Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0007

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta' Jannar 2006 dwar ċerti miżuri ta' ħarsien marbuta ma' l-importazzjoni tar-rix minn ċerti pajjiżi terzi (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 33) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 5, 10.1.2006, p. 17–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 1–3 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/7(1)/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-9 ta' Jannar 2006

    dwar ċerti miżuri ta' ħarsien marbuta ma' l-importazzjoni tar-rix minn ċerti pajjiżi terzi

    (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 33)

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    (2006/7/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza tat-tjur hija marda virali li tittieħed li taffettwa t-tjur tar-razzett u l-għasafar, u li tikkawża numru kbir ta' mwiet u disturbi li jistgħu jilħqu proporzjonijiet epiżootiċi malajr u li aktarx iwasslu għall-periklu serju għas-saħħa ta' l-annimali u tal-pubbliku u għal tnaqqis konsiderevoli tal-profitti mit-trobbija tat-tjur tar-razzett. Hemm riskju li l-aġent tal-marda jista' jiddaħħal permezz tal-kummerċ internazzjonali fit-tjur tar-razzett ħajjin u fil-prodotti tat-tjur tar-razzett, inklużi r-rix mhux ipproċessat.

    (2)

    Bosta tifqigħat ta' l-influenza tat-tjur ġew innotifikati mill-awtoritajiet Torok f'qatgħat domestiċi fl-Anatolja tal-Lvant. Peress li l-marda x'aktarx xterdet fit-Turkija minn għasafar migratorji, il-preżenza tal-marda fl-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, l-Iran, l-Iraq u s-Sirja ma tistax tiġi eskluża.

    (3)

    Bħalissa, l-ebda prodotti tat-tjur tar-razzett għajr rix u partijiet ta' rix mhux ipproċessat ma huma awtorizzati għall-importazzjoni mill-pajjiżi ġirien tat-Turkija.

    (4)

    Skond id-Deċiżjoni 2005/733/KEE (2), l-importazzjonijiet mit-Turkija ta' rix mhux ipproċessat huma diġà sospiżi.

    (5)

    Peress li m'hemmx aktar tagħrif disponibbli dwar is-sorveljanza ta' l-influwenza tat-tjur fil-pajjiżi ġirien tal-parti tal-Lvant tat-Turkija, u minħabba r-riskju tas-saħħa ta' l-annimali ta' l-introduzzjoni tal-marda fil-Komunità, jixraq li jiġu sospiżi l-importazzjonijiet tar-rix u partijiet ta' rix mhux ipproċessat mill-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, l-Iran, l-Iraq u s-Sirja.

    (6)

    Konsegwentement, jixraq li tiġi rekwiżita xhieda ta' trattament għal importazzjonijiet ta' konsenji kummerċjali ta' rix ipproċessat mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

    (7)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Istati Membri għandhom jissospendu l-importazzjoni ta' rix mhux ipproċessat u partijiet ta' rix mhux ipproċessati mit-territorji tal-pajjiżi elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiġu importati mit-territorju tal-pajjiżi elenkati fl-Anness, konsenji ta' rix ipproċessat jew partijiet ta' rix ipproċessat (minbarra rix ipproċessat għat-tiżjin, rix ipproċessat li jġorruh vjaġġaturi għall-użu privat tagħhom jew konsenji ta' rix ipproċessat mibgħut lill-individwi privati għal skopijiet mhux industrijali), dawn jiġu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara li r-rix ipproċessat jew partijiet ta' rix ipproċessat inħasel b'kurrent ta' fwar jew b'xi metodu ieħor li jiżgura l-inattivazzjoni tal-patoġenu.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawn minnufih.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd sat-30 ta' April 2006.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Jannar, 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 24, 31.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta fi ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

    (2)  ĠU L 274, 20.10.2005, p. 102.


    ANNESS

    Il-pajjiżi msemmija fl-Artikoli 1 u 2 ta' din id-Deċiżjoni:

    Il-Ġeorġja

    L-Armenja

    L-Ażerbajġan

    L-Iran

    L-Iraq

    Is-Sirja


    Top