (3) fil-25 ta' Ottubru 2004.

(8)

Sajjieda Komunitarji jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni ta' Antigwa. Għalhekk, huwa fl-interess tal-Komunità li tissieħeb ma' l-IATTC. Għalhekk huwa xieraq li l-Komunità tapprova l-Konvenzjoni ta’ Antigwa.

(9)

Il-Konvenzjoni ta’ Antigwa għandha l-għan li tirrinforza u tipperpetwa l-IATTC. Hija ddestinata li tieħu post il-Konvenzjoni ta' l-1949 hekk kif tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha ta’ dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, skond l-ispirtu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/405/KE ta' l-10 ta' Ġunju 1999 li tawtorizza lir-Renju ta' Spanja biex jaderixxi provviżorjament mal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni tat-Tuna Tropikali Inter-Amerikana (IATTC) (4), Spanja għandha tiddenunzja l-Konvenzjoni ta’ l-1949 hekk kif il-Konvenzjoni ta’ Antigwa tidħol fis-seħħ,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni ta’ Antigwa hija b’dan approvata f’isem il-Komunità Ewropea.

It-test tal-Konvenzjoni huwa anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' approvazzjoni mal-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika bħala d-Depożitarju tal-Konvenzjoni skond l-Artikolu XXXVII tagħha.

Artikolu 3

Mad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Antigwa, Spanja għandha tiddenunċja l-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali.

Magħmula fi Brussell, nhar it-22 ta’ Mejju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)  Opinjoni mogħtija fis-27 ta' April 2006. (Għadha mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  ĠU L 189, 3.7.1998, p. 14.

(3)  ĠU L 15, 19.1.2005, p. 9.

(4)  ĠU L 155, 22.6.1999, p. 37.


IL-KONVENZJONI GĦAT-TISĦIĦ TAL-KUMMISSJONI

Interamerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ l-1949 bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika (“il-Konvenzjoni ta’ Antigwa”)

IL-PARTIJIET GĦAL DIN IL-KONVENZJONI:

KONXJI LI, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi internazzjonali, kif riflessi fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (l-UNCLOS) ta’ l-1982, l-Istati kollha għandhom id-dmir li jieħdu l-miżuri kollha li jistgħu jkunu neċessarji għall-ħarsien u għall-amministrazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, inklużi l-ispeċi b’tendenza kbira li jpassu, u li jikkoperaw ma’ Stati oħra fit-teħid ta’ tali miżuri;

FILWAQT LI JFAKKRU d-drittijiet sovrani ta’ l-Istati kostali għall-iskopijiet ta’ esplorazzjoni u esplojtazzjoni, ħarsien u amministrazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar f’żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali kif ipprovdut fl-UNCLOS, u d-dritt ta’ l-Istati kollha li ċ-ċittadini tagħhom jistadu fl-ibħra internazzjonali skond l-UNCLOS;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn id-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp u lejn l-Aġenda 21, b’mod partikolari għall-Kapitolu 17, adottati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (1992), u lejn id-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni adottat mil-Laqgħa Dinjija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (2002);

FILWAQT LI JENFASIZZAW IL-ĦTIEĠA li jkunu implimentati l-prinċipji u l-istandards tal-Kodiċi tal-Kondotta għall-Industriji tas-Sajd Responsabbli adottati mill-Konferenza ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u ta’ l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (l-FAO) fl-1995, inkluż il-Ftehim biex tkun Inkoraġġita l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta’ Konservazzjoni u Amministrazzjoni minn Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Internazzjonali, ta’ l-1993, li jifforma parti integrali mill-Kodiċi, kif ukoll il-Pjanijiet Internazzjonali ta’ Azzjoni adottati mill-FAO fi ħdan il-qafas tal-Kodiċi tal-Kondotta;

FILWAQT LI JIEĦDU NOTA li l-50 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skond ir-riżoluzzjoni A/RES/50/24, adottat il-Ftehim għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta’ Stocks Imxerrdin f’Diversi Żoni u ta’ Stocks ta’ Ħut b’Tendenza Kbira li jpassi (“il-Ftehim ta’ l-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istocks tal-Ħut”);

FILWAQT LI JQISU l-importanza tas-sajd għal stocks ta’ ħut b’tendenza kbira li jpassi bħala sors ta’ ikel, ta’ impjiegi u ta’ benefiċċji ekonomiċi għall-popolazzjonijiet tal-Partijiet u li l-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni jridu jindirizzaw dawk il-ħtiġijiet u jqisu l-impatti ekonomiċi u soċjali ta’ dawk il-miżuri;

FILWAQT LI JQISU ċ-ċirkostanzi u r-rekwiżiti speċjali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-reġjun, b’mod partikolari tal-pajjiżi tal-kosta, sabiex jilħqu l-għan tal-Konvenzjoni;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-isforzi sinifikanti u l-kisbiet li jispikkaw tal-Kummissjoni Interamerikana għat-Tonn Tropikali, kif ukoll l-importanza tal-ħidma tagħha fl-industriji tas-sajd tat-tonn fil-Lvant ta’ l-Oċean Paċifiku;

XEWQANA li jibbenefikaw mill-esperjenzi li ġew mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ l-1949;

FILWAQT li jaffermaw mill-ġdid li l-koperazzjoni multilaterali tikkostitwixxi l-aktar mezz effettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-konservazzjoni u ta’ l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar;

FILWAQT li huma impenjati li jiżguraw għal perjodu twil ta’ żmien il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-istocks ta’ ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

KONVINTI LI l-aħjar mod li bih jistgħu jintlaħqu l-għanijiet imsemmija qabel u t-tisħiħ tal-Kummissjoni Interamerikana tat-Tonn Tropikali huwa permezz ta’ l-aġġornament tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ l-1949 bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika għat-twaqqif ta’ Kummissjoni Interamerikana għat-Tonn Tropikali;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu I

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

1.

“L-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni” tfisser l-istocks tat-tonn u l-ispeċijiet simili għat-tonn u speċijiet oħra ta’ ħut maqbuda minn bastimenti li jkunu qed jistadu għat-tonn u għall-ispeċijiet simili għat-tonn fiż-Żona tal-Konvenzjoni;

2.

“Sajd” tfisser:

(a)

li wieħed ifittex, jaqbad jew jiġbor, jew jipprova jfittex, jaqbad jew jiġbor stocks ta’ ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

(b)

li wieħed jieħu sehem fi kwalunkwe attività li b’mod raġonevoli tkun mistennija li twassal biex jinstabu, jinqabdu u jinġabru dawn l-istocks;

(ċ)

li wieħed iqiegħed, ifittex għal jew jirkupra apparat li jiġbor il-ħut fi gruppi jew tagħmir assoċjat miegħu, inklużi emittenti tas-sinjali tar-radju;

(d)

kwalunkwe operazzjoni fuq il-baħar bħala appoġġ jew bħala tħejjija għal kwalunkwe attività deskritta fis-sub-paragrafi (a), (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu, għajr għal kwalunkwe operazzjoni f’emerġenzi li tinvolvi s-saħħa u s-sigurtà tal-membri ta’ l-ekwipaġġ jew is-sigurtà tal-bastiment;

(e)

li wieħed juża kwalunkwe vettura oħra, ta’ l-ajru jew ta’ fuq il-baħar, f’rabta ma’ kwalunkwe attività deskritta f’din id-definizzjoni għajr għall-emerġenzi li jinvolvu s-saħħa u s-sigurtà tal-membri ta’ l-ekwipaġġ jew is-sigurtà tal-bastiment;

3.

“Bastiment” tfisser kwalunkwe bastiment użat jew maħsub biex jintuża għas-sajd, inklużi l-bastimenti ta’ appoġġ, il-bastimenti tal-ġarr u kwalunkwe bastiment ieħor direttament involut f’tali operazzjonijiet tas-sajd;

4.

“L-Istat tal-bandiera” tfisser, jekk ma jkunx indikat mod ieħor:

(a)

Stat li l-bastimenti tiegħu jkunu intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu,

jew

(b)

organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li fiha l-bastimenti jkunu intitolati li jtajru l-bandiera ta’ Stat li huwa membru ta’ dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika;

5.

“Kunsens” tfisser l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mingħajr votazzjoni u mingħajr ma tkun espressa kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni;

6.

Il-“Partijiet” tfisser l-Istati u l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li aċċettaw li jintrabtu minn din il-Konvenzjoni u li għalihom din il-Konvenzjoni hija fis-seħħ, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli XXVII, XXIX, u XXX ta’ din il-Konvenzjoni;

7.

Il-“Membri tal-Kummissjoni” tfisser il-Partijiet u kwalunkwe entità tas-sajd li skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu XXVIII ta’ din il-Konvenzjoni esprimiet l-impenn formali tagħha li tirrispetta t-termini ta’ din il-Konvenzjoni u li tkun konformi ma’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottata skond il-Konvenzjoni;

8.

“Organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” tfisser organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li l-Istati Membri jkunu għaddewlha l-kompetenza dwar kwistjonijiet koperti minn din il-Konvenzjoni, inkluża l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet li jorbtu lill-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet;

9.

“Il-Konvenzjoni ta’ l-1949” tfisser il-Konvenzjoni bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika għat-twaqqif ta’ Kummissjoni Interamerikana għat-Tonn Tropikali;

10.

Il-“Kummissjoni” tfisser il-Kummissjoni Interamerikana għat-Tonn Tropikali;

11.

L-“UNCLOS” tfisser il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982;

12.

“Il-Ftehim ta’ l-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istocks tal-Ħut” tfisser il-Ftehim għall-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ta’ l-10 ta’ Diċembru 1982 relatati mal-Konservazzjoni u ma’ l-Amministrazzjoni ta’ Stocks Imxerrdin f’Diversi Żoni u ta’ Stocks ta’ Ħut b’Tendenza Kbira li Jpassi, 1995;

13.

Il-“Kodiċi tal-Kondotta” tfisser il-Kodiċi tal-Kondotta għal Industriji tas-Sajd Responsabbli adottat mit-28 Sessjoni tal-Konferenza ta’ l-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u ta’ l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ottubru 1995;

14.

L-“AIDCP” tfisser il-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali tal-Konservazzjoni tad-Denfil tal-21 ta’ Mejju 1998.

Artikolu II

L-għan

L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li jkunu żgurati fit-tul il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-istocks ta’ ħut koperti minn din il-Konvenzjoni, skond ir-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali.

Artikolu III

Iż-żona ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni

Iż-żona ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni (“iż-Żona tal-Konvenzjoni”) tinkludi ż-żona ta’ l-Oċean Paċifiku mdawwar bil-kosta tat-Tramuntana, taċ-Ċentru u tan-Nofsinhar ta’ l-Amerika u bil-linji ta’ demarkazzjoni li ġejjin:

i)

il-50°N parallel mill-kosta ta’ l-Amerika ta’ Fuq sa l-intersezzjoni tiegħu mal-150°W meridjan;

ii)

il-150°W meridjan sa l-intersezzjoni tiegħu mal-50°S parallel;

u

iii)

il-50°S parallel ma’ l-intersezzjoni tiegħu mal-kosta ta’ l-Amerika t’Isfel.

PARTI II

IL-KONSERVAZZJONI U L-UŻU TA’ L-ISTOCKS TAL-ĦUT KOPERTI MINN DIN IL-KONVENZJONI

Artikolu IV

L-applikazzjoni tal-metodu ta’ prekawzjoni

1.   Il-membri tal-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw il-metodu ta’ prekawzjoni, kif deskritt fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi tal-Kondotta u/jew fil-Ftehim ta’ l-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istocks tal-Ħut, għall-konservazzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni.

2.   B’mod partikolari, il-membri tal-Kummissjoni għandhom ikunu iktar kawti meta l-informazzjoni ma tkunx ċerta, mhux ta’ min joqgħod fuqha jew inadegwata. In-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika adegwata m’għandux jintuża bħala raġuni biex ikunu posposti jew ma jittieħdux il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ amministrazzjoni.

3.   Fejn ikun hemm tħassib dwar l-istatus ta’ l-istocks fil-mira jew dawk mhux fil-mira jew dwar l-ispeċijiet assoċjati jew dipendenti, il-membri tal-Kummissjoni għandhom iqiegħdu stocks jew speċijiet bħal dawn taħt monitoraġġ akbar sabiex jirrivedu l-istatus tagħhom u l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni. Għandhom jirrivedu dawk il-miżuri b’mod regolari fid-dawl ta’ l-informazzjoni xjentifika ġdida disponibbli.

Artikolu V

Il-kompatibilità tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ amministrazzjoni

1.   Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jippreġudika jew idgħajjef is-sovranità jew id-drittijiet sovrani ta’ l-Istati kostali fir-rigward ta’ l-esplorazzjoni u l-utilizzazzjoni, il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fi ħdan iż-żoni taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom kif provdut fl-UNCLOS, jew id-dritt ta’ l-Istati kollha li ċ-ċittadini tagħhom jistadu fl-ibħra internazzjonali skond l-UNCLOS.

2.   Il-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni stabbiliti għall-ibħra internazzjonali u dawk adottati għal żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali għandhom ikunu kompatibbli, sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni.

PARTI III

IL-KUMMISSJONI INTERAMERIKANA GĦAT-TONN TROPIKALI

Artikolu VI

Il-Kummissjoni

1.   Il-membri tal-Kummissjoni jaqblu li jżommu, bl-assi u l-piżijiet kollha tagħha, u li jsaħħu il-Kummissjoni Interamerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ l-1949.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun magħmula minn taqsimiet li jinkludu minn wieħed (1) sa erba’ (4) Kummissarji maħtura minn kull membru, li jistgħu jkunu akkumpanjati minn tali esperti jew konsulenti skond kemm il-membru jħoss li jkun jixraq.

3.   Il-Kummissjoni għandha jkollha personalità ġuridika u, fir-relazzjonijiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u mal-membri tagħha, għandha tgawdi mill-kapaċità legali li tista’ tkun meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tilħaq l-għanijiet tagħha, skond il-liġi internazzjonali. L-immunitajiet u l-privileġġi li l-Kummissjoni u l-uffiċjali tagħha se jgawdu minnhom għandhom ikunu suġġetti għal ftehim bejn il-Kummissjoni u l-membru rilevanti.

4.   Il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu f’San Diego, Kalifornja, fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

Artikolu VII

Il-funzjonijiet tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-funzjonijiet li ġejjin, waqt li tagħti prijorità lit-tonn u lill-ispeċijiet simili għat-tonn:

(a)

tinkoraġġixxi, twettaq u tikkordina riċerka xjentifika li tikkonċerna l-abbundanza, il-bijoloġija u l-bijometrija fiż-Żona tal-Konvenzjoni ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni u, fejn huwa meħtieġ, ta’ speċijiet assoċjati jew dipendenti, u l-effetti tal-fatturi naturali u ta’ l-attivitajiet tal-bniedem fuq il-popolazzjonijiet ta’ dawn l-istocks u ta’ dawn l-ispeċijiet;

(b)

tadotta standards għall-ġbir, għall-verifika, għal skambju f’waqtu u għar-rapportar ta’ data li tikkonċerna s-sajd għall-istocks ta’ ħut kopert minn din il-Konvenzjoni;

(ċ)

tadotta miżuri li huma bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli sabiex tiżgura l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni u sabiex iżżomm jew tirriġenera l-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċijiet miġbura għal livelli ta’ abbundanza li jistgħu jipproduċu l-massimu tal-produzzjoni sostenibbli, inter alia, billi jkun iffissat it-total permess ta’ qabdiet ta’ tali stocks tal-ħut skond kif tista’ tiddeċiedi l-Kummissjoni u/jew il-livell totali permess tal-kapaċità tas-sajd u/jew il-livell ta’ l-isforz tas-sajd għaż-Żona tal-Konvenzjoni kollha;

(d)

tiddetermina jekk, skond l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, stokk speċifiku tal-ħut kopert minn din il-Konvenzjoni hux qed isir sajd biżżejjed għalih jew jekk hux qed isir sajd iktar milli suppost u, fuq din il-bażi, jekk żjieda fil-kapaċità tas-sajd u/jew fil-livell ta’ sforz fis-sajd hiex se thedded il-konservazzjoni ta’ dak l-istock;

(e)

b’rabta ma’ l-istocks imsemmija fis-sub-paragrafu (d) ta’ dan il-paragrafu, tiddetermina, fuq il-bażi tal-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tadotta jew tapplika, il-limitu safejn jistgħu jkunu akkomodati l-interessi tas-sajd ta’ membri ġodda tal-Kummissjoni, meta jitqiesu l-istandards u l-prattika rilevanti internazzjonali;

(f)

tadotta, kif ikun meħtieġ, miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni għal speċijiet li huma parti mill-istess ekosistema u li huma affettwati mis-sajd għal, jew jiddependu fuq jew huma assoċjati ma’, l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni, bil-għan li żżomm jew tirriġenera l-popolazzjonijiet ta’ speċijiet bħal dawn f’livelli ogħla minn dawk li jistgħu jheddu b’mod serju r-riproduzzjoni tagħhom;

(g)

tadotta miżuri xierqa biex tevita, tnaqqas u ċċekken kemm tista’ l-iskart, ir-rimi, il-qbid b’apparat mitluf jew skartat, il-qbid ta’ speċijiet li mhumiex fl-ambitu tas-sajda (kemm speċijiet tal-ħut u kemm speċijiet mhux tal-ħut) u l-impatti fuq speċijiet assoċjati jew dipendenti, b’mod partikolari l-ispeċijiet fil-periklu;

(h)

tadotta miżuri xierqa biex tevita jew telimina s-sajd żejjed u l-eċċess fil-kapaċità tas-sajd u sabiex tiżgura li l-livelli tas-sajd ma jaqbżux dawk proporzjonati ma’ l-użu sostenibbli ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

(i)

tistabbilixxi programm komprensiv għall-ġbir tad-data u għall-monitoraġġ li għandu jinkludi tali elementi li l-Kummissjoni tiddetermina li huma neċessarji. Kull membru tal-Kummissjoni jista’ wkoll iżomm il-programm tiegħu konsistenti mal-linji ta’ gwida adottati mill-Kummissjoni;

(j)

tiżgura li, fl-iżvilupp tal-miżuri li għandhom ikunu adottati skond is-sub-paragrafi (a) sa (i) ta’ dan il-paragrafu, titqies b’mod xieraq il-ħtieġa għall-kordinazzjoni u għall-kompatibilità ma’ miżuri adottati skond l-AIDCP;

(k)

tinkoraġġixxi, safejn huwa prattikabbli, l-iżvilupp u l-użu ta’ apparat tas-sajd u ta’ metodi li huma selettivi, li ma jqiegħdux lill-ambjent fil-periklu u li jagħtu profitt meta jitqiesu l-flus li ntefqu, flimkien ma’ attivitajiet oħra relatati, inklużi l-attivitajiet marbuta, inter alia, mat-trasferiment tat-teknoloġija u t-taħriġ;

(l)

fejn huwa meħtieġ, tiżviluppa kriterji għal, u tieħu deċiżjonijiet marbuta ma’, l-allokazzjoni tal-qbid totali permess, jew mal-kapaċità totali permessa tas-sajd, inkluża l-kapaċità tal-ġarr, jew il-livell ta’ l-isforz tas-sajd, waqt li tqis il-fatturi kollha rilevanti;

(m)

tapplika l-metodu ta’ prekawzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu IV ta’ din il-Konvenzjoni. F’każi fejn il-miżuri jkunu adottati mill-Kummissjoni skond il-metodu ta’ prekawzjoni fin-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika adegwata, kif stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu IV ta’ din il-Konvenzjoni, il-Kummissjoni għandha, mill-aktar fis possibbli, timpenja ruħha biex tikseb l-informazzjoni xjentifika meħtieġa sabiex iżżomm jew timmodifika kwalunkwe miżura bħal din;

(n)

tinkoraġġixxi l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tal-Kodiċi tal-Kondotta u ta’ strumenti internazzjonali oħra rilevanti inklużi, inter alia, il-Pjanijiet Internazzjonali ta’ Azzjoni adottati mill-FAO fil-qafas tal-Kodiċi tal-Kondotta;

(o)

taħtar id-Direttur tal-Kummissjoni;

(p)

tapprova l-programm ta’ ħidma tagħha;

(q)

tapprova l-baġit tagħha, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu XIV ta’ din il-Konvenzjoni;

(r)

tapprova l-kontijiet għall-perjodu tal-baġit preċedenti;

(s)

tadotta jew temenda r-regoli u l-proċeduri, ir-regolamenti finanzjarji u regolamenti amministrattivi interni oħra tagħha stess skond kif ikun meħtieġ sabiex twettaq il-funzjonijiet tagħha;

(t)

tipprovdi s-Segretarjat għall-AIDCP, waqt li tqis id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu XIV ta’ din il-Konvenzjoni;

(u)

tistabbilixxi l-korpi sussidjarji li tqis li hemm ħtieġa għalihom;

(v)

tadotta kwalunkwe miżura jew rakkomandazzjoni oħra, ibbażata fuq informazzjoni rilevanti, inkluża l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, kif tista’ tkun meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din il-Konvenzjoni, inklużi miżuri mhux diskriminatorji u trasparenti li huma konsistenti mal-liġi internazzjonali, sabiex tevita, tiskoraġġixxi u telimina attivitajiet li jfixklu l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm staff kwalifikat fil-kwistjonijiet relatati ma’ din il-Konvenzjoni, inkluż f’oqsma amministrattivi, xjentifiċi u tekniċi, taħt is-superviżjoni tad-Direttur, u tiżgura li tinkludi l-istaff kollu meħtieġ għal applikazzjoni effiċjenti u effettiva ta’ din il-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni għandha tfittex l-iktar staff kwalifikat disponibbli u għandha tqis b’mod xieraq l-importanza li tirrekluta staff fuq bażi ta’ ekwità sabiex tinkoraġġixxi r-rappreżentanza u l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-membri tal-Kummissjoni.

3.   Meta tkun qed titqies gwida għall-programm ta’ ħidma dwar kwistjonijiet xjentifiċi li se jkunu indirizzati mill-istaff xjentifiku, il-Kummissjoni għandha tqis, inter alia, il-parir, ir-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza stabbilit skond l-Artikolu XI ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu VIII

Il-laqgħat tal-Kummissjoni

1.   Il-laqgħat ordinarji tal-Kummissjoni għandhom isiru mill-inqas darba fis-sena, f’tali post u f’tali data kif tiddeċiedi l-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista’ torganizza wkoll laqgħat straordinarji meta tqis li dan huwa meħtieġ. Dawn il-laqgħat għandhom jitlaqqgħu fuq it-talba ta’ mill-inqas żewġ membri tal-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li l-maġġoranza tal-membri jappoġġjaw din it-talba.

3.   Il-laqgħat tal-Kummissjoni għandhom isiru biss meta jkun hemm kworum. Il-kworum jintlaħaq meta żewġ terzi tal-membri tal-Kummissjoni jkunu preżenti. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għal-laqgħat tal-korpi sussidjarji mwaqqfa taħt din il-Konvenzjoni.

4.   Il-laqgħat għandhom isiru bl-Ingliż u bl-Ispanjol, u d-dokumenti tal-Kummissjoni għandhom isiru b’dawn iż-żewġ lingwi.

5.   Jekk ma jkunx deċiż mod ieħor, il-membri għandhom jeleġġu President u Viċi-President minn Partijiet differenti għal din il-Konvenzjoni. Iż-żewġ uffiċjali għandhom jiġu eletti għal perjodu ta’ sena waħda (1) u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatar is-suċċessur tagħhom.

Artikolu IX

It-teħid tad-deċiżjonijiet

1.   Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor, id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu mill-Kummissjoni fil-laqgħat imsejħa skond l-Artikolu VIII ta’ din il-Konvenzjoni għandhom isiru bil-kunsens tal-membri tal-Kummissjoni preżenti fil-laqgħa kkonċernata.

2.   Id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ l-emendi għal din il-Konvenzjoni u l-annessi tagħha, kif ukoll is-sejħiet għall-adeżjoni għal din il-Konvenzjoni skond il-paragrafu (ċ) ta’ l-Artikolu XXX ta’ din il-Konvenzjoni, għandhom jeħtieġu l-kunsens tal-Partijiet kollha. F’każijiet bħal dawn, il-President tal-laqgħa għandu jiżgura li l-membri kollha tal-Kummissjoni jkollhom l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjonijiet proposti, opinjonijiet li l-Partijiet għandhom iqisu qabel jaslu għad-deċiżjoni finali.

3.   Il-kunsens tal-membri kollha tal-Kummissjoni għandu jkun meħtieġ għal deċiżjonijiet dwar:

(a)

l-adozzjoni u l-emenda tal-baġit tal-Kummissjoni, u dawk li jiddeterminaw l-għamla u l-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-membri;

(b)

il-kwistjonijiet imsemmija fis-sub-paragrafu (1) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu VII ta’ din il-Konvenzjoni.

4.   Fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk Parti jew membru tal-Kummissjoni, skond x’ikun il-każ, ma jkunx preżenti għal-laqgħa konċernata u ma jkunx bagħat avviż skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttur għandu jinnotifika lil din il-Parti jew dan il-membru bid-deċiżjoni meħuda fil-laqgħa. Jekk, fi żmien tletin (30) ġurnata minn meta l-Parti jew il-membru jirċievi n-notifika, id-Direttur ikun għadu ma rċeviex risposta minn din il-Parti jew dan il-membru, dik il-Parti jew il-membru għandu jitqies li qabel mal-kunsens dwar id-deċiżjoni kkonċernata. Jekk, matul dan il-perjodu ta’ tletin ġurnata, il-Parti jew il-membru jwieġeb bil-miktub li ma tistax taqbel mal-kunsens milħuq dwar id-deċiżjoni kkonċernata, id-deċiżjoni m’għandu jkollha l-ebda effett, u l-Kummissjoni għandha tfittex li tilħaq kunsens fl-iqsar żmien possibbli.

5.   Meta Parti jew membru tal-Kummissjoni li ma kienx preżenti għal-laqgħa jinnotifika lid-Direttur, skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, li ma jistax jingħaqad mal-kunsens dwar deċiżjoni meħuda f’dik il-laqgħa, dak il-membru m’għandux ikun jista’ jopponi l-kunsens dwar l-istess kwistjoni jekk ma jkunx preżenti fil-laqgħa suċċessiva tal-Kummissjoni li fiha jkun hemm dik il-kwistjoni fuq l-aġenda.

6.   Jekk membru tal-Kummissjoni ma jistax jattendi għal-laqgħa tal-Kummissjoni minħabba ċirkustanzi straordinarji jew imprevisti li m’għandux kontroll fuqhom:

(a)

Għandu jinnotifika lid-Direttur; bil-miktub, qabel il-bidu tal-laqgħa jekk ikun possibbli jew inkella fl-ewwel opportunità li jkollu. Notifika bħal din għandha tkun effettiva malli d-Direttur jgħarraf lill-membru kkonċernat li rċieva n-notifika;

u

(b)

Sussegwentement u mill-aktar fis possibbli, id-Direttur għandu jinnotifika lill-membru bid-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu f’dik il-laqgħa skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(ċ)

Fi żmien tletin (30) ġurnata mill-avviż imsemmi fis-sub-paragrafu (b) ta’ dan il-paragrafu, il-membru jista’ jinnotifika bil-miktub lid-Direttur li ma jaqbilx mal-kunsens dwar deċiżjoni jew iktar minn deċiżjoni waħda. F’każi bħal dawn, id-deċiżjoni jew id-deċiżjonijiet rilevanti m’għandhom ikollhom l-ebda effett, u l-Kummissjoni għandha tfittex li tilħaq kunsens fl-iqsar żmien possibbli.

7.   Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skond din il-Konvenzjoni għandhom jorbtu lill-membri kollha ħamsa u erbgħin (45) jum wara n-notifika tagħhom, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’din il-Konvenzjoni jew ma jkunx hemm xi ftehim meta tittieħed xi deċiżjoni.

Artikolu X

Il-Kumitat għar-reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kumitat għar-reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni, li għandu jkun magħmul minn dawk ir-rappreżentanti maħtura għal dan il-għan minn kull wieħed mill-membri tal-Kummissjoni, li jistgħu jkunu akkumpanjati minn tali esperti jew konsulenti skond kemm dak il-membru jħoss li jkun xieraq.

2.   Il-funzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness 3 għal din il-Konvenzjoni.

3.   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-Kumitat jista’, fejn huwa meħtieġ, u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jikkonsulta kwalunkwe organizzazzjoni amminstrattiva, teknika jew xjentifika ta’ l-industriji tas-sajd li għandha kompetenza fis-suġġett ta’ konsultazzjonijiet bħal dawn u jista’ jfittex tali parir ta’ esperti kif ikun meħtieġ f’kull każ.

4.   Il-Kumitat għandu jagħmel ħiltu biex jadotta r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ kunsens. Jekk kull sforz biex jintlaħaq kunsens ifalli, ir-rapporti għandhom jindikaw dan, u għandhom jirriflettu l-opinjonijiet tal-maġġoranza u tal-minoranza. Fuq talba ta’ kwalunkwe membru tal-Kumitat, għandhom ikunu inklużi wkoll l-opinjonijiet ta’ dak il-membru dwar ir-rapport kollu, jew dwar kwalunkwe parti minnu.

5.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, preferibbilment fl-okkażjoni tal-laqgħa ordinarja tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kumitat jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq it-talba ta’ mill-inqas tnejn (2) mill-membri tal-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li maġġoranza tal-membri jappoġġjaw din it-talba.

7.   Il-Kumitat għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skond ir-regoli ta’ proċedura, il-linji ta’ gwida u d-direttivi li l-Kummissjoni tista’ tadotta.

8.   Bħala appoġġ għall-ħidma tal-Kumitat, l-istaff tal-Kummissjoni għandu:

(a)

jiġbor l-informazzjoni neċessarja għall-ħidma tal-Kumitat u jiżviluppa database, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni;

(b)

jipprovdi tali analiżijiet statistiċi li l-Kumitat iqis li huma neċessarji sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu;

(ċ)

jipprepara r-rapporti għall-Kumitat;

(d)

iqassam lill-membri tal-Kumitat l-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari dik stabbilita fis-sub-paragrafu (a) tal-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu XI

Il-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza, li għandu jkun magħmul minn rappreżentant innominat minn kull membru tal-Kummissjoni, li għandu jkollu l-kwalifiki xierqa jew l-esperjenza rilevanti fil-qasam ta’ kompetenza tal-Kumitat, u li jista’ jkun akkumpanjat minn l-esperti jew il-konsulenti kollha li dak il-membru jħoss li jkun xieraq.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kumitat lil organizzazzjonijiet jew persuni b’esperjenza xjentifika rikonoxxuta fi kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-Kummissjoni.

3.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness 4 ta’ din il-Konvenzjoni.

4.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, preferibbilment qabel laqgħa tal-Kummissjoni.

5.   Il-Kumitat jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq talba ta’ mill-inqas tnejn (2) mill-membri tal-Kummissjoni, bil-kondizzjoni li l-maġġoranza tal-membri tappoġġja din it-talba.

6.   Id-Direttur għandu jservi bħala President tal-Kumitat jew jista’ jiddelega l-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni bil-kondizzjoni li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

7.   Il-Kumitat għandu jagħmel ħiltu biex jadotta r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ kunsens. Jekk kull sforz biex jintlaħaq kunsens ifalli, ir-rapporti għandhom jindikaw dan, u għandhom jirriflettu l-opinjonijiet tal-maġġoranza u tal-minoranza. Fuq it-talba ta’ kwalunkwe membru tal-Kumitat, għandhom ikunu inklużi wkoll l-opinjonijiet ta’ dak il-membru dwar ir-rapport kollu, jew kwalunkwe parti minnu.

Artikolu XII

L-amministrazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar, skond ir-regoli tal-proċedura li adottat u waqt li tqis kwalunkwe kriterju stabbilit fihom, Direttur, li l-kompetenza tiegħu fil-qasam ta’ din il-Konvenzjoni hija stabbilita u rikonoxxuta b’mod ġenerali, b’mod partikolari fl-aspetti xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi, u li għandu jirrispondi għal għemilu quddiem il-Kummissjoni u li t-tneħħija tiegħu hija fid-diskrezzjoni ta’ l-istess Kummissjoni. Il-Direttur jiġi appuntat għal 4 snin, u jista’ jerġa’ jinħatar għal kemm-il darba tiddeċiedi l-Kummissjoni.

2.   Il-funzjonijiet tad-Direttur għandhom ikunu li:

(a)

jipprepara pjanijiet u programmi ta’ riċerka għall-Kummissjoni;

(b)

jipprepara l-estimi tal-baġit għall-Kummissjoni;

(ċ)

jawtorizza l-ħruġ ta’ fondi għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u tal-baġit approvati mill-Kummissjoni u li jżomm il-kotba għall-fondi wżati għal dan il-għan;

(d)

jaħtar, ineħħi u jidderieġi l-istaff amministrattiv, xjentifiku u tekniku u lill-istaff l-ieħor, meħtieġ għall-funzjonijiet tal-Kummissjoni, skond ir-regoli tal-proċedura adottati mill-Kummissjoni;

(e)

fejn ikun meħtieġ għall-funzjonament effiċjenti tal-Kummissjoni, jaħtar Kordinatur tar-Riċerka Xjentifika, skond is-sub-paragrafu (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li għandu jaħdem taħt is-superviżjoni tad-Direttur, li għandu jassenja lill-Kordinatur tar-Riċerka Xjentifika tali funzjonijiet u responsabbiltajiet li d-Direttur jiddetermina li huma xierqa;

(f)

jirranġa għall-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet jew individwi oħra, kif ikun xieraq, meta tkun meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni;

(g)

jikkordina l-ħidma tal-Kummissjoni ma’ dik ta’ organizzazzjonijiet u individwi li d-Direttur ikun irranġa biex jikseb il-koperazzjoni tagħhom;

(h)

jabbozza rapporti amministrattivi, xjentifiċi u rapporti oħra għall-Kummissjoni;

(i)

jipprepara abbozzi ta’ aġendi għal, u jsejjaħ, il-laqgħat tal-Kummissjoni u tal-korpi sussidjarji tagħha, f’konsultazzjoni mal-membri tal-Kummissjoni u filwaqt li jqis il-proposti tagħhom u jipprovdi appoġġ amministrattiv u tekniku għal-laqgħat bħal dawn;

(j)

jiżgura l-pubblikazzjoni u t-tixrid tal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni li ġew adottati mill-Kummissjoni u li huma fis-seħħ u, safejn huwa prattikabbli, jiżgura l-manutenzjoni u t-tixrid tad-dokumentazzjoni tad-dokumentazzjoni dwar miżuri oħra applikabbli ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni, adottati mill-membri tal-Kummissjoni, li huma fis-seħħ fiż-Żona tal-Konvenzjoni;

(k)

jiżgura l-manutenzjoni ta’ dokumentazzjoni, ibbażata, inter alia, fuq l-informazzjoni provduta lill-Kummissjoni skond l-Anness 1 ta’ din il-Konvenzjoni, dwar il-bastimenti tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni perjodika ta’ l-informazzjoni li tinsab f’dokumentazzjoni bħal din fost il-membri kollha tal-Kummissjoni, u, meta mitlub jagħmel dan, lil kwalunkwe membru individwali;

(l)

jaġixxi bħala rappreżentant legali tal-Kummissjoni;

(m)

iwettaq funzjonijiet oħra bħal dawn li huma neċessarji biex tkun żgurata l-ħidma effiċjenti u effettiva tal-Kummissjoni u funzjonijiet oħrajn li jistgħu jiġu assenjati lilu mill-Kummissjoni.

3.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, id-Direttur u l-istaff tal-Kummissjoni m’għandhomx jaġixxu bi kwalunkwe mod li jista’ ma jkunx kompatibbli ma’ l-istatus tagħhom jew ma’ l-għan u d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, u lanqas m’għandu jkollhom kwalunkwe interess finanzjarju f’attivitajiet bħal investigazzjoni u riċerka, esplorazzjoni, utilizzazzjoni, ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni. Bl-istess mod, għandhom iżommu bħala konfidenzjali, waqt li jkunu impjegati mal-Kummissjoni u anke wara, kwalunkwe informazzjoni konfidenzjali li kisbu jew li kellhom aċċess għaliha waqt l-impjieg tagħhom.

Artikolu XIII

L-Istaff Xjentifiku

L-Istaff Xjentifiku għandu jopera taħt is-superviżjoni tad-Direttur, u tal-Kordinatur tar-Riċerka Xjentifika jekk dan jinħatar skond is-sub-paragrafi (d) u (e) tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu XII ta’ din il-Konvenzjoni, u, waqt li jagħti prijorità lill-ispeċijiet tat-tonn u lil dawk simili għat-tonn, għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

imexxi l-proġetti ta’ riċerka xjentifika u attivitajiet oħra ta’ riċerka approvati mill-Kummissjoni skond il-pjanijiet ta’ ħidma adottati għal dan il-għan;

(b)

jipprovdi lill-Kummissjoni, permezz tad-Direttur, b’pariri u b’rakkomandazzjonijiet xjentifiċi bħala appoġġ għall-formulazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni u għal kwistjonijiet rilevanti oħra, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza, minbarra f’ċirkustanzi fejn l-irbit evidenti tal-ħin jista’ jillimita l-ħila tad-Direttur milli jipprovdi lill-Kummissjoni b’tali pariri jew rakkomandazzjonijiet f’waqthom;

(ċ)

jipprovdi lill-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza bl-informazzjoni neċessarja biex iwettaq il-funzjonijiet speċifikati fl-Anness 4 ta’ din il-Konvenzjoni;

(d)

jipprovdi lill-Kummissjoni, permezz tad-Direttur, b’rakkomandazzjonijiet għal riċerka xjentifika bħala appoġġ għall-funzjonijiet tal-Kummissjoni skond is-sub-paragrafu (a) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu VII, ta’ din il-Konvenzjoni;

(e)

jiġbor u janalizza l-informazzjoni li għandha x’taqsam mal-kundizzjonijiet u t-tendenzi preżenti u ta’ l-imgħoddi tal-popolazzjonijiet ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

(f)

jipprovdi lill-Kummissjoni, permezz tad-Direttur, bl-istandards proposti għall-ġbir, il-verifika u l-iskambju u l-irrapportar f’waqthom tad-data li tikkonċerna l-industriji tas-sajd għall-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

(g)

jiġbor data ta’ l-istatistika u t-tipi kollha ta’ rapporti li jikkonċernaw il-qbid ta’ stocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni u l-ħidmiet tal-bastimenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tikkonċerna l-industriji tas-sajd ta’ stocks bħal dawn, inklużi, fejn ikun xieraq, l-aspetti soċjali u ekonomiċi;

(h)

jistudja u jevalwa l-informazzjoni li tikkonċerna l-metodi u l-proċeduri għaż-żamma u ż-żieda tal-livelli ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

(i)

jippubblika jew inkella jxerred b’xi mod ieħor ir-rapporti dwar is-sejbiet tiegħu u rapporti oħra bħal dawn li jaqgħu fl-ambitu ta’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll data xjentifika, ta’ l-istatistika jew data oħra relatata ma’ l-industriji tas-sajd għall-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni, waqt li jiżgura s-segretezza skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu XXII ta’ din il-Konvenzjoni;

(j)

iwettaq funzjonijiet u kompiti oħra bħal dawn li jistgħu jkunu assenjati lilu.

Artikolu XIV

Il-baġit

1.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tadotta l-baġit tagħha għas-sena ta’ wara, skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu IX ta’ din il-Konvenzjoni. Meta tiġi biex tiddetermina d-daqs tal-baġit, il-Kummissjoni għandha tagħti l-importanza xierqa lill-prinċipju tal-benefiċċji miksuba meta jitqiesu l-flus li jintefqu.

2.   Id-Direttur għandu jressaq għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni abbozz dettaljat ta’ baġit annwali li għandu jidentifika l-ħruġ tal-flus li għandu jsir mill-kontribuzzjonijiet li jissemmew fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu XV u dawk li jissemmew fil-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu XV ta’ din il-Konvenzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha żżomm kontijiet separati għall-attivitajiet imwettqa taħt din il-Konvenzjoni u taħt l-AIDCP. Is-servizzi li għandhom ikunu provduti lill-AIDCP u l-ispejjeż korrispondenti li ġew ikkalkulati għandhom ikunu speċifikati fil-baġit tal-Kummissjoni. Id-Direttur għandu jipprovdi għal-Laqgħa tal-Partijiet għall-AIDCP għall-approvazzjoni tagħha, u qabel is-sena li fiha jkunu se jingħataw is-servizzi, l-estimi tas-servizzi u ta’ l-ispejjeż tagħhom korrispondenti għall-kompiti li għandhom jitwettqu skond dak il-Ftehim.

4.   Il-kontijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti għal verifika finanzjarja indipendenti ta’ kull sena.

Artikolu XV

Il-kontribuzzjonijiet

1.   L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ kull membru tal-Kummissjoni għall-baġit għandu jkun iddeterminat skond l-iskema li l-Kummissjoni għandha tadotta, u temenda, kif ikun meħtieġ, skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu IX ta’ din il-Konvenzjoni. L-iskema adottata mill-Kummissjoni għandha tkun trasparenti u ġusta għall-membri kollha u għandha tkun stabbilita fir-regolamenti finanzjarji tal-Kummissjoni.

2.   Il-kontribuzzjonijiet miftiehma skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu possibbli l-ħidmiet tal-Kummissjoni u għandhom ikopru b’mod opportun il-baġit annwali adottat skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu XIV ta’ din il-Konvenzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi fond li fih tirċievi kontribuzzjonijiet volontarji għar-riċerka dwar, u għall-konservazzjoni ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni u, fejn ikun xieraq, għall-ispeċijiet assoċjati jew dipendenti, u għall-konservazzjoni ta’ l-ambjent tal-baħar.

4.   Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu IX ta’ din il-Konvenzjoni, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidiex mod ieħor, jekk membru tal-Kummissjoni jkun lura fil-pagament tal-kontribuzzjonijiet tiegħu b’ammont daqs jew ogħla mit-total tal-kontribuzzjonijiet li għandu jħallas għall-erbgħa u għoxrin (24) xahar preċedenti, dak il-membru m’għandux ikollu d-dritt li jieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kummissjoni sakemm iwettaq l-obbligi tiegħu skond dan l-Artikolu.

5.   Kull membru tal-Kummissjoni għandu jħallas minn butu l-ispejjeż li jinqalgħu minħabba li jattendi l-laqgħat tal-Kummissjoni u tal-korpi sussidjarji tagħha.

Artikolu XVI

It-trasparenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi t-trasparenza fl-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, fil-proċessi tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet u f’attivitajiet oħra, inter alia, billi:

(a)

ixxerred fil-pubbliku informazzjoni rilevanti li mhix konfidenzjali;

u

(b)

fejn ikun xieraq, tiffaċilita konsultazzjonijiet ma’, u l-parteċipazzjoni effettiva ta’, organizzazzjonijiet mhux governattivi, rappreżentanti ta’ l-industrija tas-sajd, b’mod partikolari tal-flotta tas-sajd, u korpi u individwi oħra interessati.

2.   Ir-rappreżentanti ta’ dawk li mhumiex Parti għall-Konvenzjoni, ta’ l-organizzazzjonijiet intergovernattivi rilevanti, u ta’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi l-organizzazzjonjijiet ambjentali b’esperjenza rikonoxxuta fil-kwistjonijiet relatati mal-Kummissjoni u ma’ l-industrija tat-tonn ta’ kwalunkwe wieħed mill-membri tal-Kummissjoni li jopera fiż-Żona tal-Konvenzjoni, b’mod partikolari tal-flotta tas-sajd tat-tonn, għandhom jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Kummissjoni u tal-korpi sussidjarji tagħha, bħala osservaturi jew inkella, kif ikun xieraq, skond il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fl-Anness 2 ta’ din il-Konvenzjoni kif ukoll oħrajn li l-Kummissjoni tista’ tadotta. Parteċipanti bħal dawn għandhom ikollhom aċċess opportun għall-informazzjoni rilevanti, bla ħsara għar-regoli tal-proċedura u tas-segretezza li l-Kummissjoni tista’ tadotta, meta jkun hemm aċċess għal informazzjoni bħal din.

PARTI IV

ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAL-MEMBRI TAL-KUMMISSJONI

Artikolu XVII

Id-drittijiet ta’ l-Istati

L-ebda dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma tista’ tiġi interpretata b’tali mod li tippreġudika jew tfixkel is-sovranità, id-drittijiet sovrani, jew il-ġurisdizzjoni eżerċitata minn kwalunkwe Stat skond il-liġi internazzjonali, kif ukoll il-pożizzjoni jew l-opinjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-liġi tal-baħar.

Artikolu XVIII

L-implimentazzjoni, il-Konformità u l-infurzar min-naħa tal-Partijiet

1.   Kull Parti għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-implimentazzjoni ta’, u l-konformità ma’, din il-Konvenzjoni u kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni jew amministrazzjoni li tiġi adottata skond il-Konvenzjoni, inkluż l-adozzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti meħtieġa.

2.   Kull Parti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li tista’ tkun meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta’ din il-Konvenzjoni, inkluża informazzjoni bijoloġika jew dwar l-istatistika u informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd tagħha fiż-Żona tal-Konvenzjoni, u għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex ikunu implimentati l-miżuri adottati skond din il-Konvenzjoni, meta dawn jintalbu jagħmlu hekk mill-Kummissjoni u meta jkun xieraq, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu XXII ta’ din il-Konvenzjoni u skond ir-regoli tal-proċedura li għandhom jiġu żviluppati u adottati mill-Kummissjoni.

3.   Kull Parti għandha minnufih, permezz tad-Direttur, tinforma lill-Kumitat għar-Reviżjoni ta’ l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Adottati mill-Kummissjoni stabbilit skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu X ta’ din il-Konvenzjoni b’dan li ġej:

(a)

id-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi, inklużi dawk relatati ma’ ksur ta’ regolamenti u sanzjonijiet, applikabbli għall-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni;

(b)

l-azzjonijiet meħuda sabiex tkun żgurata l-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni, inkluż, fejn meħtieġ, analiżi ta’ każi individwali u d-deċiżjoni finali li tittieħed

4.   Kull Parti għandha:

(a)

tawtorizza l-użu u r-rilaxx, suġġett għal kwalunkwe regola ta’ segretezza applikabbli, ta’ informazzjoni rilevanti rreġistrata minn osservaturi tal-Kummissjoni jew ta’ programm nazzjonali li kienu abbord il-bastiment;

(b)

tiżgura li s-sidien tal-bastimenti u/jew il-kaptani jippermettu lill-Kummissjoni, skond ir-regoli ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, tiġbor u tanalizza l-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tal-Kumitat għar-Reviżjoni ta’ l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Adottati mill-Kummissjoni;

(ċ)

kull sitt xhur tipprovdi lill-Kummissjoni b’rapport dwar l-attivitajiet tal-bastimenti tagħha tas-sajd tat-tonn u kwalunkwe informazzjoni oħra neċessarja għall-ħidma tal-Kumitat għar-Reviżjoni ta’ l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Adottati mill-Kummissjoni.

5.   Kull Parti għandha tieħu miżuri biex tiżgura li l-bastimenti li joperaw f’ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha huma konformi ma’ din il-Konvenzjoni u mal-miżuri adottati fiha.

6.   Kull Parti, fejn għandha raġunijiet biżżejjed biex temmen li bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat ieħor qed iwettaq xi attività li tfixkel l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati għaż-Żona tal-Konvenzjoni, għandha tiġbed l-attenzjoni ta’ l-Istat tal-bandiera kkonċernat u tista’, kif ikun xieraq, tressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. Il-Parti kkonċernata għandha tipprovdi lill-Istat tal-bandiera b’evidenza sħiħa ta’ appoġġ u tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni b’sommarju ta’ evidenza bħal din. Il-Kummissjoni m’għandhiex tiċċirkola informazzjoni bħal din qabel ma’ l-Istat tal-bandiera jkollu l-opportunità li jikkummenta, f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, dwar l-allegazzjoni u l-evidenza mressqa għall-konsiderazzjoni tiegħu, jew li joġġezzjona għalihom skond kif ikun il-każ.

7.   Kull Parti, fuq it-talba tal-Kummissjoni jew ta’ kwalunkwe Parti oħra, meta tkun provduta b’informazzjoni rilevanti li bastiment taħt il-ġurisdizzjoni tagħha iwettaq attivitajiet li jmorru kontra l-miżuri adottati skond din il-Konvenzjoni, għandha twettaq investigazzjoni bir-reqqa, u jekk ikun xieraq, tipproċedi skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha u tinforma, malajr kemm jista’ jkun, lill-Kummissjoni u, jekk japplika, lill-Parti l-oħra, bir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet tagħha u bl-azzjonijiet li ttieħdu.

8.   Kull Parti għandha tapplika, skond il-liġijiet nazzjonali tagħha u b’mod li huwa konsistenti mal-liġi internazzjonali, sanzjonijiet serji biżżejjed sabiex ikunu effettivi ħalli jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u mal-miżuri adottati minħabba fiha u sabiex iċaħħdu lil min jikser il-liġi mill-benefiċċji li jkunu qed jakkumulaw mill-attivitajiet illegali tagħhom, inkluż, kif inhu xieraq, ċaħda, sospensjoni jew irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sajd.

9.   Il-Partijiet li l-kosti tagħhom idawru ż-Żona tal-Konvenzjoni jew li l-bastimenti tagħhom jistadu għall-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni jew li l-qabda tal-ħut tinħatt u tiġi pproċessata fit-territorju tagħhom għandhom jikkoperaw sabiex tkun żgurata l-konformità ma’ din il-Konvenzjoni u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni, inkluż permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri u skemi ta’ koperazzjoni, kif ikun xieraq.

10.   Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li l-bastimenti li jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni wettqu attivitajiet li jfixklu l-effikaċja ta’, jew b’xi mod ieħor jiksru, il-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni, il-Partijiet jistgħu jieħdu azzjoni, skond ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni u skond din il-Konvenzjoni u l-liġi internazzjonali, biex jiskoraġġixxu lil bastimenti bħal dawn minn attivitajiet simili sakemm tittieħed azzjoni xierqa mill-Istat tal-bandiera biex jiżgura li bastimenti bħal dawn ma jissoktawx b’dawn l-attivitajiet.

Artikolu XIX

L-implimentazzjoni, il-Konformità u l-infurzar min-naħa ta’ l-entitajiet tas-sajd

L-Artikolu XVIII ta’ din il-Konvenzjoni japplika, mutatis mutandis, għall-entitajiet tas-sajd li huma membri tal-Kummissjoni.

Artikolu XX

Id-dmirijiet ta’ l-Istati tal-bandiera

1.   Kull Parti għandha, skond il-liġi internazzjonali, tieħu tali miżuri li jistgħu jkunu neċessarji sabiex tiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha huma konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u mal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati skond il-Konvenzjoni, u li bastimenti bħal dawn ma jwettqu l-ebda attività li tista’ tfixkel l-effikaċja ta’ miżuri bħal dawn.

2.   L-ebda Parti m’għandha tippermetti lil kwalunkwe bastiment li jkun intitolat li jtajjar il-bandiera tagħha li jintuża għas-sajd ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni sakemm ma ġiex awtorizzat li jagħmel hekk mill-awtorità jew mill-awtoritajiet xierqa ta’ dik il-Parti. Parti għandha tawtorizza l-użu ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha għas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni biss meta tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta’ bastimenti bħal dawn taħt din il-Konvenzjoni.

3.   Minbarra l-obbligi tagħha msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, kull Parti għandha tieħu tali miżuri li jistgħu jkunu neċessarji biex tiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha ma jistadux f’żoni li jkunu taħt is-sovranità jew taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali ta’ kwalunkwe Stat ieħor fiż-Żona tal-Konvenzjoni mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni korrispondenti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat.

Artikolu XXI

Id-dmirijiet ta’ l-entitajiet tas-sajd

L-Artikolu XX ta’ din il-Konvenzjoni japplika, mutatis mutandis, għall-entitajiet tas-sajd li huma membri tal-Kummissjoni.

PARTI V

IS-SEGRETEZZA

Artikolu XXII

Is-segretezza

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli ta’ segretezza għall-korpi u għall-individwi kollha li, skond din il-Konvenzjoni, ingħataw aċċess għall-informazzjoni.

2.   Minkejja kwalunkwe regola ta’ segretezza li tista’ tkun adottata skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe persuna b’aċċess għal informazzjoni konfidenzjali bħal din tista’ tikxef tali informazzjoni f’konnessjoni ma’ proċedimenti legali jew amministrattivi, jekk tintalab tagħmel dan mill-awtorità kompetenti kkonċernata.

PARTI VI

IL-KOPERAZZJONI

Artikolu XXIII

Il-koperazzjoni u l-assistenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tfittex li tadotta miżuri relatati ma’ l-assistenza teknika, it-trasferiment tat-teknoloġija, it-taħriġ u forom oħra ta’ koperazzjoni, biex tassisti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma membri tal-Kummissjoni biex jilħqu l-obbligi tagħhom taħt din il-Konvenzjoni, kif ukoll biex ikabbru l-abbiltà tagħhom li jiżviluppaw industriji tas-sajd taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali rispettiva tagħhom u biex jipparteċipaw fl-industriji tas-sajd fl-ibħra internazzjonali fuq bażi sostenibbli.

2.   Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu tali koperazzjoni, b’mod speċjali dik finanzjarja u teknika, u t-trasferiment tat-teknoloġija, kif tista’ tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu XXIV

Il-koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet jew arranġamenti oħra

1.   Il-Kummissjoni għandha tikkopera ma’ organizzazzjonijiet u arranġamenti ta’ l-industriji tas-sajd sub-reġjonali, reġjonali u globali u, fejn huwa meħtieġ, għandha tistabbilixxi arranġamenti istituzzjonali rilevanti bħal kumitati konsultattivi, bi ftehim ma’ organizzazzjonijiet u arranġamenti bħal dawn, sabiex tinkoraġġixxi l-kisba ta’ l-għan ta’ din il-Konvenzjoni, tinkiseb l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, u jkun evitat l-irdoppjar tax-xogħol tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni, fi ftehim ma’ l-organizzazzjonijiet jew l-arranġamenti rilevanti, għandha tadotta r-regoli ta’ ħidma għall-arranġamenti istituzzjonali stabbiliti skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Fejn iż-Żona tal-Konvenzjoni tidħol fuq iż-żona li taqa’ taħt ir-regolazzjoni ta’ organizzazzjoni oħra li tamministra l-industriji tas-sajd, il-Kummissjoni għandha tikkopera ma’ organizzazzjoni bħal din sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, permezz ta’ konsultazzjonijiet jew arranġamenti oħra, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiftiehem ma’ l-organizzazzjoni l-oħra dwar il-miżuri rilevanti li għandhom jittieħdu, bħal li jkunu żgurati l-armonizzazzjoni u l-kompatibilità tal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni u mill-organizzazzjoni l-oħra, jew li jkun deċiż li l-Kummissjoni jew l-organizzazzjoni l-oħra, kif ikun xieraq, jevitaw li jieħdu miżuri fir-rigward ta’ speċijiet f’dik iż-żona li huma regolati mill-oħra.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu applikati, kif ikun xieraq, għall-każ ta’ l-istocks tal-ħut li jgħaddu minn żoni li jaqgħu taħt l-ambitu tal-Kummissjoni u ta’ organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet jew arranġamenti oħra.

PARTI VII

RIŻOLUZZJONI TA’ TILWIM

Artikolu XXV

Ir-riżoluzzjoni tat-tilwim

1.   Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jikkoperaw sabiex jevitaw it-tilwim. Kwalunkwe membru jista' jikkonsulta ma’ membru ieħor jew ma’ aktar minn wieħed dwar kwalunkwe argument relatat ma’ l-interpretazzjoni jew ma’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni sabiex jintlaħaq ftehim sodisfaċenti għal kulħadd malajr kemm jista’ jkun.

2.   Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar tilwima permezz ta’ konsultazzjoni bħal din f’perjodu raġonevoli, il-membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw bejniethom mill-aktar fis possibbli sabiex isolvu l-argument bi kwalunkwe mezz paċifiku li jistgħu jaqblu dwaru, skond il-liġi internazzjonali.

3.   F’każi fejn żewġ membri tal-Kummissjoni jew aktar jaqblu li għandhom tilwima ta’ natura teknika, u li ma jistgħux isolvuha bejniethom, jistgħu jirreferu dan l-argument, bil-kunsens ta’ xulxin, lil bord ta’ esperti mhux vinkolanti ad hoc ifformat fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni skond il-proċeduri adottati mill-Kummissjoni għal dan il-għan. Il-bord għandu jikkonsulta mal-membri kkonċernati u għandu jipprova jsolvi t-tilwima malajr kemm jista’ jkun u mingħajr ma jirrikorri għall-proċeduri vinkolanti biex jinstab ftehim għall-argumenti.

PARTI VIII

DAWK LI MHUMIEX MEMBRI

Artikolu XXVI

Dawk li mhumiex membri

1.   Il-Kummissjoni u l-membri tagħha għandhom iħeġġu lill-Istati kollha u lill-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika msemmija fl-Artikolu XXVII ta’ din il-Konvenzjoni u, kif inhu xieraq, lill-entitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu XXVIII ta’ din il-Konvenzjoni li mhumiex membri tal-Kummissjoni biex isiru membri jew biex jadottaw liġijiet u regolamenti li jkunu konsistenti ma’ din il-Konvenzjoni.

2.   Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom, jew direttament jew permezz tal-Kummissjoni, fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tal-bastimenti ta’ dawk li mhumiex membri li jistgħu jfixklu l-effikaċja ta’ din il-Konvenzjoni.

3.   Il-Kummissjoni u l-membri tagħha għandhom jikkoperaw, b’mod konsistenti ma’ din il-Konvenzjoni u mal-liġi internazzjonali, biex flimkien jiskoraġġixxu bastimenti ta’ dawk li mhumiex membri milli jwettqu attivitajiet li jfixklu l-effikaċja ta’ din il-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, il-membri għandhom, inter alia, jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li mhumiex membri dwar attivitajiet bħal dawn imwettqa mill-bastimenti tagħhom.

PARTI IX

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu XXVII

L-iffirmar

1.   Din il-Konvenzjoni se tkun miftuħa għall-iffirmar f’Washington mill-14 ta’ Novembru 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2004 min-naħa ta’:

(a)

il-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-1949;

(b)

l-Istati li mhumiex Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-1949 b’kosta li ddawwar iż-Żona tal-Konvenzjoni;

u

(ċ)

l-Istati u l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li mhumiex Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-1949 u li l-bastimenti tagħhom stadu għal stocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni fi kwalunkwe żmien matul l-erba’ snin preċedenti l-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u li ħadu sehem fin-negozjati ta’ din il-Konvenzjoni;

u

(d)

Stati oħra li mhumiex Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-1949 u li l-bastimenti tagħhom stadu għal stocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni fi kwalunkwe żmien matul l-erba’ snin qabel l-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, wara konsultazzjonijiet mal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-1949.

2.   Fir-rigward ta’ l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jissemmew fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ebda Stat li huwa membru ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn ma jista’ jiffirma din il-Konvenzjoni sakemm ma jirrappreżentax territorju li jinsab barra mill-ambitu territorjali tat-trattat li jistabbilixxi l-organizzazzjoni u sakemm il-parteċipazzjoni ta’ tali Stat li huwa membru ta’ l-organizzazzjoni se tkun limitata għar-rappreżentazzjoni ta’ l-interessi ta’ dak it-territorju.

Artikolu XXVIII

L-entitajiet tas-sajd

1.   Kwalunkwe entità tas-sajd li l-bastimenti tagħha stadu għal stocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni fi kwalunkwe żmien matul l-erba’ snin qabel l-adozzjoni ta’ din il-Konvenzjoni tista’ tesprimi l-impenn sħiħ tagħha li timxi mat-termini ta’ din il-Konvenzjoni u tkun konformi ma’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottata skond il-Konvenzjoni, billi:

(a)

tiffirma, matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu XXVII ta’ din il-Konvenzjoni, strument abbozzat li jgħid dan skond riżoluzzjoni li għandha tkun adottata mill-Kummissjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ l-1949;

u/jew

(b)

matul jew wara l-perjodu msemmi aktar ’il fuq, tipprovdi komunikazzjoni bil-miktub lid-Depożitarju skond riżoluzzjoni li għandha tkun adottata mill-Kummissjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ l-1949. Id-Depożitarju għandu minnufih jipprovdi kopja ta’ din il-komunikazzjoni lill-firmatarji u lill-Partijiet kollha.

2.   L-impenn espress skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ mid-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu XXXI ta’ din il-Konvenzjoni, jew fid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skond liema minnhom hija l-aktar tard.

3.   Kwalunkwe entità tas-sajd imsemmija aktar ’il fuq tista’ tesprimi l-impenn sħiħ tagħha li timxi mat-termini ta’ din il-Konvenzjoni minħabba li tista’ tkun emendata skond l-Artikolu XXXIV jew l-Artikolu XXXV ta’ din il-Konvenzjoni billi tipprovdi komunikazzjoni bil-miktub li tgħid dan lid-Depożitarju skond ir-riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-impenn espress skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ mid-dati msemmija fil-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu XXXIV u fil-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu XXXV ta’ din il-Konvenzjoni, jew fid-data tal-komunikazzjoni bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, liema minnhom hija l-aktar tard.

Artikolu XXIX

Ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni

Din il-Konvenzjoni hija suġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni min-naħa tal-firmatarji skond il-liġijiet u l-proċeduri interni tagħhom.

Artikolu XXX

L-adeżjoni

Din il-Konvenzjoni għandha tibqa’ miftuħa għall-adeżjoni min-naħa ta’ kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika:

(a)

li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu XXVII ta’ din il-Konvenzjoni;

jew

(b)

li l-bastimenti tagħhom jistadu għall-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni, wara konsultazzjonijiet mal-Partijiet;

jew

(ċ)

li ġew mistiedna b’mod ieħor biex jaderixxi fuq il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda mill-Partijiet.

Artikolu XXXI

Id-dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ ħmistax(15)-il xahar wara li jiġi ddepożitat mad-Depożitarju s-seba’ strument tar-ratifika, ta’ l-aċċettazzjoni, approvazzjoni jew ta’ l-adeżjoni tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ l-1949 li kienu Partijiet għal dik il-Konvenzjoni fid-data li fiha nfetħet din il-Konvenzjoni biex tkun iffirmata.

2.   Wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, fir-rigward ta’ kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu XXVII jew ta’ l-Artikolu XXX, din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ għall-Istat imsemmi jew għall-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika msemmija fit-tletin (30) jum wara d-depożitu ta’ l-istrument tagħha tar-ratifika, ta’ l-aċċettazzjoni, ta’ l-approvazzjoni jew ta’ l-adeżjoni.

3.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, din il-Konvenzjoni għandha tiddomina fuq il-Konvenzjoni ta’ l-1949, fejn għandhom x’jaqsmu l-Partijiet ta’ din il-Konvenzjoni u dawk tal-Konvenzjoni ta’ l-1949.

4.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni u l-arranġamenti l-oħra adottati mill-Kummissjoni taħt il-Konvenzjoni ta’ l-1949 għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, jintemmu b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, jew jeħdulhom posthom miżuri oħra adottati skond din il-Konvenzjoni.

5.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, Parti għall-Konvenzjoni ta’ l-1949 li għadha ma tatx il-kunsens tagħha biex tintrabat minn din il-Konvenzjoni għandha tibqa’ titqies bħala membru tal-Kummissjoni sakemm din il-Parti ma tiddeċidix li ma tibqax membru billi tinnotifika din id-deċiżjoni bil-kitba lid-Depożitarju qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni.

6.   Għall-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni ta’ l-1949, mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni ta’ l-1949 għandha titqies bħala mitmuma skond ir-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali kif riflessi fl-Artikolu 59 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

Artikolu XXXII

L-applikazzjoni provviżorja

1.   Skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu XXVII jew ta’ l-Artikolu XXX ta’ din il-Konvenzjoni jistgħu japplikaw din il-Konvenzjoni b’mod provviżorju billi jinnotifikaw din id-deċiżjoni bil-miktub lid-Depożitarju. Applikazzjoni provviżorja bħal din għandha tibda f’liema data tiġi l-aktar tard bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni u d-data li fiha d-Depożitarju jirċievi tali notifika.

2.   L-applikazzjoni provviżorja ta’ din il-Konvenzjoni min-naħa ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tintemm mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni għal dak l-Istat jew għal dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika, jew malli dak l-Istat jew dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jinnotifika lid-Depożitarju bl-intenzjoni tiegħu li jtemm l-applikazzjoni provviżorja tiegħu ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu XXXIII

Ir-riservi

Ma tista’ ssir l-ebda riserva għal din il-Konvenzjoni.

Artikolu XXXIV

L-emendi

1.   Kwalunkwe membru tal-Kummissjoni jista’ jipproponi emenda għall-Konvenzjoni billi jipprovdi t-test ta’ l-emenda proposta lid-Direttur mill-inqas sittin (60) jum qabel laqgħa tal-Kummissjoni. Id-Direttur għandu minnufih jipprovdi kopja ta’ dan it-test lill-membri l-oħra kollha.

2.   L-emendi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu adottati skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu IX ta’ din il-Konvenzjoni.

3.   L-emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom jidħlu fis-seħħ disgħin (90) jum wara li l-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni, fiż-żmien li l-emendi ġew approvati, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom tar-ratifika, ta’ l-aċċettazzjoni jew ta’ l-approvazzjoni ta’ emendi bħal dawn mad-Depożitarju.

4.   L-Istati jew l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jsiru Partijiet għall-Konvenzjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emendi għall-Konvenzjoni jew għall-annessi tagħha għandhom jitqiesu bħala Parti għall-Konvenzjoni kif kienet emendata.

Artikolu XXXV

L-Annessi

1.   L-Annessi ta’ din il-Konvenzjoni huma parti integrali mill-Konvenzjoni u, sakemm ma jkunx espress mod ieħor, referenza għal din il-Konvenzjoni tinkludi referenza għall-Annessi tagħha

2.   Kwalunkwe membru tal-Kummissjoni jista’ jipproponi emenda għal Anness tal-Konvenzjoni billi jipprovdi t-test ta’ l-emenda proposta lid-Direttur mill-inqas sittin (60) jum qabel laqgħa tal-Kummissjoni. Id-Direttur għandu minnufih jipprovdi kopja ta’ dan it-test lill-membri l-oħra kollha.

3.   L-emendi għall-Annessi għandhom ikunu adottati skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu IX ta’ din il-Konvenzjoni.

4.   Jekk ma jkunx hemm ftehim mod ieħor, l-emendi għal Anness għandhom jidħlu fis-seħħ għall-membri kollha tal-Kummissjoni disgħin (90) jum wara l-adozzjoni tagħhom skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu XXXVI

L-irtirar

1.   Kwalunkwe Parti tista’ tirtira fi kwalunkwe żmien wara tnax(12)-il xahar mid-data li fiha daħlet fis-seħħ din il-Konvenzjoni fir-rigward ta’ dik il-Parti, billi tagħti avviż ta’ rtirar bil-miktub lid-Depożitarju. Id-Depożitarju għandu jinforma lill-Partijiet l-oħra bl-irtirar fi żmien tletin (30) jum minn mindu jirċievi avviż bħal dan. L-irtirar għandu jsir effettiv sitt (6) xhur wara li d-Depożitarju jkun irċieva tali avviż.

2.   Dan l-artikolu japplika, mutatis mutandis, għal kwalunkwe entità tas-sajd fir-rigward ta’ l-impenn tagħha taħt l-Artikolu XXVIII ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu XXXVII

Id-depożitarju

It-testi oriġinali ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu ddepożitati mal-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, li għandu jibgħat kopji ċċertifikati tagħhom lill-firmatarji u lill-Partijiet għall-Konvenzjoni, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex ikunu rreġistrati u ppubblikati, skond l-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji li isimhom jidher imniżżel hawn taħt, wara li ġew awtorizzati b’mod xieraq mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

MAGĦMULA f’Washington, fl-14 ta’ Novembru, 2003, bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bil-Franċiż, bit-tliet testi awtentiċi bl-istess mod.


ANNESS 1

Il-linji ta’ gwida u l-kriterji biex ikunu stabbiliti r-reġistri tal-bastimenti

1.

Fl-applikazzjoni tas-sub-paragrafu (k) tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu XII ta’ din il-Konvenzjoni, kull Parti għandha żżomm reġistru tal-bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera tagħha u li huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona tal-Konvenzjoni għall-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni, u għandha tiżgura li l-informazzjoni li ġejja titniżżel f’dak ir-reġistru għall-bastimenti kollha bħal dawk:

(a)

Isem il-bastiment, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-ismijiet preċedenti (jekk ikunu magħrufa) u l-port tar-reġistrazzjoni;

(b)

Ritratt tal-bastiment li juri n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu;

(ċ)

L-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien;

(d)

L-isem u l-indirizz ta’ l-operatur(i) u/jew tal-maniġer(s) jekk hemm;

(e)

Il-bandiera preċedenti (jekk tkun magħrufa u jekk hemm);

(f)

Is-Sinjal Internazzjonali tas-Sejħa bir-Radju (jekk ikun il-każ);

(g)

Fejn u meta ġie mibni;

(h)

It-tip ta’ bastiment;

(i)

It-tip ta’ metodi tas-sajd;

(j)

It-tul, il-latta u l-għoli ta’ buq il-bastiment;

(k)

It-tunnellaġġ totali;

(l)

Il-qawwa tal-magna jew tal-magni prinċipali;

(m)

In-natura ta’ l-awtorizzazzjoni għas-sajd mogħtija mill-Istat tal-bandiera;

(n)

It-tip tal-friża, il-kapaċità tal-friża, u n-numru u l-kapaċità tal-post fejn jinżamm il-ħut.

2.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teżenta xi bastimenti mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Anness fuq il-bażi tat-tul jew ta’ karatteristika oħra tagħhom.

3.

Kull Parti għandha tipprovdi lid-Direttur, skond il-proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Anness u għandha minnufih tinnotifika lid-Direttur bi kwalunkwe bidla f’tali informazzjoni.

4.

Kull Parti wkoll għandha minnufih tinforma lid-Direttur bi:

(a)

kwalunkwe żieda fir-reġistru;

(b)

tħassir mir-reġistru minħabba:

(i)

l-abbandun volontarju jew in-nuqqqas ta’ tiġdid ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sajd min-naħa tas-sid jew ta’ l-operatur tal-bastiment;

(ii)

l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa għall-bastiment skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu XX, ta’ din il-Konvenzjoni;

(iii)

il-fatt li l-bastiment m’għadux intitolat iktar li jtajjar il-bandiera tagħha;

(iv)

ir-rimi, l-irtirar mis-servizz jew it-telfa ta’ bastiment;

u

(v)

kwalunkwe raġuni oħra,

waqt li tiġi speċifikata liema minn dawn ir-raġunijiet elenkati aktar ’il fuq hija applikabbli.

5.

Dan l-Anness japplika, mutatis mutandis, għall-entitajiet tas-sajd li huma membri tal-Kummissjoni.


ANNESS 2

Il-principji u l-kriterji ghall-partecipazzjoni ta’ l-osservaturi fil-laqghat tal-Kummissjoni

1.

Id-Direttur għandu jistieden għal-laqgħat tal-Kummissjoni msejħa skond l-Artikolu VIII ta’ din il-Konvenzjoni lill-organizzazzjonijiet inter-governattivi li l-ħidma tagħhom hija rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll lil dawk li mhumiex Partijiet għall-Konvenzjoni imma li huma interessati fil-konservazzjoni u fl-użu sostenibbli ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni li jitolbu biex jattendu għal-laqgħat.

2.

L-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu XVI ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat kollha tal-Kummissjoni u tal-korpi sussidjarji tagħha msejħa skond l-Artikolu VIII ta’ din il-Konvenzjoni, għajr għal dawk il-laqgħat li jsiru f’sessjoni eżekuttiva jew għal-laqgħat tal-Kapi tad-Delegazzjoni.

3.

Kwalunkwe NGO li tixtieq tieħu sehem bħala osservatur f’laqgħa tal-Kummissjoni għandha tinnotifika lid-Direttur bit-talba tagħha mill-inqas ħamsin (50) jum qabel il-laqgħa. Id-Direttur għandu jinnotifika lill-membri tal-Kummissjoni bl-ismijiet ta’ tali NGOs, flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Anness, mill-inqas ħamsa u erbgħin (45) jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

4.

Jekk laqgħa tal-Kummissjoni ssir b’inqas minn ħamsin (50) jum ta’ avviż, id-Direttur għandu jkun iktar flessibbli fir-rigward ta’ l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Anness.

5.

NGO li tixtieq tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kummissjoni u tal-korpi sussidjarji tagħha tista’ tingħata wkoll il-permess li tagħmel dan fuq bażi annwali, bla ħsara għall-paragrafu 7 ta’ dan l-Anness.

6.

It-talbiet għall-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Anness għandhom jinkludu l-isem u fejn jinsab l-uffiċċju ta’ l-NGO, u deskrizzjoni tal-missjoni tagħha u kif il-missjoni u l-attivitajiet tagħha huma relatati mal-ħidma tal-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, tali informazzjoni għandha tkun aġġornata.

7.

NGO li tixtieq tipparteċipa bħala osservatur tista’ tagħmel dan, sakemm mill-inqas terz tal-membri tal-Kummissjoni ma joġġezzjonawx bil-miktub għal din il-parteċipazzjoni.

8.

L-osservaturi kollha li jitħallew jattendu għal xi laqgħa tal-Kummissjoni għandha tintbagħtilhom jew għandhom ikunu provduti bl-istess dokumentazzjoni li tkun disponibbli b’mod ġenerali għall-membri tal-Kummissjoni, għajr għal dokumentazzjoni li jkun fiha data konfidenzjali marbuta man-negozju.

9.

Kwalunkwe osservatur li jitħalla jattendi għal laqgħa tal-Kummissjoni jista’:

(a)

jattendi laqgħat, bla ħsara għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness, imma ma jistax jivvota;

(b)

jagħmel dikjarazzjonijiet orali matul il-laqgħat fuq stedina tal-President;

(ċ)

iqassam dokumenti fil-laqgħa, bl-approvazzjoni tal-President;

u

(d)

jieħu sehem f’attivitajiet oħra, kif ikun xieraq u skond l-approvazzjoni tal-President.

10.

Id-Direttur jista’ jitlob lil osservaturi li mhumiex Partijiet għall-Konvenzjoni u li huma NGOs biex iħallsu miżati raġonevoli, u biex ikopru l-ispejjeż li jinħolqu minħabba l-preżenza tagħhom.

11.

L-osservaturi kollha li jitħallew jattendu għal-laqgħa tal-Kummissjoni għandhom ikunu konformi mar-regoli u mal-proċeduri kollha applikabbli għall-parteċipanti l-oħra tal-laqgħa.

12.

Kwalunkwe NGO li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 11 ta’ dan l-Anness għandu jiġi eskluż milli jipparteċipa f’aktar laqgħat, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor.


ANNESS 3

Il-Kumitat ghar-revizjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-mizuri adottati mill-Kummissjoni

Il-funzjonijiet tal-Kumitat għar-Reviżjoni ta’ l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Adottati mill-Kummissjoni li ġie stabbilit taħt l-Artikolu X ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

ir-reviżjoni u l-monitoraġġ tal-konformità mal-miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-Kummissjoni, kif ukoll mal-miżuri ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ l-Artikolu XVIII ta’ din il-Konvenzjoni;

(b)

janalizza l-informazzjoni skond il-bandiera jew, meta l-informazzjoni skond il-bandiera ma tkunx tkopri l-każ rilevanti, skond il-bastiment, u skond kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu;

(ċ)

jipprovdi l-Kummissjoni b’informazzjoni, pariri tekniċi u rakkomandazzjonijiet relatati ma’ l-implimentazzjoni ta’, u l-konformità ma’, miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni;

(d)

jirrakkomanda lill-Kummissjoni mezzi biex tkun inkoraġġita l-kompatibilità fost il-miżuri ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-industriji tas-sajd tal-membri tal-Kummissjoni;

(e)

jirrakkomanda lill-Kummissjoni l-mezzi biex tkun inkoraġġita l-implimentazzjoni effettiva tal-paragrafu 10 ta’ l-Artikolu XVIII ta’ din il-Konvenzjoni;

(f)

f’konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza, jirrakkomanda lill-Kummissjoni l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-programm għall-ġbir tad-data u għall-monitoraġġ stabbilit fis-sub-paragrafu (I) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu VII ta’ din il-Konvenzjoni u jivvaluta u jevalwa r-riżultati ta’ dak il-programm;

(g)

iwettaq funzjonijiet oħra bħal dawn skond ma titlob il-Kummissjoni.


ANNESS 4

Il-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza

Il-funzjonijiet tal-Kumitat Xjentifiku ta’ Konsulenza li ġie stabbilit taħt l-Artikolu XI ta’ din il-Konvenzjoni għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jirrevedi l-pjanijiet, il-proposti u l-programmi ta’ riċerka tal-Kummissjoni, u jipprovdi lill-Kummissjoni bil-pariri kif ikun xieraq;

(b)

jirrevedi kwalunkwe valutazzjoni, analiżi, riċerka jew ħidma rilevanti, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ippreparati għall-Kummissjoni mill-istaff xjentifiku tagħha qabel ma l-Kummissjoni tqis rakkomandazzjonijiet bħal dawn, u li jipprovdi informazzjoni, pariri u kummenti addizzjonali, kif ordnat, lill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet;

(ċ)

jirrikkomanda lill-Kummissjoni kwistjonijiet u punti speċifiċi li għandhom ikunu indirizzati mill-istaff xjentifiku bħala parti mill-ħidma tal-ġejjieni tiegħu;

(d)

f’konsultazzjoni mal-Kumitat għar-Reviżjoni ta’ l-Implimentazzjoni tal-Miżuri Adottati mill-Kummissjoni, jirrakkomanda lill-Kummissjoni l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-programm għall-ġbir u għall-monitoraġġ tad-data stabbilit fis-sub-paragrafu (i) tal-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu VII ta’ din il-Konvenzjoni u jivvaluta r-riżultati ta’ dak il-programm;

(e)

jassisti lill-Kummissjoni u lid-Direttur biex jinstabu sorsi ta’ fondi ħalli ssir ir-riċerka li għandha titwettaq taħt din il-Konvenzjoni;

(f)

jiżviluppa u jinkoraġġixi koperazzjoni bejn u fost il-membri tal-Kummissjoni permezz ta’ l-istituzzjonijiet tar-riċerka tagħhom, bil-għan li jespandi l-għarfien u l-fehim ta’ l-istocks tal-ħut koperti minn din il-Konvenzjoni;

(g)

jinkoraġġixxi u jiffaċilita, kif ikun xieraq, il-koperazzjoni tal-Kummissjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra nazzjonali u internazzjonali pubbliċi jew privati b’għanijiet simili;

(h)

iqis kwalunkwe kwistjoni li tirreferilu l-Kummissjoni;

(i)

iwettaq funzjonijiet u kompiti oħra bħal dawn skond kif ikun mitlub jew kif jiġi assenjat lilu mill-Kummissjoni.


Top