Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0047

    Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat- 18 ta' Lulju 2005 dwar il-Ftehim bejn il-Komunità ta' Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji

    ĠU L 195, 27.7.2005, p. 15–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 317–319 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/47/oj

    32005L0047

    Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat- 18 ta' Lulju 2005 dwar il-Ftehim bejn il-Komunità ta' Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji

    Official Journal L 195 , 27/07/2005 P. 0015 - 0017
    Official Journal L 164 , 16/06/2006 P. 0317 - 0319


    Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE

    tat- 18 ta' Lulju 2005

    dwar il-Ftehim bejn il-Komunità ta' Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 139(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1) Din id-Direttiva hija konformi mad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali mniżżla fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea u huwa maħsub biex jiżgura konformità sħiħa ma' l-Artikolu 31 tagħha li jipprevedi li l-ħaddiema kollha għandhom dritt għal kondizzjonijiet ta’ xogħol tajba għas-saħħa, siguri u denji, għal limitu għall-ħin massimu ta’ xogħol tagħhom u għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u għal perijodu annwali ta' btala imħallsa.

    (2) L-imsieħba soċjali jistgħu, skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, jitolbu b'mod konġunt li l-Ftehim konklużi fil-livell Komunitarju jiġu implimentati b'Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (3) Il-Kunsill adotta d-Direttiva 93/104/KE tat- 23 ta' Novembru 1993 dwar ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [1]. It-trasport bil-ferrovija kien wieħed mis-setturi ta' attività eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2000/34/KE tat- 22 ta' Ġunju 2000 li temenda d-Direttiva 93/104/KE dwar ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol biex ikunu koperti setturi u attivajiet esklużi mid-Direttiva imsemmija [2].

    (4) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2003/88/KE dwar ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol [3] li kkonsolidat u rrevokat id-Direttiva 93/104/KE.

    (5) Id-Direttiva 2003/88/KE tipprevedi għal derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 tagħha fil-każ ta' persuni li jaħdmu fis-settur tat-trasport bil-ferrovija abbord il-ferroviji.

    (6) Il-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) informaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jibdew negozjati skond l-Artikolu 139(1) tat-Trattat.

    (7) Fis- 27 ta' Jannar 2004 dawk l-organizzazzjonijiet laħqu Ftehim dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "l-Ftehim".

    (8) Il-Ftehim jinkludi talba konġunta lill-Kummissjoni biex timplementa l-Ftehim b'Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 139(2) tat-Trattat.

    (9) Id-Direttiva 2003/88/KE tapplika għal ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli, minkejja d-dispożizzjonijiet iżjed speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva u fil-Ftehim anness għaliha.

    (10) Għall-finijiet ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat, l-istrument xieraq għall-implimentazzjoni tal-Ftehim huwa Direttiva.

    (11) Billi, fid-dawl ta' l-ikkompletar tas-suq intern fis-settur tat-trasport bil-ferrovija u tal-kompetizzjoni fis-settur, il-miri ta' din id-Direttiva, li hija ntiża biex tħares s-saħħa u s-sigurtà, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu b'mod aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk il-miri.

    (12) L-iżvilupp tas-settur Ewropew tal-Ferroviji jinvolvi monitoraġġ mill-qrib tar-rwol ta’ l-atturi attwali u dawk ġodda, sabiex jiżgura żvilupp armonjuż fil-Komunità kollha. Id-djalogu soċjali Ewropew f’dan il-qasam għandu jkun kapaċi jirrifletti dan l-iżvilupp u jikkunsidrah kemm jista' jkun.

    (13) Din id-Direttiva tħalli l-Istati Membri fil-libertà li jiddefinixxu dawk it-termini tal-Ftehim li ma tispeċifikax skond il-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali, bħalma hu l-każ għal Direttivi oħra dwar materji ta' politika soċjali li jużaw termini simili, sakemm id-definizzjonijiet użati jkunu kompatibbli mal-Ftehim.

    (14) Il-Kummissjoni ħejjiet il-proposta tagħha għal Direttiva skond il-Komunikazzjoni tagħha ta’ l- 20 ta’ Mejju 1998 bl-isem "Nadattaw u nippromwovu djalogu soċjali fuq livell Komunitarju", billi kkunsidrat l-istatus rappreżentattiv tal-partijiet kontraenti u l-legalità ta’ kull klawsola tal-Ftehim; il-firmatarji joffru biżżejjed rappreżentanza tal-ħaddiema tal-ferroviji mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli mmexxija mill-kumpanniji tal-ferrovija.

    (15) Il-Kummissjoni fasslet il-proposta tagħha għal Direttiva skond l-Artikolu 137(2) tat-Trattat, li jipprevedi li direttivi fil-qasam soċjali għandhom jevitaw li jimponu rabtiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jinżammu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

    (16) Din id-Direttiva u l-Ftehim jistabbilixxu standards minimi; l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iżjed favorevoli.

    (17) Il-Kummissjoni għarrfet lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni billi bagħtitilhom il-proposta għal Direttiva għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    (18) Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-Ftehim ta' l-imsieħba soċjali fis- 26 ta' Mejju 2005.

    (19) L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ser tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri mniżżla fl-Artikolu 136 tat-Trattat.

    (20) Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar ta’ liġijiet [4], l-Istati Membri jkunu mħeġġa jfasslu u jagħmlu pubbliċi, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, ser jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni.

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva hi maħsuba biex timplimenta l-Ftehim milħuq fis- 27 ta’ Jannar 2004 bejn il-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim".

    It-test tal-Ftehim huwa anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1. L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iżjed favorevoli minn dawk stabbiliti b'din id-Direttiva.

    2. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġunijiet suffiċjenti biex jiġi ġustifikat tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-Istati Membri u/jew ta' min iħaddem u l-ħaddiema li jistabbilixxu, fid-dawl ta' bidla fiċ-ċirkostanzi, arranġamenti leġislattivi, regolatorji jew kontrattwali differenti minn dawk li kienu fis-seħħ fiż-żmien ta' l-adozzjoni ta' din id-Diretiva, dejjem sakemm il-ħtiġiet minimi stabbiliti f'din id-Direttiva jkunu qed jiġu mħarsa.

    Artikolu 3

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar s-segwitu u l-evalwazzjoni mill-firmatarji, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta ma’ min iħaddem u l-ħaddiema fuq livell Ewropew, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-kuntest ta’ l-iżvilupp tas-settur tal-ferroviji, qabel jiskadi l-perijodu ta' …

    Artikolu 4

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw x'penali huma applikabbli meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bit-twettiq ta’ din id-Direttiva jiġu miksura u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa … u kwalunkwe emendi tagħhom sussegwenti fi żmien xieraq.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni l-imsieħba soċjali, jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjoni amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa … ta' din id-Direttiva jew għandhom jiżguraw, sa mhux aktar tard minn din id-data, li l-imsieħba soċjali adottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' Ftehim. Huma għandhom minnufih jibagħtu t-test tad-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li jippermettulhom li jkunu kapaċi jiggarantixxu fi kwalunkwe ħin ir-riżultat rikjest b'din id-Direttiva u għandhom jinformaw lill-Kommissjoni dwarhom minnufih.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, 18 ta' Lulju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Beckett

    [1] ĠU L 307, 13.12.1993, p. 18. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE.

    [2] ĠU L 195, 1.8.2000, p. 41.

    [3] ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

    [4] ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Ftehim

    Konkluż mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (etf) u l-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli

    - il-futur tat-trasport bil-ferrovija, li jeħtieġ il-modernizzar tas-sistema u l-iżvilupp tat-traffiku trans-Ewropew u għalhekk ta' servizzi interoperabbli;

    - il-ħtieġa li jiġi żviluppat traffiku trans-konfini sigur u li tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli;

    - l-importanza li tiġi evitata kompetizzjoni bbażata biss fuq differenzi fil-kondizzjonijiet tax-xogħol;

    - l-importanza li t-trasport bil-ferrovija fi ħdan l-Unjoni Ewropea jiġi mtejjeb;

    - l-idea li dawn il-miri ser jintlaħqu billi jinħolqu regoli komuni dwar kondizzjonijiet tax-xogħol ta' standard minimu għal ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli;

    - il-konvinzjoni li n-numru ta’ tali ħaddiema ser jiżdied fis-snin li ġejjin;

    - it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 138 u 139(2) tiegħu;

    - id-Direttiva 93/104/KE (emendata bid-Direttiva 2000/34/KE), u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 17 tagħha;

    - il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (Ruma, 19 ta' Ġunju 1980);

    - il-fatt li l-Artikolu 139(2) tat-Trattat, jipprevedi li l-Ftehim milħuqa fuq livell Ewropew jistgħu jiġu implimentati fuq talba konġunta tal-firmatarji b'deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni;

    - il-fatt li l-firmatarji hawnhekk jagħmlu tali talba.

    IL-FIRMATARJI QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

    Klawsola 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    Dan il-Ftehim għandu japplika għal ħaddiema tal-ferroviji mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli mwettqa minn intrapriżi tal-ferrovija.

    Għat-traffiku trans-konfini tal-passiġġiera lokali u reġjonali, għat-traffiku trans-konfini tal-merkanzija li ma jaqbiżx il 15-il kilometru lil hinn mill-fruntiera, u għat-traffiku bejn l-istazzjonijiet tal-fruntiera uffiċċjali elenkati fl-Anness, l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim hija fakultattiva.

    Hija fakultattiva wkoll għall-ferroviji fuq rotot trans-konfini li t-tnejn jibdew u jispiċċaw fuq l-infrastruttura ta’ l-istess Stat Membru u jużaw l-infrastruttura ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma jieqfu fih (u għalhekk dawn jistgħu jiġu meqjusa bħala operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali).

    Rigward ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli, id-Direttiva 93/104/KE m'għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti li dwarhom dan il-Ftehim għandu dispożizzjonijiet iżjed speċifiċi.

    Klawsola 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1. "servizzi trans-konfini interoperabbli": servizzi trans-konfini li għalihom mill-anqas żewġ ċertifikati ta’ sigurtà, kif stipulat mid-Direttiva 2001/14/KE, huma mitluba mill-intrapriżi ferrovjarji;

    2. "ħaddiem mobbli assenjat għal servizzi trans-konfini interoperabbli": kwalunkwe ħaddiem li hu membru ta’ l-ekwipaġġ ta' ferrovija assenjat għal servizzi trans-konfini interoperabbli għal iżjed minn siegħa fuq bażi ta' xift ta’ kuljum;

    3. "ħin tax-xogħol": kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem ikun xogħol, għad-dispożizzjoni ta’ min iħaddmu u fit-twettiq ta’ l-attività jew tad-doveri tiegħu, skond il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali;

    4. "perijodu ta’ mistrieħ": kwalunkwe perijodu li mhux ħin tax-xogħol;

    5. "ħin tal-lejl": kwalunkwe perijodu ta’ mhux anqas minn 7 siegħat, kif definit mil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi fi kwalunkwe każ il-perijodu bejn nofsillejl u l-5 ta' filgħodu.;

    6. "xift ta' bil-lejl": kwalunkwe xift ta’ mill-anqas 3 siegħat ta’ xogħol matul il-ħin tal-lejl;

    7. "mistrieħ lil hinn mill-post ta’ residenza": mistrieħ ta’ kuljum li ma jistax jittieħed fil-post ta’ residenza normali tal-ħaddiem mobbli;

    8. "xufier": kwalunkwe ħaddiem responsabbli mill-operat ta' unità lokomotiva.

    9. "ħin ta' sewqan": it-tul ta’ l-attività programmata li matulha x-xufier hu responsabbli ta’ l-unità lokomotiva, minbarra l-ħin programmat biex tinxtegħel jew tintefa dik l-unità lokomotiva, iżda inkluża kwalunkwe interruzzjoni programmata meta x-xufier jibqa’ responsabbli ta' l-unità lokomotiva.

    Klawsola 3

    Mistrieħ ta’ kuljum id-dar

    Mistrieħ ta’ kuljum id-dar għandu jkun ta’ minimu ta’ 12-il siegħa konsekuttiva għal kull perijodu ta’ 24 siegħa.

    Madankollu, jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ 9 siegħat darba kull perijodu ta’ 7 ijiem. F’dak il-każ, is-siegħat li jikkorrispondu mad-differenza bejn il-mistrieħ imnaqqas u 12-il siegħa jiġu miżjuda mal-mistrieħ ta’ kuljum id-dar li jkun imiss.

    Mistrieħ ta’ kuljum imnaqqas b’mod sinifikattiv m’għandux ikun ippjanat bejn żewġ mistrieħ ta’ kuljum lil hinn mid-dar.

    Klawsola 4

    Mistrieħ ta’ kuljum lil hinn mid-dar

    Il-mistrieħ ta’ kuljum minimu lil hinn mid-dar għandu jkun ta’ 8 siegħat konsekuttivi għal kull perijodu ta’ 24 siegħa.

    Mistrieħ ta’ kuljum lil hinn mid-dar għandu jkun segwit minn mistrieħ ta’ kuljum id-dar [1].

    Huwa rakkomandat li tingħata attenzjoni lil-livell ta’ kumdità ta’ l-akkomodazzjoni offruta lill-persunal li jkun qed jistrieħ lil hinn mid-dar.

    Klawsola 5

    Pawżi

    (a) Xufiera

    Jekk il-ħin tax-xogħol ta’ xufier huwa itwal minn 8 siegħat, għandha tittieħed pawża ta’ mill-inqas 45 minuta matul il-jum ta’ ħidma.

    Jew

    Meta l-ħin tax-xogħol huwa bejn is-6 u t-8 siegħat, din il-pawża għandha tkun ta’ mill-inqas 30 minuta u għandha tittieħed matul il-jum ta’ ħidma.

    Il-ħin tal-jum u t-tul tal-pawża għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jiżguraw irkupru effettiv tal-ħaddiem.

    Pawżi jistgħu jiġu adattati matul il-jum ta’ ħidma fil-każ ta’ dewmien tal-ferroviji.

    Parti mill-pawża għandha tingħata bejn it-tielet u s-sitt siegħa ta’ ħidma.

    Il-klawsola 5 a) m’għandhiex tapplika jekk ikun hemm xufier ieħor (it-tieni wieħed). F’dak il-każ, il-kondizzjonijiet għall-għoti tal-pawżi għandhom ikunu rregolati fuq livell nazzjonali.

    (b) Persunal ieħor abbord

    Għal persunal ieħor abbord, pawża ta’ mill-inqas 30 minuta għandha tittieħed jekk il-ħin tax-xogħol huwa itwal minn 6 siegħat.

    Klawsola 6

    Perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa

    Kwalunkwe ħaddiem mobbli assenjat għal servizzi trans-konfini interoperabbli huwa intitolat, għal kull perijodu ta’ sebat ijiem, għal minimu ta’ perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa mhux interrot ta’ 24 siegħa flimkien mal-perijodu ta’ 12-il siegħa ta’ mistrieħ ta’ kuljum imsemmi fil-klawsola 3 hawn fuq.

    Kull sena, kull ħaddiem mobbli għandu jkollu 104 perijodu ta’ mistrieħ ta’ 24 siegħa, inklużi l-perijodi ta’ 24 siegħa tat-52 perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

    inkluż:

    - 12-il perijodu ta’ mistrieħ doppju (ta’ 48 siegħa flimkien ma’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ 12-il siegħa) inklużi s-Sibt u l-Ħadd;

    u

    - 12 il-perijodu ta’ mistrieħ doppju (ta’ 48 siegħa flimkien ma’ mistrieħ ta’ kuljum ta’ 12-il siegħa) mingħajr il-garanzija li dan ikun jinkludi Sibt jew Ħadd.

    Klawsola 7

    Ħin ta’ sewqan

    Il-ħin ta’ sewqan, kif definit fil-klawsola 2, m’għandux jaqbeż id-9 siegħat għal xift matul il-jum u t-8 siegħat għal xift bil-lejl bejn iż-żewġ perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum.

    Il-ħin massimu ta’ sewqan fuq perijodu ta’ ġimgħatejn huwa limitat għal 80 siegħa.

    Klawsola 8

    Kontrolli

    Għandu jinżamm rekord ta’ siegħat ta’ xogħol ta’ kuljum u ta’ perijodi ta’ mistrieħ għall-ħaddiema mobbli sabiex ikun possibbli l-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Informazzjoni dwar is-siegħat ta’ xogħol li fil-fatt saru għandha tkun disponibbli. Dan ir-rekord għandu jinżamm fl-intrapriża għal mill-inqas sena.

    Klawsola 9

    Klawsola ta’ non-rigressjoni

    L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ raġunijiet validi sabiex jiġi mnaqqas il-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli.

    Klawsola 10

    Segwitu tal-Ftehim

    Il-firmatarji għandhom isegwu l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fil-qafas tal-Kumitat ta’ Djalogu Settorjali għas-settur tal-ferroviji, stabbilit skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/500/KE.

    Klawsola 11

    Valutazzjoni

    Il-partijiet għandhom jivvalutaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim sentejn wara l-iffirmar tiegħu, fid-dawl ta’ l-esperjenza inizjali tagħhom ta’ l-iżvilupp ta’ servizzi trans-konfini interoperabbli.

    Klawsola 12

    Reviżjoni

    Il-parijiet għandhom jirrevedu d-dipożizzjonijiet ta’ hawn fuq sentejn wara t-tmiem tal-perijodu ta’ implimentazzjoni stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tpoġġi dan il-Ftehim f’effett.

    Brussel, 27 ta’ Jannar 2004.

    Għas-CER

    Giancarlo Cimoli

    President

    Johannes Ludewig

    Direttur Eżekuttiv

    Francesco Forlenza

    President tal-Grupp tad-Diretturi tar-Riżorsi Umani

    Jean-Paul Preumont

    Konsulent dwar l-Affarijiet Soċjali

    Għall-ETF

    Norbert Hansen

    President tas-Sezzjoni tal-Ferroviji

    Jean-Louis Brasseur

    Viċi-President tas-Sezzjoni tal-Ferroviji

    Doro Zinke

    Segretarju Ġenerali

    Sabine Trier

    Segretarju Politiku

    [1] Il-partijiet jaqblu li n-negozjati dwar mistrieħ lil hinn mid-dar konsekuttiv (it-tieni wieħed) kif ukoll kumpens għal mistrieħ lil hinn mid-dar jistgħu jseħħu bejn l-imsieħba soċjali fuq il-livell ta’ l-intrapriża tal-ferrovija jew il-livell nazzjonali skond il-każ. Fuq il-livell Ewropew, il-kwistjoni tan-numru ta’ mistrieħ konsekuttiv lil hinn mid-dar kif ukoll il-kumpens għall-mistrieħ lil hinn mid-dar jerġà jiġi negozjat sentejn wara l-firma ta’ dan il-Ftehim.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    Lista ta’ stazzjonijiet uffiċjali fuq il-fruntieri li jinsabu lil hinn mil-limitu ta’ 15-il km u li għalihom il-ftehim mhux obbligatorju

    RZEPIN (PL)

    TUPLICE (PL)

    ZEBRZYDOWICE (PL)

    DOMODOSSOLA (I)

    --------------------------------------------------

    Top