Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1822

    1822/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1822/2005 tat- 8 ta’ Novembru 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 fin-nitrati f’ċerti ħxejjex Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 293, 9.11.2005, p. 11–13 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 132–134 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1822/oj

    21.11.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    132


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1822/2005

    tat-8 ta’ Novembru 2005

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 fin-nitrati f’ċerti ħxejjex

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità għal sustanzi li jikkontaminaw l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 tat-8 ta’ Marzu 2001 li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel (2), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 563/2002 (3), jipprovdi b’mod partikolari għal miżuri speċifiċi dwar il-livelli ta’ nitrati fil-ħass u l-ispinaċi u jistipola perjodi ta’ tranżizzjoni meta l-ħass u l-ispinaċi li fihom livell ta’ nitrati ogħla mil-limitu massimu jista’ jitqiegħed fis-suq fit-territorju nazzjonali.

    (2)

    Minkejja żviluppi fl-applikazzjoni ta’ prassi agrikola tajba, id-data ta’ monitoraġġ mill-Istati Membri tindika l-problemi attwali biex tinkiseb il-konformità mal-livelli massimi tan-nitrati għall-ħass u l-ispinaċi.

    (3)

    Ħafna min-nuqqasijiet ta’ konformità mal-livelli massimi għan-nitrati fl-ispinaċi frisk isiru fix-xahar ta’ Ottubru. Il-perjodu tas-Sajf għall-ispinaċi bħalissa jinkludi Ottubru, filwaqt li għall-ħass Ottubru huwa l-perjodu tax-Xitwa. Għall-konsistenza, Ottubru għandu jiġi inkluż fil-perjodu tax-Xitwa għall-ispinaċi frisk.

    (4)

    F’reġjuni fejn hemm diffikultajiet sabiex il-livelli ta’ nitrati jinżammu taħt il-livelli massimi għall-ħass frisk u l-ispinaċi frisk, per eżempju meta jiġi assoċjat ma’ inqas dawl tax-xemx kuljum, ċerti Stati Membri talbu għal derogi u pprovdew biżżejjed informazzjoni biex juru li hemm investigazzjonijiet għaddejjin sabiex jgħinu fit-tnaqqis tal-livelli fil-ġejjieni.

    (5)

    Sakemm ma jsiru żviluppi oħrajn fl-applikazzjoni ta’ prassi agrikola tajba, huwa xieraq li jiġu awtorizzati għal perjodu limitat dawk l-Istati Membri sabiex jippermettu t-tqegħid fis-suq tal-ħass frisk u spinaċi frisk li fihom livell ta’ nitrati li huma ogħla mil-livelli massimi, iżda li jista’ jsir biss fit-territorji nazzjonali tagħhom u għall-konsum nazzjonali.

    (6)

    In-nitrati huma preżenti fi ħxejjex oħrajn, xi drabi f’livelli għolja. Sabiex jinformaw diskussjonijiet fil-ġejjieni dwar strateġija fit-tul għall-immaniġġjar tar-riskji min-nitrati fil-ħxejjex, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-livelli tan-nitrati fil-ħxejjex u għandhom jimmiraw biex inaqqsu l-livelli, fejn hu possibbli, b’mod partikolari billi japplikaw kodiċi mtejjeb ta’ prassi agrikola. Evalwazzjoni xjentifika tar-riskji aġġornata mill-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà Alimentari tista’ tgħin sabiex tiċċara r-riskji ppreżentati min-nitrati fil-ħxejjex. Il-livelli massimi stipolati fir-Regolament (KE) Nru 466/2001 għandhom jiġu riveduti u l-informazzjoni minn tali attivitajiet għandha tittieħed inkonsiderazzjoni.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 466/2001 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (8)

    Il-miżuri stipolati f’dan ir-Regolament jikkonformaw ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 466/2001 hu emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 jitneħħa.

    (2)

    Jiddaħħal l-Artikolu 3a kif ġej:

    “L-Artikolu 3a

    L-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-livelli tan-nitrati fil-ħxejjex li fihom livelli sinifikanti, b’mod partikolari ħxejjex ħodor b’ħafna weraq, u jikkomunikaw ir-riżultati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena”

    (3)

    Jiddaħħal l-Artikolu 3b kif ġej:

    “L-Artikolu 3b

    1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(1), il-Belġju, l-Irlanda, l-Olanda u r-Renju Unit huma awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 2008 li jqiegħdu fis-suq spinaċi frisk li ġie kkoltivat u li huwa intenzjonat għall-konsum fit-territorju tagħhom u li għandu livelli ta’ nitrati ogħla mil-livelli massimi stipolati fil-punt 1.1 ta’ l-Anness I.

    2.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(1), l-Irlanda u r-Renju Unit huma awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 2008 li jqiegħdu fis-suq ħass frisk li ġie kkoltivat u li huwa intenzjonat għall-konsum fit-territorju tagħhom u li għandu livelli ta’ nitrati ogħla mil-livelli massimi stipolati fil-punt 1.3 ta’ l-Anness I.

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 1(1), Franza hija awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2008 li tqiegħed fis-suq ħass frisk li ġie kkoltivat u li huwa intenzjonat għall-konsum fit-territorju tagħha u li ġie maħsud mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu li għandu livelli ta’ nitrati ogħla mil-livelli massimi stipolati fil-punt 1.3 ta’ l-Anness I.”

    (4)

    Taqsima 1 ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 466/2001 hi mibdula bit-tabella kif stipolata fl-Anness tar-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-8 ta’ Novembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 37, tat-13.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

    (2)  ĠU L 77, tas-16.3.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 856/2005 (ĠU L 143, tas-7.6.2005, p. 3).

    (3)  ĠU L 86, tat-3.4.2002, p. 5.


    ANNESS

    Taqsima 1 ta’ l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 466/2001 għandha tinbidel b’dan li ġej:

    “Taqsima 1:   Nitrat

    Prodott

    Livell massimu (mg NO3/kg)

    Metodu ta’ kampjunar

    Metodu ta’ analiżi ta’ referenza

    1.1.

    Spinaċi frisk (1) (Spinacia oleracea)

    Maħsud fl-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu

    3 000

    Id-Direttiva 2002/63/KE (2)

     

    Maħsud fl-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru

    2 500

    1.2.

    Spinaċi ippreżervat, iffriżat

     

    2 000

    Id-Direttiva 2002/63/KE

     

    1.3.

    Ħass Frisk(Lactuca sativa L.) (ħass ikkoltivat f’protezzjoni u fil-miftuħ) li jeskludi ħass elenkat fil-punt 1.4.

    Maħsud fl-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu:

     

    Id-Direttiva 2002/63/KE. Madankollu, in-numru minimu ta’ unitajiet għal kull kampjun tal-laboratorju huwa 10.

     

    ħass kkoltivat taħt protezzjoni,

    4 500  (3)

    ħass kkoltivat fil-miftuħ

    4 000  (3)

    Maħsud fl-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru:

     

    ħass ikkoltivat taħt protezzjoni

    3 500  (3)

    ħass ikkoltivat fil-miftuħ

    2 500  (3)

    1.4.

    Ħass tat-tip ‘Iceberg’ (4)

    Ħass ikkoltivat taħt protezzjoni

    2 500  (3)

    Id-Direttiva 2002/63/KE. Madankollu, in-numru minimu ta’ unitajiet għal kull kampjun tal-laboratorju huwa 10

     

    Ħass ikkoltivat fil-miftuħ

    2 000  (3).

    1.5.

    Ikel tat-trabi u ikel tat-trabi u tfal żgħar li huwa bbażat fuq ċereali (5)  (6)

     

    200

    Id-Direttiva 2002/63/KE (dispożizzjonijiet kif previsti għall-ikel ipproċessat li joriġina mill-pjanti u l-ikel ipproċessat li joriġina mill-annimali)

     


    (1)  Il-livelli massimi ta’ spinaċi frisk ma japplikawx għall-ispinaċi frisk li għandu jiġi suġġett għall-ipproċessar u li huwa direttament trasportat bil-kwantità mill-għalqa sa l-impjant ta’ l-ipproċessar.

    (2)  ĠU L 187, tas-16.7.2002, p. 30

    (3)  Fin-nuqqas ta’ tikkettar xieraq, li jindika l-metodu ta’ protezzjoni, il-livell stabbilit għall-ħass kkoltivat fil-miftuħ għandu japplika

    (4)  Deskritt fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1543/2001 tas-27 ta’ Lulju 2001, li jistipola l-istandard tat-tqegħid fis-suq għall-ħass u l-indivja li għandha weraq innokklati u wesgħin (Batavian).

    (5)  Ikel tat-trabi u ikel ipporċessat li huwa bbażat fuq ċereali għat-trabi u tfal żgħar kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE tas-16 ta’ Frar 1996 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq ċereali li huwa destinat għat-trabi u tfal żgħar. Il-livelli massimi għandhom japplikaw għall-prodotti kif ġew proposti bħala lesti għall-konsum jew li għandhom jiġu mħalta skond l-istruzzjonijiet tal-produtturi.

    (6)  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-livelli massimi tan-nitrati fl-ikel għat-trabi u tfal żgħar mill-1 ta’ April 2006 u tqis il-progress fl-għarfien xjentifiku u teknoloġiku.”


    Top