Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2168

2168/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2168/2005 tat- 23 ta’ Diċembru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/94 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-Fondi ta’ Koeżjoni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam

ĠU L 345, 28.12.2005, p. 15–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 391–394 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/01/2007; Impliċitament imħassar minn 32006R1828

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2168/oj

21.11.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

391


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2168/2005

tat-23 ta’ Diċembru 2005

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/94 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-Fondi ta’ Koeżjoni u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 1994 li jistabbilixxi il-Fondi ta’ Koeżjoni (1) u partikolarment l-Artikolu 12, paragrafu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/94 (2) japplika għall-azzjonijiet eliġibbli kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1164/94;

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/94 jeħtieġ li jiġi aġġornat sabiex titjieb l-effettività tas-sistema ta’ rappurtar ta’ l-irregolaritajiet;

(3)

Ta’ min jispeċifika li d-definizzjoni ta’ l-irregolarità għall-fini tar-Regolament (KE) Nru 1831/94 hija meħudha mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (3).

(4)

Huwa meħtieġ li jiġi ddefinit il-kunċett ta’suspett ta’ frodi fl-isfond tad-definizzjoni ta’ frodi li tinsab fil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (4).

(5)

Ikun xieraq li d-definizzjoni ta’ “Sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja” tkun taqbel ma’ dik stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1681/94 tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 1994 dwar l-irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin fil-qafas tal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni tas-sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (5).

(6)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi definit il-kunċett ta’ “falliment” u dak ta’ “operatur ekonomiku”.

(7)

Sabiex jissaħħaħ il-valur miżjud tas-sistema ta’ komunikazzjoni, l-obbligu li jiġu rrappurtati każijiet ta’ suspett ta’ frodi għandhom jiġu speċifikati sabiex ir-riskju jkun jista’ jiġi analizzat. Għal dan il-għan, għandha tiġi żgurata l-kwalità ta’ l-informazzjoni mibgħuta.

(8)

Għandu jiġi speċifikat li r-Regolament (KE) Nru 1831/94 għandu jibqa’ applikabbli għall-każijiet ta’ irregolaritajiet ta’ inqas minn €10 000 diġà rrappurtati;

(9)

Huwa meħtieġ li tkun speċifikata l-informazzjoni kkunsidrata bħala neċessarja sabiex tippermetti t-trattament tal-każijiet fejn l-irkupru la jista jiġi effettwat u lanqas mistenni.

(10)

Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri li jirriżulta mill-komunikazzjoni u titjieb l-effiċjenza, huwa meħtieġ li jiżdied il-livell minimu li minnu għandhom jibdew jiġu rrappurtati l-każijiet ta’ irregolarità mill-Istati Membri u li jkunu speċifikati l-każijiet fejn l-obbligu tar-rappurtar mhux applikabbli.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/94 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1386/2002 tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju li jistabbilixxi modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1164/94 f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi ta’ tmexxija u kontroll u l-proċedura ta’ implimentazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji dwar assistenza tal-Fondi ta’ Koeżjoni (6).

(12)

Għandhom jiġu kkunsidrati l-obbligi li joħorġu mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data  (7) u mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 95/46/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dan id-data  (8);

(13)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-rati ta’ kambju għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx fiż-żona ta’ l-euro.

(14)

Għalhekk, ir-Reġolament (KE) 1831/94 għandu jkun emendat kif xieraq.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/94 huwa emendat kif ġej:

1)

Ġħandu jiżdied l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

1.

‘irregolarità’: kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li tirriżulta minn att jew nuqqas minn operatur ekonomiku li għandu, jew jista' jkollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Komunitajiet billi jimponi xi nfiq mhux ġustifikat fuq il-baġit tal-Komunità;

2.

‘operatur ekonomiku’: kull persuna fiżika jew ġuridika, kif ukoll l-entitajiet l-oħra li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni ta’ l-assistenza mill-Fondi, bl-eċċezzjoni ta’ l-Istati Membri, li jaġixxu fl-ambitu tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika;

3.

‘sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja’: l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, kemm amministrattiva kif ukoll ġudizzjarja, li tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ fatti konkreti, dwar l-eżistenza ta’ irregolarità mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li din il-konklużjoni tista’ tiġi sussegwentement riveduta jew irtirata wara żviluppi tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja;

4.

‘suspett ta’ frodi’: irregolarità li twassal għal bidu ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji, jew it-tnejn, fuq livell nazzjonali sabiex ikun determinat jekk l-irregolarità kinitx intenzjonata, u partikolarment kinitx frodi kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej;

5.

‘falliment’: proċeduri ta’ insolvenza fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2(a) tar-Regolamenttal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (*);

(*)  ĠU L 160 tat-30.6.2000, p. 1. Regolament emendat bl-Att ta’ Adeżjoni 2003.”"

2)

Artikolu 2 huwa mħassar.

3)

L-Artikolu 3(1) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Matul ix-xahrejn ta’ wara t-tmiem ta’ kull kwart tas-sena, l-Istati Membri benefiċjarji għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull irregolarità li wasslet għal sejba primarja amministrattiva u/jew ġudizzjarja. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu d-dettalji li jikkonċernaw:

a)

l-identifikazzjoni tal-proġett jew ta’ l-azzjoni kkonċernati u n-numru tal-proġett jew il-kodiċi CCI (Kodiċi Komuni ta’ Identifikazzjoni);

b)

id-dispożizzjoni li tkun inkisret;

c)

id-data u s-sors ta’ l-ewwel informazzjoni li twassal għal suspett ta' l-eżistenza ta' irregolarità;

d)

il-prassi użati fit-twettiq ta’ l-irregolarità;

e)

fejn xieraq, jekk il-prassi twassalx għal suspett ta' frodi;

f)

il-mod kif tkun instabet l-irregolarità;

g)

fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kkonċernati;

h)

il-mument li fih jew il-perjodu li matulu twettqet l-irregolarità;

i)

is-servizzi jew l-entitajiet nazzjonali li fasslu r-rapport uffiċjali dwar l-irregolarità u l-awtoritajiet responsabbli għas-segwitu amministrattiv u/jew ġudizzjarju;

j)

id-data ta’ l-ewwel sejba primarja amministrattiva jew ġudizzjarja ta’ l irregolarità;

k)

l-identità tal-persuni fiżiċi u/jew ġuridiċi involuti jew ta’ l-entitajiet l-oħrajn li jieħdu sehem, ħlief meta din l-informazzjoni mhix utli għall-għan tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura ta' l-irregolarità fil-kwistjoni;

l)

l-ammont totali tal-baġit approvat għall-proġett jew l-azzjoni kkonċernata u d-distribuzzjoni tal-finanzjament konġunt tiegħu bejn il-kontribuzzjonijiet Komunitarji, nazzjonali u privati;

m)

l-ammont affettwat mill-irregolarità u d-distribuzzjoni tiegħu bejn il-kontribuzzjonijiet komunitarji, nazzjonali u privati; fil-każ li ma jkun sar l-ebda ħlas ta’ kontribuzzjoni pubblika lill-persuni jew lil entitajiet oħrajn identifikati fil-punt k), l-ammonti li kienu jitħallsu ħażin kieku l-irregolarità ma kinitx identifikata;

n)

l-eventwalità tas-sospensjoni tal-ħlas, fejn xieraq, u l-possibilitajiet tal-ħlas lura;

o)

in-natura tan-nefqa irregolari.

Bħala deroga mill-ewwel paragrafu, il-każijiet li ġejjin m’għandhomx għalfejn jiġu rrappurtati:

il-każijiet fejn l-uniku aspett rilevanti ta’ irregolarità jkun nuqqas li tiġi eżegwita b’mod parzjali jew totali l-azzjoni finanzjata b’mod konġunt mill-baġit tal-Komunità wara l-insolvenza ta’ l-entità ta’ implimentazzjoni jew tar-reċipjent finali. Madankollu, l-irregolaritajiet li jsiru qabel insolvenza jew kull suspett ta’ frodi għandhom jiġu komunikati;

il-każijiet imressqa quddiem l-awtorità amministrattiva mill-benefiċjarju finali u/jew mir-reċipjent finali b’mod spontanju jew qabel is-sejba mill-awtorità kompetenti, kemm qabel kif ukoll wara li jingħata l-kontribut pubbliku;

il-każijiet fejn l-awtorità amministrattiva tosserva żball rigward l-eliġibilità tal-proġett finanzjat u tirranġa l-iżball qabel il-ħlas tal-kontribut pubbliku.”

4)

L-Artikolu 5 għandu jkun emendat kif ġej:

a)

Fil-paragrafu 1, it-tieni inċiż għandu jinbidel bit-test li ġej:

“L-Istati membri benefiċjarji għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id deċiżjonijiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew dwar l-elementi essenzjali ta’ dawn, li għandhom x’jaqsmu ma’ l-għeluq tal-proċeduri u jindikaw partikolarment jekk l-elementi nnutati humiex ġejjin minn suspett ta’ frodi jew le.”

b)

Il-paragrafu 2 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“2.   Ladarba Stat Membru benefiċjarju jqis li ammont ma jistax jiġi mħallas lura totalment, jew ma jistax ikun mistenni li jiġi mħallas lura totalment, dan għandu javża lill-Kummissjoni, b’rapport speċjali, bl-ammont mhux imħallas lura u r-raġunijiet għaliex l-ammont għandu, fl-opinjoni tiegħu, jinġarr mill-Komunità jew mill-Istat Membru benefiċjarju.

Din l-informazzjoni għandha tkun biżżejjed dettaljata biex tippermetti lill-Kummissjoni li tieħu, kemm jista’ jkun malajr u wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat, deċiżjoni dwar min għandu jġorr il-konsegwenzi finanzjarji fis-sens ta’ l-Artikolu 12(1)(3) tar-Regolament (KE) Nru 1164/94;

L-informazzjoni għandha tinkludi għall-inqas dan li ġej:

a)

id-data ta’ l-aħħar pagament lill-entità ta’ implimentazzjoni u/jew lir-reċipjent finali;

b)

kopja ta’ l-ordni ta’ rkupru;

c)

fejn xieraq, kopja tad-dokument li jagħti xhieda ta’ l-insolvenza ta’ l-entità ta’ implimentazzjoni jew tar-reċipjent finali;

d)

deskrizzjoni sommarja tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru, flimkiem mad-dati marbutin magħhom, biex jitħallsu lura l-ammonti konċernati.”

5)

Għandu jiżdied l-Artikolu 6a li ġej:

“Artikolu 6a

L-informazzjoni meħtieġa mill-Artikoli 3 u 4 u mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5, sa fejn hu possibbli titwassal b’mezzi elettroniċi, permezz ta’ l-użu tal-modulu pprovdut mill-Kummissjoni għal dan l-għan, u ta’ konnessjoni protetta.”

6)

Għandu jiżdied l-Artikolu 8a li ġej:

“Artikolu 8a

Il-Kummissjoni tista’ tuża l-informazzjoni kollha ta’ natura ġenerali jew operattiva kkomunikata mill-Istati Membri skond dan ir-Regolament biex twettaq analiżi tar-riskji permezz ta’ mezzi tat-teknoloġija ta’ l-informatika xierqa, u fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi ta’ twissijiet sabiex ikun hemm għarfien aħjar tar-riskji identifikati.”

7)

L-Artikolu 10(3) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-ipproċessar ta’ data personali skond dan ir-Regolament, jitħarsu d-dispożizzjonijiet komunitarji u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali, partikolarment dawk stipulati mid-Direttiva 95/46/KE, u, fejn applikabbli, mir-Regolament (KE) Nru 45/2001.”

8)

L-Artikolu 12 għandu jinbidel bit-test li ġej:

“Artikolu 12

1.   Meta l-irregolaritajiet jikkonċernaw ammonti ta’ inqas minn €10 000 li għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Komunità, l-Istati Membri m’għandhomx jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni stipulata mill-Artikoli 3 u 5 ħlief jekk din ma titlobhiex b’mod speċifiku.

2.   L-Istati Membri benefiċjarji li m’addottawx l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data meta l-irregolarità tkun stabbilita għandhom jaqilbu f’EUR l-ammont ta’ l-ispejjeż ikkonċernati fil-munita nazzjonali. Dan l-ammont għandu jinqaleb f’EUR billi tintuża r-rata ta’ kontabilità mensili tal-Kummissjoni tax-xahar li fih in-nefqa daħlet jew setgħet daħlet fil-kontijiet mill-awtorità tal-ħlas responsabbli mill-programm operattiv fil-kwistjoni. Din ir-rata hija ppubblikata elettronikament kull xahar mill-Kummissjoni.”

Artikolu 2

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) 1831/94 jibqa’ japplika safejn hu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għall-każijiet b’ammonti ta’ inqas minn €10 000 notifikati qabel it-28 ta’ Frar 2006.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, nhar it-23 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi-President


(1)  ĠU L 130 tal-25.5.1994, p. 1. Emendat l-aħħar bl-Att ta’ Adeżjoni 2003.

(2)  ĠU L 191, 27.7.1994, p. 9.

(3)  ĠU L 312 tat-23.12.1995, p. 1.

(4)  ĠU L 316 tas-27.11.1995, p. 49.

(5)  ĠU L 178 tat-12.7.1994, p. 43. Emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2035/2005, ĠU L 328 tal-15.12.2005, p. 8.

(6)  ĠU L 201 tal-31.7.2002, p. 5.

(7)  ĠU L 8 tat-12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 281 tat-23.11.1995, p. 31. Direttiva emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284 tal-31.10.2003, p. 1).


Top