This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005L0029
Directive 2005/29/EC of the European Parliament and of the Council of 11 May 2005 concerning unfair business-to-consumer commercial practices in the internal market and amending Council Directive 84/450/EEC, Directives 97/7/EC, 98/27/EC and 2002/65/EC of the European Parliament and of the Council and Regulation (EC) No 2006/2004 of the European Parliament and of the Council (‘Unfair Commercial Practices Directive’) (Text with EEA relevance)
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.
Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) Test b’rilevanza għaż-ŻEE.
ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22–39
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 31984L0450 | Sostituzzjoni | artikolu 4.1 | 11/06/2005 | |
Modifies | 31984L0450 | Sostituzzjoni | artikolu 3BI | 11/06/2005 | |
Modifies | 31984L0450 | Żieda | artikolu 2.4 | 11/06/2005 | |
Modifies | 31984L0450 | Sostituzzjoni | artikolu 2.3 | 11/06/2005 | |
Modifies | 31984L0450 | Sostituzzjoni | artikolu 1 | 11/06/2005 | |
Modifies | 31984L0450 | Sostituzzjoni | artikolu 7.1 | 11/06/2005 | |
Modifies | 31997L0007 | Sostituzzjoni | artikolu 9 | 11/06/2005 | |
Modifies | 31998L0027 | Emenda | anness | 11/06/2005 | |
Modifies | 32002L0065 | Sostituzzjoni | artikolu 9 | 11/06/2005 | |
Modifies | 32004R2006 | Emenda | anness | 11/06/2005 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32005L0029R(01) | (MT) | |||
Corrected by | 32005L0029R(02) | (DE, IT) | |||
Corrected by | 32005L0029R(03) | (RO) | |||
Corrected by | 32005L0029R(04) | (HR) | |||
Implicitly repealed by | 32006L0114 | Revoka parzjali | artikolu 14 | 12/12/2007 | |
Implicitly repealed by | 32009L0022 | Revoka parzjali | artikolu 16 paragrafu 1 | 30/12/2009 | |
Implicitly repealed by | 32011L0083 | Revoka parzjali | artikolu 15 paragrafu 1 | 14/06/2014 | |
Implicitly repealed by | 32017R2394 | Revoka parzjali | artikolu 16 paragrafu 2 | 17/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Sostituzzjoni | artikolu 13 | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | anness I punt 23b | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Sostituzzjoni | artikolu 7 paragrafu 4 punt (d) | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Sostituzzjoni | artikolu 3 paragrafu 6 | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | anness I punt 23a | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (m) | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | anness I punt 23c | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 7 paragrafu 4a | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Sostituzzjoni | artikolu 3 paragrafu 5 | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 6 paragrafu 2 punt (c) | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (c) | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 7 paragrafu 6 | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | anness I punt 11a | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 7 paragrafu 4 punt (f) | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 11a | 07/01/2020 | |
Modified by | 32019L2161 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (n) | 07/01/2020 | |
Implicitly repealed by | 32023L2673 | Revoka parzjali | artikolu 15 punt 2 | 19/06/2026 | |
Modified by | 32024L0825 | Sostituzzjoni | artikolu 6 paragrafu 1 punt (b) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 4c | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 10a | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23f | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (v) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (w) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (t) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (s) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23j | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (r) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 7 paragrafu 7 | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 2a | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23g | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (p) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 6 paragrafu 2 punt (e) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (ca) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (o) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (q) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 4a | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 6 paragrafu 2 punt (d) | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23d | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23h | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23e | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 4b | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | anness I punt 23i | 26/03/2024 | |
Modified by | 32024L0825 | Żieda | artikolu 2 paragrafu mhux numerat 1 punt (u) | 26/03/2024 |
11.6.2005 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
22 |
ID-DIRETTIVA 2005/29/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Mejju 2005
dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
L-Artikoli 153(1) u 3(a) tat-Trattat jipprovdu li l-Komunità għandha tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq livell għoli tal-ħarsien tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95. |
(2) |
Skond l-Artikolu 14(2) tat-Trattat, is-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, u l-libertà ta’ stabbiliment huma żgurati. L-iżvilupp ta’ prattiċi kummerċjali leali fiż-żona mingħajr fruntieri interni huwa vitali għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ta’ attivitajiet transkonfinali. |
(3) |
Il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali juru differenzi ċari li jiġġeneraw distorzjonijiet sinifikattivi ta’ kompetizzjoni u xkiel għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Fil-qasam tar-reklamar, id-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (3) tistabbilixxi l-kriterji minimi għall-armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar reklamar qarrieqi, iżda ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jadottaw miżuri li jipprovdu protezzjoni iktar wiesgħa għall-konsumaturi. Bħala riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi huma sinifikattivament differenti. |
(4) |
Dawn id-disparitajiet jikkawżaw nuqqas ta’ ċertezza dwar liema regoli nazzjonali japplikaw għal prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u joħolqu ħafna ostakli li jolqtu lill-kummerċ u lill-konsumaturi. Dawn l-ostakli jżidu l-prezz għan-negozji fl-eżerċizzju tal-libertajiet tas-suq intern, b’mod partikolari meta n-negozji jixtiequ jagħmlu kummerċjalizzazzjoni, kampanji ta’ reklamar u promozzjonijiet ta’ bejgħ b’mod transkonfinali. Dawn l-ostakli joħolqu wkoll inċertezzi għall-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom u jnaqqsulhom il-fiduċja fis-suq intern. |
(5) |
Fin-nuqqas ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju, l-ostakli għall-moviment liberu transkonfinali tas-servizzi u tal-merkanzija jew għal-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sakemm dawn ifittxu li jipproteġu l-għanijiet ta’ l-interess pubbliku rikonoxxuti u jkunu proporzjonati għal dawk l-għanijiet. Fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Komunità, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat u fil-liġi Komunitarja sekondarja dwar il-libertà tal-moviment, u skond il-politika tal-Kummissjoni dwar komunikazzjonijiet kummerċjali kif indikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Is-segwitu għall-Green Paper dwar Komunikazzjonijiet Kummerċjali fis-Suq Intern”, dawn l-ostakli għandhom jiġu eliminati. Dawn jistgħu jiġu eliminati biss bl-istabbiliment ta’ regoli uniformi fil-livell Komunitarju li jistabbilixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u billi jiġu ċċarati ċerti kunċetti legali fil-livell Komunitarju safejn ikun meħtieġ għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali. |
(6) |
Din id-Direttiva għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din id-Direttiva tħares lill-konsumaturi mill-konsegwenzi ta’ prattiċi kummerċjali żleali bħal dawn fejn ikunu sostanzjali iżda tagħraf li f’ċerti każijiet l-impatt fuq il-konsumatur jista’ jkun negliġibbli. Hija la tkopri u lanqas tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi tranżazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. Din id-Direttiva lanqas ma tkopri jew tolqot id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar li jqarraq lis-settur tal-kummerċ iżda mhux lill-konsumaturi, u dwar reklamar komparattiv. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tolqotx prattiċi aċċettati ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni, bħall-pjazzament ta’ prodotti, id-differenzazzjoni bejn marki jew l-offerta ta’ inċentivi li huma leġittimi u li jistgħu jolqtu leġittimament il-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar prodotti u jinfluwenzaw l-imġieba tagħhom mingħajr ma jnaqqsu l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni informata. |
(7) |
Din id-Direttiva tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti. Ma tindirizzax prattiċi kummerċjali mwettqa primarjament għal finijiet oħrajn, inkluża per eżempju l-komunikazzjoni kummerċjali mmirata lejn investituri, bħal rapporti annwali u letteratura promozzjonali ta’ korporazzjonijiet. Ma tindirizzax rekwiżiti legali konnessi ma’ gosti u deċenza li jvarjaw ħafna bejn Stati Membri. Prattiċi kummerċjali bħal, per eżempju, solleċitazzjoni kummerċjali fit-toroq, jistgħu ma jkunux mixtieqa fi Stati Membri għal raġunijiet kulturali. L-Istati Membri jkunu jistgħu għalhekk ikomplu jipprojbixxu prattiċi kummerċjali fit-territorju tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja, għal raġunijiet ta’ gosti u deċenza anke meta dawn il-prattiċi ma jillimitawx il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Għandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari tal-klawsoli ġenerali tagħha. |
(8) |
Din id-Direttiva tipproteġi direttament l-interessi leġittimi tal-konsumatur minn prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur. B’hekk tħares ukoll b’mod indirett negozji leġittimi mill-kompetituri tagħhom li ma jimxux mar-regoli ta’ din id-Direttiva u tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta fl-oqsma kordinati minnha. Huwa mifhum li hemm prattiċi kummerċjali oħrajn li, għalkemm ma jagħmlux ħsara lil konsumatur, jistgħu jagħmlu ħsara lil kompetituri u klijenti kummerċjali. Il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-ħtieġa għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali lil hinn mill-ambitu ta’ din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposta leġiżlattiva li tkopri dawn l-aspetti oħra tal-kompetizzjoni żleali. |
(9) |
Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għal azzjonijiet individwali miġjuba minn dawk li sofrew ħsara minn prattika kummerċjali żleali. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji u nazzjonali dwar il-liġi kontrattwali, dwar id-drittijiet ta’ proprjeta intellettwali, dwar l-aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti, dwar il-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment u reġimi ta’ awtorizzazzjoni, inklużi dawk ir-regoli li, konformement mal-liġi Komunitarja, huma konnessi ma’ attivitajiet tal-logħob ta’ l-azzard, u għar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni u għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentawhom. B’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew idaħħlu restrizzjonijiet u projbizzjonijiet ta’ prattiċi kummerċjali għal raġunijiet tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi fit-territorju, ikun fejn ikun ibbażat il-kummerċjant, per eżempju, fir-rigward ta’ l-alkoħol, tat-tabakk jew tal-farmaċewtiċi. Is-servizzi finanzjarji u l-proprjetà immobbli, minħabba l-komplessità tagħhom u r-riskji serji inerenti, jeħtieġu rekwiżiti dettaljati, inklużi l-obbligi pożittivi tal-kummerċjanti. Għal din ir-raġuni, fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u tal-proprjetà immobbli, din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha sabiex jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. Mhuwiex hawnhekk il-każ li jiġu regolati ċ-ċertifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-istandard ta’ finezza ta’ artikli ta’ metall prezzjuż. |
(10) |
Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-Direttiva u l-liġi Komunitarja eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. Din id-Direttiva għalhekk temenda d-Direttiva 84/450/KEE, id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (4), id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi (5) u d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 dwar it-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi (6). Għaldaqstant din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi Komunitarja li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti. Dan huwa importanti b’mod partikolari għal prodotti kumplessi b’livelli għolja ta’ riskju għal konsumaturi, bħal ċerti prodotti ta’ servizzi finanzjarji. Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis tal-Komunità, li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. |
(11) |
Il-livell għoli ta’ konverġenza milħuq mill-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali permezz ta’ din id-Direttiva joħloq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Din id-Direttiva tistabbilixxi projbizzjoni ġenerali waħda għal dawk il-prattiċi kummerċjali żleali li joħolqu distorsjoni fl-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar prattiċi kummerċjali aggressivi, li mhumiex attwalment regolati fil-livell Komunitarju. |
(12) |
L-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċ. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ ser ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi kummerċjali żleali fl-UE. L-effett għandu jkun li jiġu eliminati l-ostakli li joħorġu mit-tifrik tar-regoli dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lil interessi ekonomiċi tal-konsumatur, u għandu jkun tali li jippermetti l-kisba tas-suq intern f’dan il-qasam. |
(13) |
Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Komunità permezz tat-tneħħija ta’ l-ostakli għas-suq intern, huwa meħtieġ li jiġu sostitwiti l-klawżoli ġenerali u l-prinċipji legali eżistenti u diverġenti ta’ l-Istati Membri. Il-projbizzjoni ewlenija, stabbilita b’din id-Direttiva għalhekk tkopri prattiċi kummerċjali żleali li jgħawwġu l-imġieba ekonomika tal-konsumaturi. Sabiex jingħata sostenn lill-fiduċja tal-konsumatur, il-projbizzjoni ġenerali għandha tapplika ugwalment għal prattiċi kummerċjali żleali li jirriżultaw barra minn xi relazzjoni kontrattwali bejn kummerċjant u konsumatur jew li jirriżultaw wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u waqt l-eżekuzzjoni tiegħu. Il-projbizzjoni ġenerali hija elaborata b’regoli dwar żewġ tipi ta’ prattiċi kummerċjali li b’marġni kbira huma l-iżjed komuni, jiġifieri l-prattiċi kummerċjali qarrieqa u l-prattiċi kummerċjali aggressivi. |
(14) |
Il-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, iżommu l-konsumatur milli jagħmel għażla għaqlija u effiċjenti. B’konformità mal-liġijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tikklassifika prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa. Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata. Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva. L-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa adottat f’din id-Direttiva ma jeskludix lil Stati Membri milli jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodotti partikolari bħal, per eżempju, oġġetti ta’ kollezzjoni jew prodotti elettriċi, li l-ommissjoni tagħhom tkun importanti meta tiġi magħmula stedina għax-xiri. Mhijiex l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva li tnaqqas l-għażla tal-konsumatur billi tipprojbixxi l-promozzjoni ta’ prodotti li jixxieħbu ma’ prodotti oħra sakemm din is-similarità ma tfixkilx lill-konsumaturi dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodott u b’hekk tkun qarrieqa. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-liġi Komunitarja eżistenti li tagħti espressament lill-Istati Membri l-għażla bejn bosta mezzi regulatorji għall-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam ta’ prattiċi kummerċjali. B’mod partikolari din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (7). |
(15) |
Fejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it-tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew iżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-acquis tinsab fl-Anness II. Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7(5) tagħha.. Fejn l-Istati Membri jkunu introduċew iktar rekwiżiti dwar informazzjoni minn dak li huwa speċifikat fil-liġi Komunitarja, fuq il-bażi ta’ klawżoli minimi, l-ommissjoni ta’ dak it-tagħrif supplimentari ma tikkostitwix ommissjoni qarrieqa fis-sens ta’ din id-Direttiva. B’kuntrast, l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkun permess mill-klawżoli minimi fil-liġi Komunitarja, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti b’konformità mal-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet kontrattwali individwali tal-konsumaturi. |
(16) |
Id-dispożizzjonijiet dwar prattiċi kummerċjali aggressivi għandhom ikopru dawk il-prattiċi li jfixxklu sinifikattivament il-libertà ta’ l-għażla tal-konsumatur. Dawk huma prattiċi li jużaw il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, u ta’ l-influwenza mhux xierqa. |
(17) |
Hu kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva. |
(18) |
Huwa xieraq li l-konsumaturi kollha jiġu protetti minn prattiċi kummerċjali żleali; il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja madankollu sabet li wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE, meta tiddeċiedi każijiet dwar reklamar, ikun meħtieġ li teżamina l-effett fuq konsumatur ipotetiku tipiku. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-Direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja iżda tinkludi dispożizzjonijiet li l-għan tagħhom huwa l-prevenzjoni ta’ l-isfruttament tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal prattiċi kummerċjali żleali. Fejn prattika kummerċjali hija mmirata speċifikament lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, bħat-tfal, huwa mixtieq li l-impatt tal-prattika kummerċjali ikun eżaminat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp. Huwa għaldaqstant xieraq li tiġi inkluża, fil-lista ta’ prattiċi li huma żleali fiċ-ċirkostanzi kollha, dispożizzjoni li, mingħajr ma timponi projbizzjoni assoluta fuq ir-reklamar dirett lejn it-tfal, jipproteġihom minn tħeġġiġ dirett sabiex jixtru. L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat. |
(19) |
Fejn ċerti karatteristiċi bħall-età, il-mard fiżiku jew mentali jew il-kredulità jagħmlu lill-konsumaturi partikolarment suxxettibbli għal xi prattika kummerċjali jew għall-prodott konness magħha u huwa probabbli li l-imġieba ekonomika biss ta’ dawn il-konsumaturi tista’ tiġi distorta mill-prattika b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-konsumaturi huma adegwatament protetti billi l-prattika tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp. |
(20) |
Huwa xieraq li jiġi stabbilit rwol għal kodiċijiet ta’ kondotta, li jippermettu l-kummerċjanti japplikaw il-prinċipji ta’ din id-Direttiva effettivament f’oqsma ekonomiċi speċifiċi. F’setturi fejn hemm kondizzjonijiet obbligatorji speċifiċi li jirregolaw l-imġieba tal-kummerċjanti, huwa xieraq li dawn jipprovdu ukoll prova ta’ l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali f’dak is-settur. Il-kontroll eżerċitat minn dawk li huma responsabbli għal tali kodiċi fil-livell nazzjonali jew Komunitarju sabiex jiġu eliminati prattiċi kummerċjali żleali jista’ jevita l-bżonn tar-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjali u għandu għalhekk ikun inkoraġġut. Bl-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jistgħu jiġu infurmati u involuti fl-abbozzar tal-kodiċijiet ta’ kondotta. |
(21) |
Persuni u organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu fil-materja għandu jkollhom aċċess għal toroq legali sabiex jibdew proċeduri kontra l-prattiċi kummerċjali żleali, quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew jekk għandhomx jinbdew proċeduri legali xierqa. Waqt li l-oneru tal-prova għandu jiġi stabbilit skond il-liġi nazzjonali, huwa xieraq li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi ikunu jistgħu jobbligaw lill-kummerċjanti jipproduċu prova dwar l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali li jkunu ressqu. |
(22) |
Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
(23) |
Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern preżentati mil-liġijiet nazzjonali dwar il-prattiċi kummerċjali żleali u li jiġi provdut livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-prattiċi kummerċjali żleali, ma jistgħux suffiċentement jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu eliminati l-ostakli għas-suq intern u sabiex jiġi milħuq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. |
(24) |
Huwa xieraq li tiġi riveduta din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-ostakli għas-suq intern ġew indirizzati u ntlaħaq livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. Ir-reviżjoni tista’ twassal għal proposta mill-Kummissjoni għall-emendar ta’ din id-Direttiva, li tista’ tinkludi estensjoni limitata tad-deroga fl-Artikolu 3(5), u/jew emendi għal leġiżlazzjoni oħra għall-ħarsien tal-konsumatur li jirriflettu l-impenn tal-Kummissjoni fl-Istrateġija tal-Politika tal-Konsumatur sabiex tirrevedi l-acquis eżistenti u jintlaħaq livell komuni għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur. |
(25) |
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
L-Għan
L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.
Artikolu 2
Id-Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
a) |
“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li, fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha; |
b) |
“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant; |
ċ) |
“prodott” tfisser kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi; |
d) |
“prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “prattiċi kummerċjali”) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi; |
e) |
“il-ħolqien ta’ distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika ta’ konsumaturi” tfisser l-użu ta’ prattika kummerċjali sabiex tiġi mfixkla b’mod apprezzabbli l-kapaċità tal-konsumatur li jagħmel deċiżjoni infurmata, jew imġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra; |
f) |
“kodiċi ta’ kondotta” tfisser kwalunkwe ftehim jew sett ta’ regoli mhux imposti b’liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru li jiddefinixxu l-imġieba ta’ kummerċjanti li jassumu l-obbligu li josservaw il-kodiċi fejn għandhom x’jaqsmu waħda jew iktar prattiċi kummerċjali partikolari jew setturi ta’ negozju; |
g) |
“sid ta’ kodiċi” tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh; |
h) |
“diliġenza professjonali” tfisser l-istandard ta’ sengħa u kura speċjali li kummerċjant huwa raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward ta’ konsumaturi, proporzjonat ma’ prattika onesta fis-suq u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fidi fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant; |
i) |
“stedina għax-xiri” tfisser komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja; |
j) |
“influwenza mhux xierqa” tfisser l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, anke mingħajr l-użu jew it-theddid ta’ l-użu tal-forza fiżika, b’mod li jillimita sostanzjalment il-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata; |
k) |
“deċiżjoni transazzjonali” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni; |
l) |
“professjoni regolata”: tfisser attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom jew il-prattika tagħhom, jew wieħed mill-modalitajiet tal-prattika tagħhom, huwa kondizzjonat, b’mod dirett jew indirett, mill-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, skond liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi. |
Artikolu 3
L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni
1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.
3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji jew nazzjonali konnessi ma’ aspetti ta’ saħħa u sigurtà ta’ prodotti.
4. Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.
5. Għal perjodu ta’ sitt snin minn 12 ta’ Ġunju 2007, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa kif suppost minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat.
6. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5.
7. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli li jiddeterminaw il-kompetenza tal-qrati.
8. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kondizzjonijiet ta’ stabbiliment jew reġimi ta’ awtorizzazzjoni, jew għall-kodiċijiet deontoloġiċi ta’ kondotta jew regoli speċifiċi oħra li jiggvernaw professjonijiet regolati sabiex jinżammu livelli għolja ta’ integrità min-naħa tal-professjonisti, li l-Istati Membri jistgħu, konformement mal-liġi Komunitarja, jimponu fuq il-professjonisti.
9. Fir-rigward ta’ “servizzi finanzjarji” kif definiti fid-Direttiva 2002/65/KE, u proprjetà immobbli, l-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva f’dak il-qasam li hija tapprossima.
10. Din id-Direttiva ma għandiex tapplika għall-applikazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri konnessi maċ-ċertifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-livell ta’ finezza ta’ artikoli ta’ metall prezzjuż.
Artikolu 4
Is-Suq Intern
L-Istati Membri la għandhom irażżnu l-libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva.
KAPITOLU 2
PRATTIĊI KUMMERĊJALI ŻLEALI
Artikolu 5
Il-Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali
1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
a) |
hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, u |
b) |
toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi. |
3. Prattiċi kummerċjali li x’aktarx joħolqu distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika biss ta’ grupp identifikabbli b’mod ċar ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli għall-prattika jew għall-prodott li għalih din tirriferi minħabba l-mard mentali jew fiżiku, l-età jew il-kredulità tagħhom b’mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment ikun mistenni li jipprevedi, għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva ta’ membru medju ta’ dak il-grupp. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-prattika komuni u leġittima ta’ reklamar ta’ stqarrijiet eżaġerati jew stqarrijiet li mhumiex intiżi sabiex jittieħdu litteralment.
4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
a) |
jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7, jew |
b) |
jkunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9. |
5. Fl-Anness I hemm lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.
Sezzjoni 1
Prattiċi kummerċjali qarrieqa
Artikolu 6
L-Azzjonijiet Qarrieqa
1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall-verità, jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:
a) |
l-eżistenza jew in-natura tal-prodott; |
b) |
il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, bħad-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott; |
ċ) |
il-firxa ta’ l-impenji min-naħa tal-kummerċjant, l-għanijiet għall-prattika kummerċjali u n-natura tal-proċess tal-bejgħ, kwalunkwe stqarrija jew simbolu fir-rigward ta’ sponsorizzazzjoni diretta jew indiretta jew approvazzjoni tal-kummerċjant jew tal-prodott; |
d) |
il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz; |
e) |
il-bżonn ta’ servizz, parti, sostituzzjoni jew tiswija; |
f) |
in-natura, l-attributi u d-drittijiet tal-kummerċjant jew ta’ l-aġent tiegħu, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki, l-istatus, l-approvazzjoni, l-affiljazzjoni jew il-konnessjonijiet tiegħu u d-drittijiet tiegħu fuq proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premji li ngħata u r-rikonoxximenti mogħtija lilu; |
g) |
id-drittijiet tal-konsumatur, inkluż id-dritt ta’ tibdil jew rimborż taħt id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (8), u r-riskji li jista’ jiffaċċa. |
2. Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra, u tinvolvi:
a) |
kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta’ kompetitur; |
b) |
nuqqas ta’ konformità mill-kummerċjant ma’ l-impenji kontenuti f’dawk il-kodiċijiet ta’ kondotta li fuqhom il-kummerċjant impenja ruħu li jirregola lilu nnifsu, fejn:
|
Artikolu 7
L-Ommissjonijiet Qarrieqa
1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
2. Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
3. Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il-limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.
4. F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:
a) |
il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott; |
b) |
l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi; |
ċ) |
il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti; |
d) |
l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali; |
e) |
għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt. |
5. Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.
Sezzjoni 2
Prattiċi kummerċjali aggressivi
Artikolu 8
Il-Prattiċi Kummerċjali Aggressivi
Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
Artikolu 9
L-Użu ta’ Fastidju, Kostrizzjoni u Influwenza Mhux Xierqa
Fid-determinazzjoni jekk prattika kummerċjali tużax il-fastidju, il-kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew l-influwenza mhux xierqa, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:
a) |
iż-żmien, il-lok, in-natura u l-persistenza tagħha; |
b) |
l-użu tal-lingwaġġ użat jew l-imġieba ta’ theddid jew abbużiv; |
ċ) |
l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe sfortuna jew ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur, li biha l-kummerċjant ikun jaf, sabiex jinfluwenza d-deċiżjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott; |
d) |
kwalunkwe ostakli mhux kontrattwali, onerużi jew sproporzjonati imposti mill-kummerċjant fejn konsumatur ikun jixtieq jeżerċita xi drittijiet mogħtija fil-kuntratt, inklużi d-drittijiet tat-tħassir tal-kuntratt jew tal-bidla għal prodott ieħor jew għal kummerċjant ieħor; |
e) |
kwalunkwe theddida li tiġi meħuda, kwalunkwe azzjoni li legalment ma tistax tittieħed. |
KAPITOLU 3
KODIĊIJIET TA’ KONDOTTA
Artikolu 10
Il-Kodiċijiet ta’ Kondotta
Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta’ prattiċi kummerċjali żleali minn sidien ta’ kodiċijiet u l-persuni jew l-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11 milli jirrikorru għal tali korpi jekk il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi huma addizzjonali għall-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi msemmija f’dak l-Artikolu.
Ir-rikors għal dawn il-korpi ta’ kontroll ma għandu qatt jitqies bħala ekwivalenti għal rinunzja ta’ xi mezz ta’ rikors ġudizzjarju jew amministrattiv kif previst fl-Artikolu 11.
KAPITOLU 4
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
L-Infurzar
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.
Dawn il-mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu l-prattiċi kummerċjali żleali, inklużi l-kompetituri, jistgħu:
(a) |
jistitwixxu azzjoni legali kontra tali prattiċi kummerċjali żleali; u/jew |
(b) |
iġibu każijiet ta’ tali prattiċi kummerċjali żleali quddiem awtorità amministrattiva li għandha l-kompetenza jew li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għall-proċedimenti legali adegwati. |
Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-mezzi għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministattivi jistgħux jesiġu li jkun preċedentement sar rikors għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 10. Dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu disponibbli indipendentement jekk il-konsumaturi milquta jinsabux fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn jinsab il-kummerċjant jew fi Stat Membru ieħor.
Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:
(a) |
jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew konġuntement kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku; u |
(b) |
jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi rilevanti jippromwovi n-nonkonformità mar-rekwiżiti legali. |
2. Taħt id-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, fil-każijiet fejn jikkunsidraw li tali miżuri huma meħtieġa wara li jittieħed kont ta’ l-interessi kollha involuti u b’mod partikolari ta’ l-interess pubbliku:
(a) |
jordnaw il-waqfien, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ waqfien, ta’ prattiċi kummerċjali żleali, jew |
(b) |
jekk il-prattika kummerċjali żleali għadha ma seħħetx iżda hija imminenti, jordnaw il-projbizzjoni tal-prattika, jew jistitwixxu proċedimenti legali adegwati għall-għoti ta’ ordni ta’ projbizzjoni tal-prattika |
anki mingħajr prova ta’ telf jew ħsara attwali jew ta’ intenzjoni jew negligenza min-naħa tal-kummerċjant.
L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu sabiex il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu meħuda taħt proċedura aċċelerata:
— |
jew b’effett provviżorju, jew |
— |
b’effett definittiv, |
iżda għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema miż-żewġ possibbiltajiet jagħżel.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati u lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat li, bil-ħsieb li jeliminaw l-effetti kontinwi ta’ prattiċi kummerċjali żleali li t-terminazzjoni tagħhom ġiet ordnata permezz ta’ deċiżjoni definittiva:
(a) |
jesiġu l-pubblikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ dik id-deċiżjoni u fil-forma li huma jikkunsidraw adegwata, |
b) |
li jitolbu barra minn dan il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni rettifikattiva. |
3. L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:
a) |
ikunu komposti b’mod li ma jqanqlu l-ebda dubju dwar l-imparzjalità tagħhom; |
b) |
ikollhom setgħat adegwati, fejn huma jiddeċiedu dwar ilmenti, sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament; |
ċ) |
normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom. |
Meta s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2 jiġu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, għandhom dejjem jiġu mogħtija r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandhom jiġu previsti proċeduri li permezz tagħhom l-eżerċizzju skorrett jew inġustifikat mill-awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas skorrett jew inġustifikat ta’ l-eżerċizzju ta’ l-imsemmija setgħat jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.
Artikolu 12
Il-Qrati u l-Awtoritajiet Amministattivi: Il-Prova Sostanzjali tal-Pretensjonijiet
L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħat fil-proċedimenti ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 11 sabiex:
a) |
jesiġu li l-kummerċjant iġib prova ta’ l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-rigward ta’ xi prattika kummerċjali jekk, b’kont meħud ta’ l-interess leġittimu tal-kummerċjant u ta’ kwalunkwe parti oħra fil-proċedimenti, tali kondizzjoni tidher ġustifikata abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari; u |
b) |
jikkunsidraw il-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova rikjesta skond il-paragrafu (a) ma tinġiebx jew titqies insuffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva. |
Artikolu 13
Il-Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 14
Emendi lid-Direttiva 84/450/KEE
Id-Direttiva 84/450/KEE hija b’dan emendata kif ġej:
1) |
L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1 L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.” |
2) |
L-Artikolu 2
|
3) |
L-Artikolu 3a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 3a
|
4) |
L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
|
5) |
L-Artikolu 7(1) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
|
Artikolu 15
Emendi lid-Direttivi 97/7/KE u 2002/65/KE
1) |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 97/7/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 9 Bejgħ mhux mitlub Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ bejgħ mhux mitlub stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (**), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu ta’ kwalunkwe ħlas f’każijiet ta’ kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta’ tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens. |
2) |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/65/KE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 9 Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ bejgħ mhux mitlub kif stabbilita fid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (***), u bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tiġdid taċitu ta’ kuntratti b’distanza, meta tali regoli jippermettu tiġdid taċitu, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jeżentaw lill-konsumatur mill-obbligu f’każijiet ta’ kunsinna mhux mitluba, fejn in-nuqqas ta’ tweġiba ma jikkostitwixxix kunsens. |
Artikolu 16
Emendi lid-Direttiva 98/27/KE u lir-Regolament (KE) Nru 2006/2004
1) |
Fl-Anness tad-Direttiva 98/27/KE, il-punt 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
|
2) |
Fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (“ir-Regolament dwar il-koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur”) (9) għandu jiġi miżjud il-punt li ġej:
|
Artikolu 17
Tagħrif
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jgħarrfu lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva u għandhom, fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-kummerċjanti u lis-sidien ta’ kodiċijiet sabiex jgħarrfu lill-konsumaturi dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta tagħom.
Artikolu 18
Reviżjoni
1. Sa mhux aktar tard minn 12 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport sħiħ dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari ta’ l-Artikoli 3(9) u 4 u l-Anness I, dwar il-possibbiltà ta’ iżjed armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-liġi Komunitarja konnessa mal-ħarsien tal-konsumatur, u, waqt li jittieħed kont ta’ l-Artikolu 3(5), dwar kwalunkwe miżuri li jkunu meħtieġa fil-livell Komunitarju sabiex jiżguraw li l-livelli adegwati ta’ ħarsien tal-konsumatur jiġu miżmuma. Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk meħtieġ, minn proposta sabiex tiġi riveduta din id-Direttiva jew partijiet rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja.
2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jaġixxu, skond it-Trattat, fi żmien sentejn mill-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta magħmula skond il-paragrafu 1.
Artikolu 19
Traspożizzjoni
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 12 ta’ Ġunju 2007. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lil-Kummissjoni bihom u jinfurmaw il-Kummissjoni dwar emendi sussegwenti mingħajr dewmien.
Għandhom japplikaw dawk il-miżuri sa 12 ta’ Diċembru 2007. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferiment għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandu jsir tali riferiment.
Artikolu 20
Id-Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 21
L-indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Mejju 2005.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. P. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
N. SCHMIT
(1) ĠU C 108, tat-30.4.2004, p. 81.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ April 2004 (ĠU C 104 E, tat-30.4.2004, p. 260), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2004 (ĠU C 38 E, tal-15.2.2005, p. 1), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Frar 2005 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2005.
(3) ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tat-23.10.1997, p. 18).
(4) ĠU L 144, ta’ l-4.6.1997, p. 19. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16).
(5) ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/65/KE.
(6) ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16.
(7) ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.
(8) ĠU L 171, tas-7.7.1999, p. 12.
(9) ĠU L 364, tad-9.12.2004, p. 1.
ANNESS 1
PRATTIĊI KUMMERĊJALI LI F’KULL ĊIRKOSTANZA HUMA KKUNSIDRATI ŻLEALI
Prattiċi kummerċjali qarrieqa
1) |
Fejn il-kummerċjant isostni li huwa firmatarju ta’ kodiċi ta’ kondotta meta ma jkunx. |
2) |
Il-wiri mill-kummerċjant ta’ marka ta’ fiduċja, marka ta’ kwalità jew ekwivalenti mingħajr ma jkun kiseb l-awtorizzazzjoni meħtieġa. |
3) |
Fejn il-kummerċjant isostni li fil-kodiċi ta’ kondotta għandu l-appoġġ uffiċjali ta’ xi korp pubbliku jew korp ieħor, meta ma jkollux. |
4) |
Fejn il-kummerċjant isostni li huwa (inklużi l-prattiċi kummerċjali tiegħu) jew xi prodott ġie approvat, appoġġat jew awtorizzat minn korp pubbliku jew privat ieħor meta huwa/dan ma kienx jew isostni hekk mingħajr ma jikkonforma ruħu mat-termini ta’ l-approvazzjoni, appoġġ jew awtorizzazzjoni. |
5) |
Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifu mingħajr ma juri l-eżistenza ta’ raġunijiet ġustifikati li l-kummerċant jista’ jkollu sabiex jemmen li mhuwiex sejjer ikun jista’ jforni jew iqabbad kummerċjant ieħor sabiex iforni, dawk il-prodotti jew prodotti ekwivalenti għal dak il-prezz għal perjodu u fil-kwantitajiet li huma raġonevoli relattivament għall-prodott, għal-livell ta’ reklamar tal-prodott u għall-prezz offrut (bait advertising). |
6) |
Fejn il-kummerċjant jagħmel stedina sabiex jinxtraw prodotti bi prezz speċifikat u mbagħad:
bl-intenzjoni li jippromwovi prodott differenti (“bait and switch”). |
7) |
Fejn il-kummerċjant jiddikjara b’mod falz li prodott sejjer ikun disponibbli biss għal żmien limitat ħafna, jew li sejjer ikun disponibbli biss taħt kondizzjonijiet partikolari għal żmien limitat ħafna sabiex iqanqal deċiżjoni immedjata u jċaħħad lill-konsumaturi mill-opportunità jew miż-żmien suffiċjenti sabiex jagħmlu għażla informata. |
8) |
Fejn il-kummerċjant jimpenja ruħu li jipprovdi servizz ta’ wara l-bejgħ lill-konsumaturi li magħhom il-kummerċjant ikkomunika qabel it-tranżazzjoni b’lingwa li mhijiex il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn il-kummerċjant jinsab u mbagħad jagħmel dan is-servizz disponibbli biss b’lingwa oħra mingħajr ma jindika dan b’mod ċar lill-konsumatur qabel il-konsumatur jimpenja ruħu fit-tranżazzjoni. |
9) |
Fejn il-kummerċjant jistqarr u b’mod ieħor joħloq l-impressjoni li xi prodott jista jinbiegħ legalment meta ma jistax. |
10) |
Fejn il-kummerċjant jippreżenta drittijiet mogħtija mil-liġi lill-konsumaturi bħala karatteristika distintiva ta’ l-offerta tiegħu. |
11) |
Fejn il-kummerċjant juża kontenut editorjali fil-mijdja sabiex jippromwovi prodott fejn huwa jkun ħallas għall-promozzjoni tiegħu mingħajr ma jagħmel dan ċar fil-kontenut jew permezz ta’ immaġini u ħsejjes identifikabbli b’mod ċar mill-konsumatur. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (1). |
12) |
Fejn il-kummerċjant jagħmel affermazzjoni li hija essenzjalment mhux eżatta dwar in-natura u l-firxa tar-riskju għas-sigurtà personali tal-konsumatur jew tal-familja tiegħu jekk il-konsumatur ma jixtrix il-prodott. |
13) |
Fejn il-kummerċjant jippromwovi prodott simili għal xi prodott magħmul minn manifattur partikolari b’mod tali li deliberatament iqarraq bil-konsumatur li jemmen li l-prodott huwa magħmul minn dak l-istess manifattur meta ma jkunx. |
14) |
Fejn il-kummerċjant jistabbilixxi, jopera jew jippromwovi skema promozzjonali piramidali fejn konsumatur iħallas għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħrajn fl-iskema minflok mill-bejgħ jew konsum ta’ prodotti. |
15) |
Fejn il-kummerċjant isostni li dalwaqt sejjer jieqaf mill-kummerċ jew ibiddel il-post tal-kummerċ meta ma jkunx sejjer jagħmel dan. |
16) |
Fejn il-kummerċjant isostni li prodotti jistgħu jiffaċilitaw ir-rebħ f’logħob ta’ l-azzard. |
17) |
Fejn il-kummerċjant isostni, bil-qerq, li prodott jista’ jfejjaq mard, xi disfunzjoni jew malformazzjonijiet. |
18) |
Fejn il-kummerċjant jgħaddi tagħrif li huwa essenzjalment mhux eżatt dwar kondizzjonijiet tas-suq jew dwar il-possibbiltà li jinstab il-prodott bl-intenzjoni li jipperswadi lill-konsumatur jakkwista l-prodott b’kondizzjonijiet inqas favorevoli mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. |
19) |
Fejn il-kummerċjant isostni fi prattika kummerċjali li joffri parteċipazzjoni f’xi kompetizzjoni jew promozzjoni ta’ premju mingħajr ma jagħti l-premji deskritti jew ekwivalenti raġonevoli. |
20) |
Fejn il-kummerċjant jiddeskrivi prodott bħala “gratis”, “b’xejn”, “mingħajr ħlas” jew simili jekk il-konsumatur għandu jħallas xi ħaġa oħra barra l-prezz li inevitabbilment kellu jħallas sabiex wieġeb għall-prattika kummerċjali u sabiex ġabar jew ħallas għall-kunsinna ta’ l-oġġett. |
21) |
Fejn il-kummerċjant jinkludi fil-materjal promozzjonali fattura jew rikjesta oħra ta’ ħlas li tagħti l-impressjoni lill-konsumatur li huwa kien diġà ordna l-prodott kummerċjalizzat meta ma kienx għamel dan. |
22) |
Fejn il-kummerċjant bil-qerq isostni jew joħloq l-impressjoni li huwa ma jkunx qiegħed jaġixxi għall-finijiet konnessi mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu, jew bil-qerq juri ruħu bħala konsumatur. |
23) |
Fejn il-kummerċjant bil-qerq jagħti l-impressjoni li jeżisti servizz ta’ wara l-bejgħ fir-rigward ta’ prodott fi Stat Membru ieħor barra minn dak li fih il-prodott huwa mibjugħ. |
Prattiċi kummerċjali aggressivi
24) |
Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax iħalli l-post qabel ma jsir kuntratt. |
25) |
Fejn il-kummerċjant jagħmel żjarat personali fid-dar tal-konsumatur u jinjora t-talba tal-konsumatur sabiex jitlaq jew sabiex ma jirritornax ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obbligazzjoni kontrattwali. |
26) |
Fejn il-kummerċjant jagħmel solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefown, tal-faks, bl-e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/7/KE, d-Direttiva 95/46/KE (2) u d-Direttiva 2002/58/KE. |
27) |
Fejn il-kummerċjant jesiġi li konsumatur li jixtieq iressaq pretensjoni fuq polza ta’ assigurazzjoni jipproduċi dokumenti li ma jistgħux raġonevolment jiġu kkunsidrati rilevanti għall-kwistjoni jekk il-pretensjoni kinetx valida, jew jonqos sistematikament milli jwieġeb għal korrispondenza pertinenti, sabiex jiddisswadi xi konsumatur milli jeżerċita d-drittijiet kontrattwali tiegħu. |
28) |
Fejn il-kummerċjant jinkludi f’reklam it-tħeġġiġ dirett lit-tfal sabiex jixtru jew sabiex jipperswadu l-ġenituri tagħhom jew adulti oħrajn sabiex jixtrulhom il-prodotti reklamati. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 89/552/KEE dwar xandir bit-televiżjoni. |
29) |
Fejn il-kummerċjant jitlob ħlas immedjat jew differit għar-ritorn jew għall-kustodja ta’ prodotti forniti minnu, iżda mhux solleċitati mill-konsumatur ħlief fejn il-prodott huwa sostitut fornit konformement ma’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/7/KE (“bejgħ mhux mitlub”). |
30) |
Fejn il-kummerċjant jgħarraf espliċitament lill-konsumatur li jekk ma jixtrix il-prodott jew servizz, ix-xogħol jew l-għajxien tal-kummerċjant ikunu fil-periklu. |
31) |
Fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni falza li konsumatur diġà rebaħ, se jirbaħ, jew li hekk kif jagħmel xi azzjoni partikolari jirbaħ, xi premju jew xi benefiċċju ekwivalenti ieħor, meta fil-fatt
|
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23). Direttiva kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).
(2) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31). Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).
ANNESS II
DISPOŻIZZJONIJIET TAL-LIĠI KOMUNITARJA LI JISTABBILIXXU REGOLI GĦAR-REKLAMAR U GĦALL-KOMUNIKAZZJONIJIET KUMMERĊJALI
L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 97/7/KE.
L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox inkluż u t-tours kollox inkluż (1).
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti aspetti tal-kuntratti li għandhom x’jaqsmu max-xiri tad-dritt għall-użu tal-propjetà immobbli fuq bażi ta’ timeshare (2).
L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (3)
L-Artikoli 86 sa 100 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (4).
L-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-suq intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (5).
L-Artikolu 1(d) tad-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (6).
L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2002/65/KE
L-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (IIKTT) bl-iskop li jiġu rregolati kumpaniji ta’ amministrazzjoni u prospektusis simplifikati (7).
L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni ta’ l-assigurazzjoni (8).
L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (9).
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq ta’ l-istrumenti finanzjarji (10).
L-Artikolu 31 u 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (11) (it-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja).
L-Artikoli 5, 7 u 8 tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat għall-offerta lill-pubbliku jew għall-ammissjoni għall-kummerċ ta’ titoli (12)
(1) ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.
(2) ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83.
(3) ĠU L 80, tat-18.3.1998, p. 27.
(4) ĠU L 311, tat-28.11.2001, p. 67. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, tat-30.4.2004, p. 34).
(5) ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.
(6) ĠU L 101, ta’ l-1.4.1998, p. 17.
(7) ĠU L 41, tat-13.2.2002, p. 20.
(8) ĠU L 9, tal-15.1.2003, p. 3.
(9) ĠU L 345, tad-19.12.2002, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE (ĠU L 168, ta’ l-1.5.2004, p.35).
(10) ĠU L 145, tat-30.4.2004, p. 1.
(11) ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/87/KE (ĠU L 35, tal-11.2.2003, p. 1).